22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1694

tal-21 ta’ Settembru 2021

b’appoġġ għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Ċerti Armi Konvenzjonali Li Jistgħu Jitqiesu li Huma ta’ Ħsara Eċċessiva jew li Għandhom Effetti Indiskriminati (CCW)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 (l-”Istrateġija Globali tal-UE”) tenfasizza li l-Unjoni ser iżżid il-kontribut tagħha għas-sigurtà kollettiva.

(2)

L-Istrateġija Globali tal-UE tinnota li l-Unjoni tappoġġa bis-sħiħ l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tat-trattati u r-reġimi multilaterali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi.

(3)

Wieħed minn dawn l-istrumenti, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti armi konvenzjonali li jistgħu jitqiesu li huma ta’ ħsara eċċessiva jew li għandhom effetti indiskriminati (is-”CCW”), jirregola l-użu, f’kunflitt armat, ta’ ċerti armi konvenzjonali meqjusa li jikkawżaw tbatija eċċessiva lill-ġellieda jew ħsara indiskriminata lill-popolazzjonijiet ċivili.

(4)

L-UE tixtieq li tikkontribwixxi għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-CCW sabiex din tibqa’ parti b’saħħitha u effettiva tas-sistema multilaterali ta’ diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi.

(5)

Is-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni tas-CCW, skedata għal Diċembru 2021, għandha l-għan li tiddetermina l-prijoritajiet tas-CCW għas-snin viċini li ġejjin, kif ukoll l-istrateġiji u l-mekkaniżmi biex tali prijoritajiet jissarrfu f’azzjoni.

(6)

L-Unjoni tixtieq tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effiċjenti tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tas-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni tas-CCW,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tappoġġa l-proġetti li ġejjin:

(1)

It-tħejjija għas-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni tas-CCW u segwitu għaliha;

(2)

L-appoġġ għall-universalizzazzjoni tas-CCW;

(3)

Il-faċilitazzjoni tad-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet mhux esplorati biżżejjed, emerġenti u trasversali ta’ rilevanza għas-CCW.

Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawk il-proġetti tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implementazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA).

L-UNODA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 603 517,64.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNODA. Dak il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA jrid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni b’mod adatt għad-daqs ta’ dik il-kontribuzzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal evalwazzjoni li trid titwettaq mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż ebda tali ftehim f’dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


ANNESS

DOKUMENT TA’ PROĠETT

Proġett b’appoġġ għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjonijiet u r-Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Ċerti Armi Konvenzjonali Li Jistgħu Jitqiesu li Huma ta’ Ħsara Eċċessiva jew li Għandhom Effetti Indiskriminati (CCW) — HR(2021) 124

RAĠUNIJIET U KUNTEST

Magħrufa b’mod aktar komuni bħala l-”Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali”, il-Konvenzjoni tal-1980 dwar il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti armi konvenzjonali li jistgħu jitqiesu li huma ta’ ħsara eċċessiva jew li għandhom effetti indiskriminati (CCW) daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 1983. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa d-Depożitarju tal-Konvenzjoni u l-Protokolli annessi tagħha.

Is-CCW hija strument ewlieni tad-dritt umanitarju internazzjonali, magħmula minn konvenzjoni qafas li tistipula l-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u r-regoli ta’ operazzjoni u ħames protokolli annessi, li kull wieħed minnhom jipprojbixxi jew jirregola tip speċifiku ta’ armi. Kull protokoll huwa wkoll strument legali awtonomu bil-membri tiegħu stess u, f’ċerti każijiet, bil-makkinarju proprju ta’ implimentazzjoni.

Il-Konvenzjoni wriet li hija mekkaniżmu flessibbli li jista’ jindirizza firxa wiesgħa ta’ sfidi li qed jitfaċċaw fil-mezzi u l-metodi tal-gwerer, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kodifikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (DUI). B’mod partikolari, din il-flessibbiltà ppermettiet li l-Konvenzjoni żżid protokolli ġodda — il-Protokoll IV dwar armi laser li jagħmew fl-1996 u l-Protokoll V dwar fdalijiet splussivi tal-gwerra fl-2003 — mat-tlieta oriġinali li ġew adottati fl-1980. Barra minn hekk, fl-2001, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha twessgħu biex japplikaw għal kunflitti armati mhux internazzjonali. Barra minn hekk, bosta kwistjonijiet mhux koperti mill-protokolli ġew diskussi fil-format ta’ Grupp ta’ Esperti Governattivi, li l-aħħar waħda fosthom hija t-teknoloġiji emerġenti fil-qasam tas-sistemi ta’ armi awtonomi letali (LAWS).

