4.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 351/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1744

tat-28 ta’ Settembru 2021

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-15-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1).

(2)

L-Assemblea Ġenerali tal-OTIF ġiet stabbilita f’konformità mal- Artikolu 13 § 1, ittra a), tal-COTIF (“l-Assemblea Ġenerali”).

(3)

L-Unjoni tipparteċipa fl-Assemblea Ġenerali f’konformità mal-COTIF, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali u l-Ftehim dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni għall-COTIF.

(4)

Fil-15-il sessjoni tagħha li ser issir fit-28 sad-29 ta’ Settembru 2021, l-Assemblea Ġenerali hija mistennija tiddeċiedi dwar: it-tħejjija ta’ strateġija fit-tul għall-OTIF; proposta għal Regolament dwar l-elezzjoni u l-kundizzjonijiet tas-servizz tas-Segretarju Ġenerali; proposta għall-fużjoni tal-attivitajiet tal-Kumitat ad hoc dwar il-Kooperazzjoni u tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti Legali f’Kumitat ad hoc uniku dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali; proposta għal deċiżjoni dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrumenti legali tal-OTIF; u, proposti għal modifika tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali.

(5)

F’dik is-sessjoni, l-Assemblea Ġenerali hija mistennija wkoll li tifformula l-fehmiet tal-OTIF dwar l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar il-Liġi Ferrovjarja Unifikata, b’mod partikolari fir-rigward ta' żewġ approċċi alternattivi dwar l-unifikazzjoni tal-liġi ferrovjarja fil-livell globali.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-15-il Assemblea Ġenerali tal-OTIF, peress li l-Unjoni hija membru tal-OTIF u d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Assemblea Ġenerali jkollhom impatt fuq il-funzjonament u fuq l-istrateġija ta’ żvilupp tal-organizzazzjoni.

(7)

Il-15-il Assemblea Ġenerali se tqis l-adozzjoni ta’ strument legalment vinkolanti li jirregola l-elezzjoni u l-kundizzjonijiet tas-servizz tas-Segretarju Ġenerali, wieħed mill-organi tal-OTIF stabbiliti fl-Artikolu 13 tal-COTIF. L-istrument il-ġdid jipprovdi qafas komprensiv li jkopri l-aspetti ewlenin kollha tas-suġġett (il-prinċipji tal-elezzjoni, il-kriterji ta’ kwalifika, is-sejħa għall-applikazzjoni, il-preżentazzjoni u l-eżami tal-applikazzjonijiet, it-trasparenza, il-votazzjoni, il-kundizzjonijiet tas-servizz, eċċ.).

(8)

Fir-rigward tal-iżvilupp strateġiku tal-OTIF, is-Segretarju Ġenerali jipproponi li titkompla u li tiġi intensifikata d-diskussjoni dwar abbozz ta’ proposta għal strateġija fit-tul għall-OTIF, wara l-konsultazzjoni organizzata fil-bidu tal-2021. Imbagħad, abbozz rivedut ta’ proposta jiġi ppreżentat għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali fis-sessjoni ordinarja li jmiss tagħha. L-Assemblea Ġenerali se tkun mistennija tagħti struzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali biex jieħu l-azzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan.

(9)

L-Assemblea Ġenerali se tqis l-opportunità li tgħaqqad l-attivitajiet tal-Kumitat ad hoc dwar il-Kooperazzjoni u tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti Legali f’Kumitat ad hoc uniku dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali. Huwa nnotat li l-qafas istituzzjonali tal-OTIF huwa definit fit-Titolu III tal-COTIF. Skont l-Artikolu 13 § 2 tal-COTIF, l-Assemblea Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tistabbilixxi kumitati oħra b’mod temporanju għal kompiti speċifiċi. Għalhekk, il-proposta tas-Segretarju Ġenerali li jistabbilixxi b’mod temporanju Kumitat ad hoc dwar l-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali għandha tiġi meqjusa fi ħdan il-qafas istituzzjonali eżistenti tal-OTIF.

