19.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/97


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1180

tat-13 ta’ Lulju 2021

dwar id-deċiżjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar ir-Rati ta’ Referenza tal-Imgħax Kummerċjali tal-Arranġament

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi japplikaw fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

Skont l-Artikolu 63 tal-Arranġament, il-parteċipanti fl-Arranġament (il-‘Parteċipanti’) għandhom jirrevedu perjodikament is-sistema għall-iffissar tar-Rati ta’ Referenza tal-Imgħax Kummerċjali (CIRRs) sabiex ikun żgurat li r-rati notifikati jirriflettu l-kondizzjonijiet attwali tas-suq u jissodisfaw l-għanijiet li jsostnu l-istabbiliment tar-rati operattivi. Dawn ir-reviżjonijiet jenħtieġ li jkopru wkoll il-marġini li jrid jiżdied meta dawk ir-rati jiġu applikati.

(3)

Il-parteċipanti għandhom jiddeċiedu permezz ta’ proċedura bil-miktub dwar deċiżjoni prevista biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar is-CIRRs stabbiliti fl-Anness XVI tal-Arranġament.

(4)

Id-Deċiżjoni prevista lbiex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar is-CIRRs jenħtieġ li tipprovdi koerenza politika akbar u tarmonizza l-prattiki tas-self, u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tqarreb ir-rati tal-imgħax fissi offruti fi tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali lejn ir-rati tas-suq u tiżgura li dawk ir-rati tal-imgħax fissi jkunu adattati aħjar għat-termini u l-kundizzjonijiet offruti fis-suq finanzjarju privat. Perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn għandu jagħti żmien lill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni biex jadottaw u jikkomunikaw il-linji gwida l-ġodda.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni dwar id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Parteċipanti fil-proċedura bil-miktub, peress li d-deċiżjoni prevista biex jiġu emendati d-dipożizzjonijiet dwar is-CIRRs ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jiġu emendati d-dispożizzjoni dwar ir-Rati ta’ Referenza tal-Imgħax Kummerċjali għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament (2).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).

(2)  Ara d-dokument ST 10046/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.