1.   PROĠETTI

1.1.   Proġett 1: Tħejjija għas-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni u s-segwitu għaliha

1.1.1.   Għan tal-proġett

Is-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni tas-CCW, skedata li ssir f’Diċembru 2021, tipprovdi lill-Partijiet Kontraenti Għolja bl-opportunità li jwettqu reviżjoni komprensiva tal-operazzjoni u l-istatus tal-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha, kif ukoll biex jivvalutaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-aħħar deċiżjonijiet. Il-Partijiet Kontraenti Għolja huma mistennija wkoll jiddeterminaw il-prijoritajiet tal-Konvenzjoni għall-ftit snin li ġejjin, kif ukoll l-istrateġiji u l-mekkaniżmi biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f’azzjoni. Ħafna jqisu l-2021 bħala mument kritiku biex jiddetermina t-triq ‘il quddiem għas-CCW.

L-għadd limitat ta’ jiem allokati għal-laqgħa tal-Kumitat Preparatorju u l-Konferenza nnifisha, il-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet rilevanti għall-Konvenzjoni u li jistgħu jiġu indirizzati mill-Konferenza, flimkien mal-fatt li l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt fuq il-possibbiltà li jitkompla l-proċess konsultattiv tas-soltu bi tħejjija għal pass tant importanti bħala Konferenza ta’ Reviżjoni, kollha jissottolinjaw il-ħtieġa għal appoġġ għall-ħidma preparatorja sostantiva għall-Konferenza li tikkomplementa l-proċess formali. Barra minn hekk, il-varjetà ta’ setturi (militari, umanitarji, diplomatiċi, xjentifiċi) involuti biex jiżguraw konformità mal-implimentazzjoni tas-CCW jrendu wkoll djalogi bejn diversi partijiet ikkonċernati li jinkorporaw għarfien espert fil-livell nazzjonali u reġjonali qabel il-Konferenza, mhux biss mixtieqa iżda meħtieġa għal Konferenza ta’ Reviżjoni sinifikanti.

Sabiex jinżamm il-momentum għal tħejjija sostantiva għas-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni, dan il-pilastru għandu l-għan li, b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ detenturi ta’ kariga tas-CCW f’Ġinevra, jieħu kont tal-ħidma mwettqa f’dawn l-aħħar snin, inkluż valutazzjoni tal-progress miksub u kwistjonijiet pendenti. Attivitajiet f’din id-direzzjoni jkunu ta’ appoġġ għall-Partijiet Kontraenti Għolja biex: i) jiksbu għarfien aġġornat tal-iżviluppi ta’ rilevanza għall-Konvenzjoni u kull wieħed mill-protokolli tagħha, ii) jidentifikaw nuqqasijiet u sfidi fl-implimentazzjoni tas-CCW u modi kif jiġu trattati, iii) jiddefinixxu fil-ħin suġġetti topiċi li jistgħu jitqiesu fil-Konferenza ta’ Reviżjoni u iv) jiżviluppaw pożizzjonijiet nazzjonali u reġjonali marbuta, kif ukoll proposti possibbli biex jitqiesu fil-Konferenza. L-għan huwa li tiġi massimizzata l-opportunità għal diskussjonijiet aktar infurmati u fil-fond u, għaldaqstant, riżultati sostantivi fis-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni.