(10)

Sabiex l-applikazzjoni tal-COTIF tiġi mmonitorjata aħjar u mtejba, l-Assemblea Ġenerali hija mistennija tadotta deċiżjoni interna dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-qafas legali tal-COTIF. Id-deċiżjoni proposta toperazzjonalizza l-kompitu tal-OTIF stabbilit fl-Artikolu 2 § 1, l-ittra e) tal-COTIF biex jimmonitorja l-applikazzjoni tar-regoli u r-rakkomandazzjonijiet kollha (strumenti legali) stabbiliti fi ħdan l-organizzazzjoni. Għal dak il-għan, l-abbozz ta’ deċiżjoni jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għas-Segretarju Ġenerali tal-OTIF u għall-membri tal-OTIF, b’mod partikolari: is-Segretarju Ġenerali se jwettaq b’mod sistematiku monitoraġġ u valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-COTIF; l-organi tal-OTIF se jkunu intitolati jibdew monitoraġġ u valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ strument legali partikolari fl-isfera tal-kompetenza tagħhom jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom; is-Segretarju Ġenerali se jkun jista’ jibda monitoraġġ u valutazzjoni ta’ kwalunkwe strument legali; il-membri tal-OTIF se jikkooperaw mas-Segretarju Ġenerali u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha għall-fini tal-monitoraġġ u tal-valutazzjoni tal-istrumenti legali.

(11)

L-Assemblea Ġenerali se tqis u tadotta wkoll pożizzjoni dwar l-aktar żviluppi riċenti tal-inizjattiva tal-UNECE dwar il-Liġi Ferrovjarja Unifikata. B’mod partikolari, l-Assemblea Ġenerali tista’ tesprimi l-appoġġ tagħha għall-formazzjoni u għall-adozzjoni ta’ liġi dwar l-interfaċċa biex jiġi ffaċilitat it-trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija bejn l-Ewropa u l-Asja, dment li tali liġi dwar l-interfaċċa ma toħloqx kunflitt mar-regoli tal-COTIF. Dik il-pożizzjoni se tiġi trażmessa lill-74 sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar it-Trasport bil-Ferrovija f’Novembru 2021, li huwa l-korp permanenti kompetenti biex jiddeċiedi dwar il-passi li jmiss tal-inizjattiva dwar il-Liġi Ferrovjarja Unifikata.

(12)

Fil-15-il sessjoni tagħha, l-Assemblea Ġenerali se tiddeċiedi wkoll dwar il-modifika tar-regoli ta’ proċedura tagħha. Verżjoni konsolidata tar-regoli ta’ proċedura se tiġi adottata u jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara s-sessjoni.

(13)

Id-deċiżjonijiet proposti huma konformi mal-liġi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni.

(14)

Skont l-Anness III tad-Deċiżjoni 2013/103/UE, it-tħejjija tal-laqgħat tal-OTIF testendi għall-koordinazzjoni fuq il-post. Għaldaqstant bidliet żgħar għal din il-pożizzjoni tal-Unjoni jistgħu jiġu miftiehma matul il-koordinazzjoni fuq il-post mingħajr il-ħtieġa ta' deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, b'mod partikolari sabiex ikun jista' jirreaġixxi għall-proposti u l-iżviluppi li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fil-mument ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni waqt il-15-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) hija stabbilita fl-Anness.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali jistgħu jaqblu fuq xi tibdil minuri fil-pożizzjoni stabbilita fl-Anness mingħajr deċiżjoni ulterjuri mill-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

S. KUSTEC


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).


