28.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/143


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1227

tas-27 ta’ Lulju 2021

li temenda r-rikonoxximenti ta’ DNV GL AS f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-għoti ta’ rikonoxximent lill-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri li jixtiequ jkunu awtorizzati jipprovdu servizzi f’isem l-Istati Membri. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni hija meħtieġa wkoll tivvaluta, fuq bażi regolari, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti biex jiġi żgurat li jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Bħala parti minn dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni tivverifika li d-detentur tar-rikonoxximent mogħti huwa l-entità legali rilevanti fl-organizzazzjoni li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, fis-sens tal-Artikolu 2, punt (c) u tal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament. Meta dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu deċiżjoni li temenda dak ir-rikonoxximent. Skont l-Artikolu 2, punt (c) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, “organizzazzjoni” tfisser entità legali, is-sussidjarji tagħha u kwalunkwe entitajiet oħra taħt il-kontroll tagħha, li b’mod konġunt jew separatament iwettqu kompiti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2013) 8876 stabbiliet li d-detentur tar-rikonoxximent mogħti lil Det Norske Veritas kien DNV GL AS. Skont dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, DNV GL AS hija l-entità prinċipali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(4)

Il-Kummissjoni ġiet infurmata li mill-1 ta’ Marzu 2021, l-isem tal-entità legali prinċipali ta’ DNV GL AS inbidel f’DNV AS. B’riżultat ta’ dan, l-entità legali prinċipali rilevanti li lilha jenħtieġ li jingħata r-rikonoxximent hija DNV AS.

(5)

Il-bidla fl-identità tal-entità prinċipali relevanti msemmija hawn fuq ma għandhiex impatt fuq il-kapaċità tal-organizzazzjoni li tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rikonoxximent mogħti lil DNV GL AS huwa emendat billi jiġi sostitwit l-isem ta’ DNV GL AS b’DNV AS, li hija l-entità prinċipali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).