Barra minn hekk, il-Konferenza ta’ Reviżjoni hija wkoll okkażjoni biex jiġu vvalutati u żviluppati aktar l-għodod, is-sorsi ta’ informazzjoni u l-mekkaniżmi eżistenti għall-implimentazzjoni tas-CCW, bħar-rapporti annwali nazzjonali dwar il-Konvenzjoni inġenerali, il-Protokoll Emendat II u l-Protokoll V. Filwaqt li rrikonoxxiet il-valur tar-rapporti fl-għoti ta’ informazzjoni dwar il-politika u l-azzjoni fil-livell tal-pajjiż, kif ukoll il-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali, il-Ħames Konferenza ta’ Reviżjoni tal-2016 inkarigat lill-Presidenti tal-Laqgħat annwali tal-Partijiet Kontraenti Għolja biex jinkoraġġixxu rati ogħla ta’ rappurtar. Madankollu, ir-rati normalment għadhom taħt is-60 fil-mija, filwaqt li analiżi sistematika u kwalitattiva tar-rapporti għadha pendenti. Eżempju ieħor huwa l-istrateġija għall-promozzjoni tal-assistenza teknika internazzjonali u biex jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali kontra t-theddid ta’ Apparat Splussiv Improvviżat (IED). Dan jinkludi l-Kwestjonarju volontarju tal-2015, li verżjoni riveduta tiegħu għandha tiġi ppreżentata fl-2021, u d-Dikjarazzjoni tal-2016 dwar l-IEDs, b’enfasi fuq il-prevenzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-mitigazzjoni tat-theddid u l-edukazzjoni dwar ir-riskju.

Wara l-Konferenza ta’ Reviżjoni, ser isiru diskussjonijiet biex jiġu elaborati strateġiji u azzjonijiet ta’ segwitu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda fil-Konferenza b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ detenturi ta’ kariga fis-CCW. Tali diskussjonijiet ser jippruvaw jappoġġaw lill-Partijiet Kontraenti Għolja fl-identifikazzjoni ta’ modi prattiċi biex jiġu ssorveljati l-isforzi ta’ implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali għall-perijodu ta’ ħames snin sas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni.

1.1.2.   Riżultati mistennija tal-proġett

a)

Djalogi bejn partijiet ikkonċernati differenti biex jaqsmu firxa wiesgħa ta’ fehmiet fir-rigward tal-konformità mas-CCW.

b)

Fehim komuni mill-Partijiet Kontraenti Għolja tal-oqsma ta’ prijorità għat-tħejjija tal-Konferenza ta’ Reviżjoni.

c)

Aktar għarfien u kontributi mill-esperti nazzjonali tas-CCW.

d)

Fehim aktar fil-fond mid-delegati tas-CCW tal-isfidi ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali u modi kif jiġu indirizzati tali diffikultajiet.

e)

Opportunitajiet għall-Partijiet Kontraenti Għolja biex jiżviluppaw u jiċċaraw proposti li għandhom jidħlu fis-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni.

f)

Appoġġ lid-detenturi ta’ kariga fit-tħejjija sostantiva tas-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Konferenza.

1.1.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ser isiru sa erba’ laqgħat tematiċi qabel, u wara, is-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni dwar:

i)

il-kwistjonijiet diskussi mill-aħħar Konferenza ta’ Reviżjoni fl-2016 li jeħtieġu aktar analiżi;

ii)

l-aħħar żviluppi ta’ rilevanza għal artikoli ewlenin u l-ħames protokolli tas-CCW;

iii)

il-possibbiltajiet li tingħata għajnuna lil dawk b’karigi fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li ntlaħqu matul is-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni.

Ser isiru konsultazzjonijiet minn qabel ma’ detenturi ta’ kariga fis-CCW u l-Partijiet Kontraenti Għolja biex jiġi ddeterminat is-suġġett ta’ kull laqgħa. Il-laqgħat ser ikollhom l-għan li jiffaċilitaw id-djalogu fost il-Partijiet Kontraenti Għolja. Il-laqgħat ser jinkludu preżentazzjonijiet esperti u ser jipprovdu opportunità għal rappreżentanti ta’ bosta setturi, fosthom il-Gvern, is-soċjetà ċivili u l-akkademja biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom. B’mod partikolari, il-laqgħat dwar it-tieni sett ta’ suġġetti ser jgħinu lill-Partijiet Kontraenti Għolja jħejju għar-reviżjoni ta’ kull artikolu u protokoll tal-Konvenzjoni li għandha ssir fil-Konferenza ta’ Reviżjoni. B’mod aktar konkret, il-Partijiet Kontraenti Għolja ser jingħataw l-elementi biex jiddeterminaw jekk xi artikolu tal-Konvenzjoni jew il-protokolli tagħha jibbenefikawx minn reviżjoni aktar fil-fond, azzjoni ta’ segwitu jew emenda, fil-kuntest tax-xejriet u l-isfidi attwali. Wara kull laqgħa ser tiġi abbozzata taqsira tad-diskussjonijiet.