ANNESS

1.   Introduzzjoni

Il-15-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Ferrovjarju Internazzjonali (OTIF) se ssir mit-28 sad-29 ta’ Settembru 2021. Id-dokumenti tal-laqgħat huma disponibbli fuq is-sit web tal-OTIF permezz ta’ dan il-link:

http://extranet.otif.org/fr/?page_id=140

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar ċerti punti fl-aġenda

Il-Punt 1 fl-Aġenda — L-elezzjoni tal-President u tal-Viċi President

Dokument(i):

L-ebda

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 2 fl-Aġenda — L-adozzjoni tal-aġenda

Dokument(i):

SG-21009-AG 15/2

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva), mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-punt 11 tal-aġenda

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-punt 11 tal-aġenda

Pożizzjoni:

Favur l-adozzjoni tal-abbozz tal-aġenda

Il-Punt 3 fl-Aġenda – Il-formazzjoni tal-Kumitat tal-Kredenzjali

Dokument(i):

L-ebda

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 4 fl-Aġenda – L-organizzazzjoni tal-ħidma u d-deżinjazzjoni ta’ kwalunkwe Kumitat meqjus meħtieġ

Dokument(i):

L-ebda

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 5 fl-Aġenda — L-istatus tal-Konvenzjoni u tas-sħubija tal-OTIF

Dokument(i):

SG-21010-AG15/5

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

Mhux applikabbli

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 6 fl-Aġenda – L-elezzjoni ta’ Segretarju Ġenerali għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024

Dokument(i):

Distribuzzjoni ristretta

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 7 tal-Aġenda — L-istrateġija fit-tul tal-OTIF

Dokument(i):

SG-21017-AG 15/7

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni

Pożizzjoni:

Appoġġ għall-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali biex tiġi żviluppata strateġija fit-tul għall-OTIF.

Jiġi nnotat ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali u jiġi apprezzat li l-kummenti pprovduti mill-Unjoni matul il-proċess ta’ konsultazzjoni ġew ikkunsidrati b’mod effettiv.

Appoġġ għall-proposta għal deċiżjoni mill-Assemblea Ġenerali biex:

is-Segretarju Ġenerali jingħata l-istruzzjonijiet biex jitħejja abbozz revedut ta’ proposta għal strateġija fit-tul għall-OTIF, li għandu jkun ibbażat fuq l-abbozz mibgħut bl-ittra ċirkolari SG-21001 (ara l-Anness 1 tad-dokument SG-21017-AG 15/7) u aġġornat f’konformità mar-reazzjoni tas-Segretarju Ġenerali għall-feedback riċevut fil-konsultazzjoni (il-parti D tad-dokument SG-21017-AG 15/7) u mar-riżultati tad-diskussjonijiet fil-15-il Assemblea Ġenerali, u

is-Segretarju Ġenerali jingħata l-istruzzjonijiet f’konsultazzjoni mal-organi tal-OTIF biex titħejja strateġija fit-tul għall-OTIF u tiġi ppreżentata għall-adozzjoni fis-sessjoni ordinarja li jmiss tal-Assemblea Ġenerali, li hija skedata għall-ħarifa tal-2024.

Fid-dawl ta’ diskussjonijiet ulterjuri fi ħdan l-OTIF dwar din il-kwistjoni, l-Unjoni għandha l-intenzjoni li tieħu ħsieb tiżgura li l-istrateġija fit-tul għall-OTIF tkun konsistenti mal-Istrateġija tal-UE Nikkollegaw l-Ewropa u l-Asja, u mal-objettivi rilevanti tal-politika tat-trasport ferrovjarju tal-UE, li l-formulazzjoni ta’ objettivi strateġiċi fit-tul għall-OTIF tkopri b’mod adegwat l-għanijiet tal-organizzazzjoni u ma twassalx biex jiżdiedu objettivi ġodda mal-OTIF jew biex tiġi fformulata interpretazzjoni tal-objettivi eżistenti li timplika estensjoni tal-kompetenzi tal-OTIF, li l-impatt potenzjali tal-istrateġija fit-tul fuq l-organizzazzjoni u r-riżorsi tal-OTIF jiġi vvalutat u ddokumentat bħala parti mill-proposta għal abbozz revedut ta’ proposta, u li l-istrateġija, ladarba tiġi adottata, tiġi implimentata primarjament bl-użu ta’ għodod u proċeduri eżistenti, kif stabbilit fil-COTIF (il-programm ta’ ħidma, il-baġit, ir-rapporti dwar il-ġestjoni, l-attivitajiet tal-organi, eċċ.).

