|
11.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 360/112 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1776
tal-5 ta’ Ottubru 2021
li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lir-Repubblika Federali tall-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi fornuti lilhom għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (“il-Ġermanja”) kienet awtorizzata tintroduċi miżura ta’ deroga maħsuba biex teskludi mid-dritt ta’ tnaqqis il-VAT miżmuma fuq il-merkanzija u s-servizzi meta l-persuna taxxabbli tuża dik l-merkanzija u dawk is-servizzi, f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew għall-finijiet tal-impjegati tagħha, jew b’mod ġenerali għal finijiet mhux kummerċjali jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi. |
|
(2) |
Inizjalment, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE (2) awtorizzat lill-Ġermanja tintroduċi u tapplika miżuri li jidderogaw mill-Artikoli 6 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (3) sal-31 ta’ Diċembru 2002. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE (4) awtorizzat lill-Ġermanja tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE sat-30 ta’ Ġunju 2004. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE (5) estendiet dik l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE (6) awtorizzat lill-Ġermanja tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE. Wara estensjonijiet suċċessivi, dik l-awtorizzazzjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(4) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE (7) daħħlet l-Artikolu 168a fid-Direttiva 2006/112/KE sabiex it-tnaqqis jiġi limitat għall-proporzjon tal-użu kummerċjali effettiv u b’hekk jiġi applikat b’mod aktar effettiv il-prinċipju li permezz tiegħu t-tnaqqis japplika biss sa fejn il-merkanzija u s-servizzi kkonċernati jintużaw għall-finijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/791/KE ġie emendat biex tiġi inkluża referenza għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant it-titolu tad-Deċiżjoni 2009/791/KE jeħtieġ li jirreferi wkoll għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(5) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2021, il-Ġermanja ppreżentat talba lill-Kummissjoni biex l-awtorizzazzjoni li tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE biex teskludi kompletament mid-dritt ta’ tnaqqis il-VAT imposta fuq merkanzija u servizzi li jintużaw minn persuna taxxabbli, f’iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew mhux kummerċjali, inklużi l-attivitajiet mhux ekonomiċi (‘il-miżura speċjali’) tiġi estiża (“it-talba”). It-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/791/KE. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membrui l-oħra, permezz ta’ ittra bid-data tas-17 ta’ Marzu 2021. Permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
|
(7) |
Skont il-Ġermanja, il-miżura speċjali wriet li kienet effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u biex tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Il-miżura speċjali tnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-merkanzija u s-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis fil-mument tal-akkwist tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ġermanja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(8) |
F’każ li l-Ġermanja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni lil hinn mill-2024, jenħtieġ li tippreżenta talba lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024, flimkien ma’ rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li jenħtieġ jinkludi rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata. |
|
(9) |
Il-miżura taspeċjali mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni provenjenti mill-VAT. |
|
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/791/KE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2009/791/KE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud”; |
|
(2) |
L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. Kull talba għall-estensjoni tal-miżura ta’ deroga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024. Flimkien mat-tali talba għandu jintbagħat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. ŠIRCELJ
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE tat-28 ta’ Frar 2000 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 6 u 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 59, 4.3.2000, p. 12).
(3) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 li tawtorizza lill-Ġermanja biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 47).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE tad-19 ta’ Novembru 2004 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura derogatorja mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 55).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 10, 15.1.2010, p. 14).