Jekk il-ħin jippermetti, qabel il-Konferenza ta’ Reviżjoni, ser jiġu organizzati sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali jew subreġjonali biex il-prattikanti nazzjonali jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet ta’ segwitu dwar it-tagħlimiet mil-laqgħat tematiċi fi gruppi iżgħar. L-udjenza fil-mira ser tkun diplomatiċi, rappreżentanti tas-settur tad-difiża u aġenziji nazzjonali ta’ azzjoni kontra l-mini tal-Partijiet Kontraenti Għolja. Ser jiġu mistiedna wkoll organizzazzjonijiet reġjonali u Stati firmatarji. Ser tiġi kkunsidrata wkoll kampanja ta’ informazzjoni partikolari għall-Partijiet Kontraenti Għolja li ma pparteċipawx fi proċessi reċenti tas-CCW, biex tiġi massimizzata l-inklużjoni ta’ pożizzjonijiet differenti u jinftiehmu aħjar l-isfidi ffaċċjati minn dawk l-Istati. Is-sessjonijiet ta’ ħidma jippruvaw irawmu fehimiet komuni dwar kwistjonijiet ewlenin u jaqsmu informazzjoni dwar l-isforzi nazzjonali u reġjonali għall-implimentazzjoni tas-CCW, li jistgħu jikkontribwixxu għall-kunċettwalizzazzjoni ta’ proposti biex jitqiesu fil-Konferenza ta’ Reviżjoni. (1)

Barra minn hekk, is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jgħinu lill-Partijiet Kontraenti Għolja fil-valutazzjoni tal-effiċjenza tal-għodod jew gwidi eżistenti għall-implimentazzjoni tas-CCW u biex jiddeterminaw il-ħtieġa għal oħrajn ġodda biex jappoġġaw aktar l-isforzi nazzjonali f’dan ir-rigward, inkluż skambju aktar attiv ta’ informazzjoni fost l-Istati. Pereżempju, jistgħu jiġu ddedikati sessjonijiet għall-esplorazzjoni tal-aspetti komuni u x-xejriet fost ir-rapporti annwali nazzjonali dwar il-konformità mas-CCW, il-Protokoll Emendat II u l-Protokoll V, kif ukoll modi kif isir kontribut għal tqabbil bejn l-Istati li jeħtieġu assistenza teknika u dawk lesti li jipprovduha. Barra minn hekk, is-sessjonijiet jistgħu jirrevedu l-effettività u l-lakuni possibbli fl-istrateġija kontra l-IED fil-qafas tas-CCW, abbażi tal-identifikazzjoni tal-isfidi fir-regolamentazzjoni nazzjonali u reġjonali, l-istat ta’ tħejjija u l-kapaċità li tiġi indirizzata t-theddida tal-IED. F’dan ir-rigward, dan il-proġett ser jistinka biex itejjeb is-sistematizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni standardizzata pprovduta fir-rapporti nazzjonali, li tista’ żżid l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni u t-trasparenza, kif ukoll l-analiżi bbażata fuq id-data u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.2.   Proġett 2: Appoġġ għall-universalizzazzjoni