Kummenti:

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-konsultazzjoni organizzata dwar l-abbozz ta’ proposta għall-istrateġija fit-tul għall-OTIF ġiet ippreżentata lis-Segretarjat tal-OTIF fis-17 ta’ Marzu 2021 u huwa riprodott fl-Anness ta’ SG-21017-AG 15/7. L-Unjoni laqgħet l-inizjattiva iżda ssuġġeriet li l-abbozz ta’ strateġija mhuwiex żviluppat biżżejjed. Hemm bżonn iktar analiżi ta’ sfond u diskussjoni fil-livell tal-esperti. Jenħtieġ li l-punt tat-tluq ikun l-analiżi tas-sitwazzjoni eżistenti fit-trasport ferrovjarju internazzjonali, inkluż l-immappjar tal-isfidi attwali u emerġenti, u l-kunsiderazzjoni tal-evidenza legali, ekonomika, ambjentali u teknoloġika rilevanti.

Il-Punt 8, (a) tal-Aġenda — Ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat ad hoc dwar il-Kooperazzjoni u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Legali

Dokument(i):

SG-21018-AG 15/8.1

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni

Pożizzjoni:

Jiġi nnotat ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat ad hoc dwar il-Kooperazzjoni u tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Legali u tiġi rrikonoxxuta l-importanza li titkompla u tiġi ssimplifikata l-ħidma ta’ dawn iż-żewġ korpi.

Appoġġ għad-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali li tistabbilixxi Kumitat ad hoc għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali, billi toħloq fużjoni bejn il-Kumitat ad hoc dwar il-Kooperazzjoni u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Legali.

Approvazzjoni tal-mandat propost tal-Kumitat ad hoc għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali, għall-ewwel perjodu ta’ tliet snin, u għoti ta’ struzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta l-konklużjonijiet u l-proposti tal-Kumitat ad hoc għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali lill-korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 13 § 1 tal-COTIF għal konsiderazzjoni jew għal deċiżjoni.

Kummenti:

Ir-rapport ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali jindika li l-Kumitat ad hoc dwar il-Kooperazzjoni u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Legali effettivament issodisfaw il-mandati tagħhom u wrew il-valur tagħhom fil-kuntest tal-iżvilupp tal-liġi dwar l-OTIF u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali. Fir-raba’ sessjoni tagħhom f’April 2021, dawk iż-żewġ korpi qablu dwar proposta konġunta biex jorganizzaw mill-ġdid il-ħidma tagħhom fil-futur u biex inaqqsu l-piż amministrattiv, permezz tal-istabbiliment ta’ Kumitat ad hoc uniku.

Il-Punt 8, (b) tal-Aġenda — Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrumenti legali

Dokument(i):

SG-21019-AG 15/8.2

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni

Pożizzjoni:

Appoġġ għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrumenti legali.

Appoġġ għall-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrumenti legali.

Kummenti:

L-abbozz ta’ Deċiżjoni propost jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet legali meħtieġa għall-organizzazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni tal-istrumenti legali tal-OTIF (il-kamp ta’ applikazzjoni, l-ippjanar u l-prijoritizzazzjoni, il-kooperazzjoni, il-ġbir tad-data, il-valutazzjoni u s-segwitu), skont l-objettivi tal-Programm ta’ Ħidma tal-OTIF.

Il-Punt 8, (c) tal-Aġenda — Modifika tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali rigward il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza (kredenzjali)

Dokument(i):

SG-21020-AG 15/8.3

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni

Pożizzjoni:

Appoġġ għall-adozzjoni tal-emendi għall-Artikoli 4 sa 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali.

Appoġġ għall-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar l-Artikoli 4 sa 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali.