1.2.1.   Għan tal-proġett

Is-CCW għandha 125 Parti Kontraenti Għolja, u erba’ Stati (l-Eġittu, in-Niġerja, is-Sudan u l-Vjetnam) li ffirmaw iżda ma rratifikawx il-Konvenzjoni. Minkejja l-adattabbiltà u r-rilevanza tagħha għal firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet globali urġenti, ir-rata ta’ universalizzazzjoni tas-CCW hija inqas minn 50 fil-mija f’ċerti reġjuni, li tillimita l-portata ġeografika ta’ adeżjoni għan-normi tagħha u tħalli impatt fuq l-inklużività u d-diversità tal-perspettivi f’diskussjonijiet ewlenin.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-promozzjoni tal-universalità tas-CCW adottat mit-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni ġie appoġġat b’suċċess mill-Azzjoni Konġunta tal-UE 2007/528/PESK tat-23 ta’ Lulju 2007, u dan wassal għal żieda fl-għadd ta’ Partijiet Kontraenti Għolja għas-CCW minn 100 fl-2006 għal 110 fl-2009. (2) Fil-Ħames Konferenza ta’ Reviżjoni fl-2016, il-Partijiet Kontraenti Għolja tas-CCW għarfu li l-universalizzazzjoni hija kritika għas-suċċess tal-Konvenzjoni u taw mandat lil dawk b’kariga biex iqisu l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni ġdid (CCW/CONF.V/10). Dan il-proġett għandu l-għan li jappoġġa lill-Istati li mhumiex parti kontraenti biex jiksbu fehim aktar fil-fond tal-fini u l-funzjonament tal-Konvenzjoni, kif ukoll tal-benefiċċji li jkunu parti u li jħeġġiġhom ikunu aktar involuti fil-laqgħat tas-CCW u fl-attivitajiet rilevanti. Għandu l-għan li janalizza l-isfidi għall-promozzjoni tal-universalità tal-Konvenzjoni u jgħin lid-detenturi ta’ kariga u lill-Istati jagħmlu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni b’mod koordinat, sostnut u innovattiv. Barra minn hekk, il-proġett jistenna li jwessa’ u jsostni n-network ta’ esperti u prattikanti fil-livell nazzjonali li ser ikomplu jinvolvu ruħhom mal-komunità tas-CCW lil hinn miċ-ċiklu tal-proġett. Dan jippermettilhom li jqajmu kuxjenza u fehim tas-CCW fil-fora reġjonali u domestiċi, b’hekk fost l-oħrajn jisfruttaw l-opportunitajiet għal Partijiet Kontraenti mhux għoljin biex jissieħbu fil-Konvenzjoni. Min-naħa tiegħu, network bħal dan ser jespandi l-grupp ta’ kelliema li minnu jinsiltu dawk għal-laqgħat ta’ esperti tas-CCW.

Meta wieħed iqis li r-rekwiżit li l-Istati jagħtu l-kunsens li jintrabtu b’mill-inqas tnejn mill-Protokolli meta jingħaqdu mal-Konvenzjoni jagħmel is-sħubija ta’ kull Protokoll differenti, dan il-proġett ser jappoġġa wkoll l-universalizzazzjoni tal-protokolli tal-Konvenzjoni (3).

1.2.2.   Riżultati mistennija tal-proġett

a)

Kontribut għall-ħolqien ta’ approċċ strateġiku kkoordinat fost detenturi ta’ kariga u l-Partijiet Kontraenti Għolja għall-universalizzazzjoni.

b)

Fehim aktar profond tas-CCW fost l-awtoritajiet u l-esperti nazzjonali rilevanti.

c)

Il-ħolqien ta’ network ta’ esperti u prattikanti għal impenn kontinwu fil-qafas tal-isforzi ta’ universalizzazzjoni u implimentazzjoni tas-CCW fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

d)

Għadd akbar ta’ Partijiet Kontraenti mhux għoljin impenjati li jissieħbu fis-CCW u li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet tas-CCW.

e)

Adeżjoni ġeografikament aktar ibbilanċjata għas-CCW u l-protokolli tagħha.

f)

L-iżvilupp ta’ elementi biex jitqiesu minn detenturi ta’ kariga għal elaborazzjoni possibbli ta’ Pjan ta’ Azzjoni aġġornat għall-universalizzazzjoni.