Kummenti:

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Legali ħejja proposti biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali rigward il-kredenzjali, bil-ħsieb li jittejbu u li jiġu ċċarati.

Il-Punt 8, (d) tal-Aġenda — Inizjattiva tal-UNECE dwar il-Liġi Ferrovjarja Unifikata

Dokument(i):

SG-21021-AG 15/8.4

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

Jiġu nnotati r-rapport tas-Segretarju Ġenerali u l-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti Legali dwar l-approċċi possibbli għall-unifikazzjoni tal-liġi ferrovjarja;

Ikun hemm qbil mal-proposta għal deċiżjoni mill-Assemblea Ġenerali biex:

tiġi appoġġata l-formazzjoni u l-adozzjoni ta’ liġi dwar l-interfaċċa bejn il-COTIF/is-CIM u l-SMGS biex jiġi ffaċilitat it-trasport ferrovjarju internazzjonali tal-merkanzija bejn l-Ewropa u l-Asja, diment li din il-liġi dwar l-interfaċċa ma tridx tkun f’kunflitt mas-CIM UR u mal-SMGS;

is-Segretarju Ġenerali jingħata l-istruzzjonijiet biex ikompli jipparteċipa fil-ħidma tal-UNECE dwar il-proġett għall-unifikazzjoni tal-liġi ferrovjarja u jagħti struzzjonijiet lill-Kumitat ad hoc għall-Affarijiet Legali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali biex jimmonitorja l-proġett tal-UNECE rigward l-unifikazzjoni tal-liġi ferrovjarja u, jekk meħtieġ, jagħti parir;

Tiġi mtennija d-deċiżjoni meħuda fit-13-il sessjoni tagħha, fejn tirrikonoxxi li trid tieħu deċiżjoni minn qabel fir-rigward tal-parteċipazzjoni fit-tħejjija ta’ kwalunkwe test ġdid dwar il-liġi ferrovjarja internazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt jew jikkoinċidu parzjalment mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-COTIF u mal-objettivi tal-OTIF.

Kummenti:

Is-suġġett jikkonċerna l-armonizzazzjoni u l-unifikazzjoni tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju għat-traffiku internazzjonali fl-Ewrasja li attwalment huwa ġestit permezz ta’ żewġ reġimi legali distinti: (1) il-COTIF amministrat mill-OTIF, inkluż l-Appendiċi B tiegħu “Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta’ Prodotti bil-Ferrovija (CIM UR)”; (2) il-Ftehim dwar it-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali (SMGS) amministrat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji (OSJD). L-objettiv tal-inizjattiva tal-UNECE dwar il-Liġi Ferrovjarja Unifikata (URL) huwa li jiġi żviluppat approċċ għall-unifikazzjoni tal-liġi dwar it-trasport ferrovjarju bil-ħsieb li jittejbu l-effiċjenza u l-kompetittività tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tal-Ewro-Asjatiċi. L-esperti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, li pparteċipaw f’din l-attività fl-UNECE, irrakkomandaw approċċ pragmatiku u gradwali, li jibda, bħala l-ewwel pass, bl-adozzjoni possibbli ta’ “Konvenzjoni dwar il-kuntratt URL ta’ ġarr”, li tista’ teżisti flimkien mar-regoli rilevanti tal-OTIF u tal-OSJD. Tali liġi dwar l-interfaċċa bejn il-COTIF/is-CIM u l-SMGS timla lakuna fir-regolamenti internazzjonali għall-ġarr internazzjonali meta la s-CIM UR u lanqas l-SMGS ma jkunu jistgħu jiġu applikati tul il-vjaġġ kollu (it-traffiku bejn l-Ewropa u l-Asja).

Il-Punt 9 tal-Aġenda — Ir-regoli dwar l-elezzjoni u l-kundizzjonijiet tas-servizz tas-Segretarju Ġenerali

Dokument(i):

SG-21022-AG 15/9

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

Appoġġ għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ Regolament dwar l-elezzjoni u l-kundizzjonijiet tas-servizz tas-Segretarju Ġenerali. Fir-rigward tal-Artikolu 5(c) (Kriterji ta’ kwalifika, lingwi): L-ebda pożizzjoni tal-Unjoni.