1.2.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ser isiru sa sitt workshops subreġjonali dwar l-universalizzazzjoni. Skont l-aħħar Pjan ta’ Azzjoni għall-universalizzazzjoni (4), Stati li mhumiex parti kontraenti li huma milquta minn mini u fdalijiet ta’ splussivi tal-gwerra u reġjuni b’livelli baxxi ta’ adeżjoni ser ikunu prijorità, kif issuġġerit hawn taħt:

Reġjun

Subreġjuni fil-Mira

L-Afrika

Kollha

L-Asja u l-Paċifiku

Ix-Xlokk tal-Asja

Il-Paċifiku

L-Ewropa tal-Lvant

Il-Kawkasu

L-Amerka Latina u l-Karibew

Il-Karibew

It-tul ta’ żmien u l-kontenut tas-sessjonijiet ta’ ħidma ser jitfasslu apposta għall-kuntesti, il-prijoritajiet u l-kapaċitajiet subreġjonali, inkluż l-impatt ta’ tipi differenti ta’ armi taħt ir-responsabbiltà tas-CCW. Il-proġett ser jiġi implimentat b’koordinazzjoni mill-qrib mat-tliet ċentri reġjonali tal-UNODA fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku u l-Amerka Latina u l-Karibew.

Minħabba r-rilevanza tal-għarfien espert militari u l-azzjoni umanitarja għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, ser jiġu mistiedna wkoll rappreżentanti mis-settur tad-difiża u aġenziji nazzjonali għat-tneħħija tal-mini u kontra l-isplussivi, flimkien ma’ esperti fil-politika diplomatika. Is-sessjonijiet ta’ ħidma ser ifittxu wkoll il-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti Għolja tas-CCW mir-reġjun rispettiv biex jippermettu skambju bejn il-pari, kif ukoll rappreżentanti minn organizzazzjonijiet reġjonali. Fejn possibbli, ser jiġu mistiedna.detenturi ta’ kariga fis-CCW u delegati bbażati f’Ġinevra tal-Istati korrispondenti li mhumiex parti kontraenti.

Għal Partijiet Kontraenti mhux għoljin li juru interess li jissieħbu fis-CCW matul is-sessjonijiet ta’ ħidma subreġjonali, jista’ jiġi organizzat djalogu speċifiku għall-pajjiż, ma’ grupp akbar ta’ partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-parteċipanti kollha tas-sessjonijiet ta’ ħidma ser jerġgħu jiġu kkuntattjati lejn tmiem il-proġett biex jagħtu feedback u jeżaminaw il-progress.

Barra minn hekk, ser jiġu organizzati diskussjonijiet fi gruppi żgħar bejn il-Partijiet Kontraenti Għolja għal protokolli partikolari u dawk li huma parti għas-CCW iżda li ma ngħaqdux mal-protokoll, sabiex tal-ewwel ikunu jistgħu jwieġbu għat-tħassib u l-mistoqsijiet ta’ dawn tal-aħħar dwar l-implimentazzjoni u l-konformità nazzjonali. Dan biex tiġi promossa l-universalità mhux biss tas-CCW kollha kemm hi iżda wkoll tal-protokolli.

Ser jinġabar jew jiġi żviluppat materjal edukattiv u ta’ sensibilizzazzjoni differenti dwar is-CCW u ser ikun disponibbli fuq il-paġna tal-proġett tas-sit web tal-UNODA. Dan il-proġett ser jibni fuq is-suċċess u t-tagħlimiet li ttieħdu mill-attivitajiet ta’ universalizzazzjoni mwettqa fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta tal-2007 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għas-CCW (2007/528/PESK), kif ukoll sforzi simili minn konvenzjonijiet oħra ta’ diżarm ibbażati f’Ġinevra.

1.3.   Proġett 3: Faċilitazzjoni tad-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet li mhumiex esplorati biżżejjed, emerġenti u trasversali ta’ rilevanza għas-CCW

1.3.1.   Għan tal-proġett

Dan il-proġett għandu l-għan li jidentifika u jiddiskuti, b’koordinazzjoni mill-qrib mad-detenturi ta’ kariga fis-CCW, kwistjonijiet li mhumiex esplorati biżżejjed, emerġenti u trasversali ta’ rilevanza għall-Konvenzjoni biex jikkomplementaw il-proċess formali. L-attivitajiet ser jipprovdu lill-Partijiet Kontraenti Għolja għas-CCW forum informali, ibbażat f’Ġinevra, biex jesploraw dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ skambju ta’ diversi partijiet interessati biex iwasslu għal fehim aħjar tar-rabtiet bejn kwistjonijiet differenti u jiżguraw il-komplementarjetà tal-isforzi fi ħdan u bejn is-setturi.