Appoġġ għall-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar l-abbozz ta’ Regolament. Madankollu, ma hemm l-ebda pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta' dawk il-partijiet relatati mal-Artikolu 5(c) tal-abbozz ta’ Regolament.

Appoġġ għall-adozzjoni tal-emendi għall-Artikoli 10 u 22 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali u l-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar l-Artikoli 10 u 22 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali li jirrigwardaw l-elezzjoni u l-kundizzjonijiet tas-servizz tas-Segretarju Ġenerali. Madankollu, ma hemm l-ebda pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-Artikolu 5(c) tal-abbozz ta’ Regolament.

Kummenti:

Għad-differenza tal-kriterji ta’ kwalifika applikati preċedentement għall-applikanti għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-OTIF (l-għarfien tat-tliet lingwi ta’ ħidma tal-OTIF, bil-kapaċità li jabbozza faċilment u b’mod fluwenti b’waħda mil-lingwi ta’ ħidma), ir-Regolament propost jagħmel enfasi espliċita fuq l-għarfien tal-Ingliż. Barra minn hekk, ikun meħtieġ l-għarfien ta’ tnejn biss mil-lingwi ta’ ħidma tal-OTIF.

Il-Punt 10 fl-Aġenda – Il-modifika tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali

Dokument(i):

SG-21024-AG 15/10

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni

Pożizzjoni:

Appoġġ għall-adozzjoni tal-emendi għall-Artikoli 4 sa 7, 10, 22 u 28 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali u s-sostituzzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura mal-verżjoni kkonsolidata stabbilita fl-Anness 1 ta’ SG-21024-AG 15/10.

Appoġġ għall-approvazzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni dwar l-Artikoli 4 sa 7, 10 u 22 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Ġenerali u s-sostituzzjoni tan-Noti ta’ Spjegazzjoni mal-verżjoni kkonsolidata stabbilita fl-Anness 2 ta’ SG-21024-AG 15/10.

Kummenti:

Kif indikat taħt il-punti 8, (c) u 9 tal-aġenda, l-Assemblea Ġenerali se tiddeċiedi dwar il-proposti għal modifika tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha. Jenħtieġ li tiġi ppreżentata verżjoni kkonsolidata tal-emendi kollha għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali.

Il-Punt 11 fl-Aġenda – Il-qafas tal-baġit

Dokument(i):

Distribuzzjoni ristretta

Kompetenza:

L-Istati Membri

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Kummenti:

Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni għall-COTIF, “L-Unjoni ma għandhiex tikkontribwixxi għall-baġit tal-OTIF u ma għandhiex tieħu sehem f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw dak il-baġit”.

Il-Punt 12 fl-aġenda – Ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-Kumitat Amministrattiv fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2018 u t-30 ta’ Settembru 2021

Dokument(i):

Distribuzzjoni ristretta

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 13 fl-aġenda – L-elezzjoni tal-Kumitat Amministrattiv għall-perjodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2021 u t-30 ta’ Settembru 2024 (il-kompożizzjoni u l-Presidenza)

Dokument(i):

Distribuzzjoni ristretta

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża)

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Istati Membri

Pożizzjoni:

L-ebda

Il-Punt 18 fl-aġenda – L-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet, ta’ mandati, ta’ rakkomandazzjonijiet u ta’ dokumenti oħra tal-Assemblea Ġenerali (dokument finali)

Dokument(i):

Distribuzzjoni ristretta

Kompetenza:

L-Unjoni (kondiviża u esklużiva), mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-punt 11 tal-aġenda

Eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

L-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-punt 11 tal-aġenda

Pożizzjoni:

Kif speċifikat fil-punti rilevanti fl-aġenda.