1.3.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

a.

Djalogi komprensivi u transreġjonali bejn diversi partijiet ikkonċernati biex isir segwitu ta’ kwistjonijiet li mhumiex esplorati biżżejjed matul il-laqgħat tas-CCW u fora oħra.

b.

L-iżvilupp ta’ riżultati u dokumenti ta’ eżitu li jistipulaw kwistjonijiet imqajma u diskussi u, kif applikabbli, li jinkludu objettivi u rakkomandazzjonijiet għal aktar azzjoni biex jingħata kontribut sostantiv għal-laqgħat tas-CCW, b’mod partikolari l-laqgħat tal-esperti.

c.

Il-ħolqien ta’ network ta’ esperti, prattikanti, organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, l-akkademja, is-soċjetà ċivili, l-industrija, u ż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet dwar is-CCW.

d.

It-tixrid ta’ inizjattivi, avvenimenti u sejbiet analitiċi relatati mas-CCW u ta’ rilevanza għaliha fi ħdan in-network u ma’ udjenza usa’.

e.

Il-promozzjoni ta’ diversità akbar bejn il-ġeneri fost l-esperti li jipparteċipaw fil-laqgħat tas-CCW u d-diskussjonijiet relatati.

1.3.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Għadd ta’ attivitajiet diġà jistgħu jiġu identifikati filwaqt li oħrajn ser joħorġu bħala riżultat tad-deċiżjonijiet tas-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni ladarba l-proġett ikun għaddej. Minn dan, il-proġett ser jidentifika kwistjonijiet li bħalissa għadhom mhux esplorati biżżejjed, iżda jistħoqqilhom aktar analiżi u diskussjoni. Fuq il-bażi ta’ dan il-proċess, ser isiru sensiela ta’ diskussjonijiet ibridi mmexxija mill-akkademja u mill-industrija u seminars/webinars għal esperti u prattikanti biex dawn il-kwistjonijiet jingħataw prominenza u jiġu eżaminati aktar. Is-suġġerimenti dwar is-suġġett jinkludu, fost l-oħrajn, l-evoluzzjoni tal-Konvenzjoni, approċċi innovattivi biex jintlaħqu l-għan u l-objettivi tal-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha, kif ukoll il-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa fid-deċiżjonijiet dwar id-diżarm, il-politika u l-programmazzjoni. Barra minn hekk, u kemm jista’ jkun, ser jiġu organizzati attivitajiet paralleli dwar dawn is-suġġetti f’Ġinevra fil-marġni tal-laqgħat tas-CCW.

Barra minn hekk, atturi ewlenin fil-Gvernijiet, organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, l-akkademja, is-soċjetà ċivili, gruppi taż-żgħażagħ u l-industrija, kif ukoll l-inizjattivi eżistenti u ppjanati tagħhom li jistgħu jarrikkixxu d-deliberazzjonijiet dwar is-CCW ser jiġu identifikati biex jgħinu fi sforzi futuri ta’ implimentazzjoni. Minn dan, ser tinġabar u titqassam informazzjoni dwar attivitajiet u inizjattivi futuri organizzati minn atturi ewlenin, kif ukoll tas-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ studji u riċerka ta’ rilevanza għas-CCW.

Ir-riżultati u l-eżiti tal-attivitajiet kollha taħt dan il-proġett ser jinġabru, fejn possibbli u meqjus siewi jiġu tradotti, u jsiru disponibbli għall-pubbliku, fost l-oħrajn, biex jinvolvu partijiet ikkonċernati ġodda b’mod ġeografikament u lingwistikament inklużiv. Barra minn hekk, jekk possibbli u xieraq, ser jitfasslu attivitajiet ta’ segwitu, li fil-proċess tagħhom ser jiġu kkonsultati partijiet interessati ewlenin bħal detenturi attwali u preċedenti ta’ kariga fis-CCW.

2.   METODOLOĠIJA

L-attivitajiet ta’ dan il-proġett ser jitwettqu l-iktar online, u l-materjal ser jiġi żviluppat u mqassam diġitalment. Eċċezzjonijiet partikolari huma dawk l-attivitajiet li għalihom il-preżenza fiżika hija possibbli u ma tistax tinbidel b’modalitajiet remoti, jew li għalihom format wiċċ imb’wiċċ jkun aktar kosteffettiv minn dawk virtwali. Barra minn hekk, it-taqsiriet tal-laqgħat tematiċi u d-diskussjonijiet tal-esperti ser jinġabru u jkunu disponibbli għall-Partijiet Kontraenti Għolja tas-CCW u atturi interessati oħra fuq is-sit web tal-proġett.

3.   RAPPURTAĠĠ U VALUTAZZJONI

L-UNODA ser jippreżenta rapport finanzjarju u narrattiv finali lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni li ser ikun fih, fost l-oħrajn, it-tagħlimiet li ttieħdu, kif ukoll rapport qasir kull sitt xhur fuq il-progress li jkun sar.

4.   TUL TA’ ŻMIEN

It-tul taż żmien issuġġerit tal-implimentazzjoni tal-proġett huwa ta’ 24 xahar.

5.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

Ser jittieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiġi ppubbliċizzat il-fatt li l-attivitajiet imwettqa ġew iffinanzjati mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu skont il-Manwal ta’ Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE stipulat u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni ser tiġi żgurata b’kummerċjalizzazzjoni u pubbliċità xierqa, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni kif ukoll sensibilizzazzjoni dwar l-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta’ dan l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f’konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

6.   AĠENZIJA TA’ IMPLIMENTAZZJONI

L-UNODA ser jiġi fdat bl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, skont il-ftehim dwar il-kontribut li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-UNODA.

Il-proġett ser jiġi implimentat b’koordinazzjoni mill-qrib mat-tliet ċentri reġjonali tal-UNODA fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku u l-Amerka Latina u l-Karibew. Ser jiġu mfittxija b’mod attiv opportunitajiet għal attivitajiet konġunti jew ta’ segwitu mas-sħab (bħall-UNIDIR, l-ICRC u l-UNMAS) u organizzazzjonijiet oħra kif rilevanti sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, jiġi mmultiplikat l-impatt ta’ kull sforz u jiġi massimizzat it-tixrid tar-riżultati.


(1)  Jekk il-kondizzjonijiet ma jippermettux l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali jew subreġjonali qabel il-Konferenza ta’ Reviżjoni, dawn ser jitqiesu bħala attivitajiet ta’ wara l-konferenza bħala segwitu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Konferenza. Il-konklużjonijiet tad-diskussjonijiet reġjonali u s-suġġerimenti minnhom ser jinqasmu mad-delegati bbażati f’Ġinevra, biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom ta’ pjan għal dak il-għan.

(2)  Erba’ Stati mill-Afrika, tnejn mil-Lvant Nofsani u l-Mediterran, wieħed mill-Asja Ċentrali, wieħed mill-Amerka Latina u l-Karibew u tnejn mill-Ewropa.

(3)  Il-Protokoll I dwar Frammenti li ma Jħallu l-Ebda Traċċa (118 Parti Kontraenti Għolja), il-Protokoll Emendat II dwar il-Protokoll dwar il-Projbizzjonijiet u r-Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Mini, Bombi Moħbija u Tagħmir Ieħor, kif emendat fit-3 ta’ Mejju 1996 (106 Partijiet Kontraenti Għolja), il-Protokoll III dwar il-Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Armi Inċendjarji (115 Partijiet Kontraenti Għolja), il-Protokoll IV dwar Armi Laser li Jagħmew (109 Partijiet Kontraenti Għolja) u l-Protokoll V dwar Fdalijiet Splussivi tal-Gwerra (96 Partijiet Kontraenti Għolja). Il-Protokoll II oriġinali adottat fl-1980 ukoll għadu fis-seħħ b’95 Parti Kontraenti Għolja, fejn ftit ma ngħaqdux mal-verżjoni emendata tiegħu.

(4)   ”Pjan ta’ Azzjoni Aċċellerat dwar l-Universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni u l-Protokolli annessi tagħha” (CCW/CONF.IV/4/Add.1)