6.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/89


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1104

tal-5 ta’ Lulju 2021

dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Kanada għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi taħt superviżjoni mill-Uffiċċju tas-Supretendent ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi mekkaniżmu li bih il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li permezz tagħhom l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiġu ddikjarati ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex il-kontropartijiet li jidħlu fi tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz, jitqiesu li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti billi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-reġim legali ta’ dak il-pajjiż terz. Id-dikjarazzjoni ta' ekwivalenza tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni internazzjonalment konsistenti tal-prinċipji miftiehma mal-pajjiżi terzi u stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li huwa ssupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3), jistabbilixxi r-rekwiżiti legali tal-Unjoni dwar il-konferma f’waqtha tat-termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti li taħthom il-portafolli jiġu rikonċiljati fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP”); barra minn hekk, dawn il-paragrafi jistabbilixxu l-obbligi tal-valutazzjoni u tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal dawn il-kuntratti (“tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta' kollateral (“marġnijiet”) bejn il-kontropartijiet.

(3)

Sabiex ir-reġim legali, superviżorju u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jitqies ekwivalenti għar-reġim tal-Unjoni fir-rigward tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u r-rekwiżiti tal-marġini, jenħtieġ li l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiżgura l-protezzjoni tas-segretezza professjonali li hija ekwivalenti għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, arranġamenti ekwivalenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għandhom jiġu applikati b’mod effettiv b’mod ekwu u mingħajr distorsjoni f’dak il-pajjiż terz. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza għalhekk tinkludi verifika dwar jekk l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiżgurawx li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u konklużi minn tal-inqas kontroparti waħda stabbilita f’dak il-pajjiż terz ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju u konsegwentement ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni.

(4)

Fit-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar fil-Kanada (4) inkluż, fost l-oħrajn, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fil-parir tekniku tagħha, l-ESMA kkonkludiet li peress li l-Kanada kienet għadha fil-proċess li tiffinalizza r-reġim regolatorju tagħha għall-obbligu tal-ikklerjar, il-kontropartijiet mhux finanzjarji u t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal negozji mhux ikklerjati, hija ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq analiżi konklużiva u tagħti parir tekniku dwar dan is-suġġett.

(5)

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-parir tekniku tal-ESMA u qieset l-iżviluppi regolatorji li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn. Din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fil-Kanada, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li jitnisslu minn kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP b’mod li jista’ jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

L-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fil-Kanada għal kuntratti tad-derivattivi OTC huma stipulati fil-Linja Gwida E-22 dwar ir-Rekwiżiti ta’ Marġni għal Derivattivi mhux Ikklerjati Ċentralment u fil-Linja Gwida B-7 dwar Prattiki Tajbin tad-Derivattivi (flimkien “il-Linji Gwida”) tal-Uffiċċju tas-Supretendent tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji (“USIF”). In-nuqqas ta’ konformità mal-Linji Gwida jista’ jagħti bidu għal rieżami tal-awtorizzazzjoni li taħtha joperaw l-entitajiet soġġetti għal-Linji Gwida. L-USIF teżerċita regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji Rregolati Federalment (FRFIs) fil-Kanada u hija responsabbli għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-linji gwida kollha tal-USIF. L-FRFIs jirreferu għal banek, fergħat ta’ banek barranin, kumpaniji holding bankarji, kumpaniji ta’ trust u self, assoċjazzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu, assoċjazzjonijiet kooperattivi tal-bejgħ bl-imnut, kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja, kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-proprjetà u tad-diżgrazzji u kumpaniji holding tal-assigurazzjoni. Il-Linji Gwida jistabbilixxu standards minimi għar-rekwiżiti ta’ tekniki tal-mitigazzjoni tal-marġni u oħrajn għal tranżazzjonijiet tad-derivattivi kklerjati mhux ċentralment imwettqa mill-FRFIs. Il-Linja Gwida B-7 daħlet fis-seħħ f’Novembru 2014 filwaqt li l-Linja Gwida E-22 daħlet fis-seħħ f’Ġunju 2017 u xi wħud mir-rekwiżiti tagħha huma soġġetti għal introduzzjoni gradwali skont il-qafas internazzjonali u allinjati mad-dħul gradwali eżistenti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251.

(7)

It-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, kif stabbilit fil-Linja Gwida B-7, għadhom insuffiċjenti meta mqabbla mal-obbligi previsti fl-Artikolu 11(1) u 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013 fir-rigward tal-konferma f’waqtha, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, u l-valwazzjoni tat-tranżazzjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkopri biss l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar li jikkonċernaw l-obbligi ta’ soluzzjoni tat-tilwim kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013 kif ukoll dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tal-marġini kif previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251.

(8)

Fir-rigward tar-rekwiżiti għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, id-dispożizzjonijiet tad-derivattivi OTC tal-Kanada inklużi fil-Linja Gwida B-7 applikabbli għall-FRFIs Koperti fihom obbligi simili għal dawk previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. B’mod partikolari, il-Linja Gwida B-7 fiha dispożizzjonijiet speċifiċi rigward is-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP.

(9)

Fir-rigward tal-marġnijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Linja Gwida E-22 japplikaw għall-kuntratti tad-derivattivi OTC definiti fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, bl-eċċezzjoni ta’ forwards FX fiżikament saldati u swaps FX, li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġni previsti fil-Linja Gwida E-22, u t-tranżazzjonijiet FX fissi saldati fiżikament assoċjati mal-iskambju tal-kapital ta’ swaps bejn il-muniti, li huma eżentati mir-rekwiżiti tal-marġini inizjali skont il-Linja Gwida E-22, kif ukoll ta’ tranżazzjonijiet ta’ komoditajiet saldati b’mod fiżiku li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ derivattiv skont il-Linja Gwida E-22. Skont l-Artikoli 27, 30, 30a, 31 u 38 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, swaps FX u forwards FX, kif ukoll l-iskambju tal-kapital ta’ swaps tal-muniti, huma eżentati mir-rekwiżiti tal-marġni inizjali, filwaqt li d-derivattivi assoċjati ma’ bonds koperti għal skopijiet ta’ ħħeġġjar, xi derivattivi konnessi mat-titolizzazzjoni, derivattivi ma’ kontropartijiet f’pajjiżi terzi fejn l-infurzabbiltà legali ta’ ftehimiet ta’ netting jew protezzjoni kollaterali ma tistax tiġi żgurata kif ukoll opzjonijiet ta’ ekwità ta’ stokk uniku u opzjonijiet tal-indiċi jibbenefikaw minn eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tal-marġini inizjali u ta’ varjazzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal derivattivi ta’ komoditajiet saldati b’mod fiżiku.

(10)

Skont il-Linja Gwida E-22 l-FRFIs kollha li jappartjenu għal grupp konsolidat li l-ammont nozzjonali aggregat tiegħu fi tmiem ix-xahar ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment għal Marzu, April, u Mejju tal-2016 u kwalunkwe sena minn hemm ’il quddiem jaqbeż is-CAD 12 biljun (“Entitajiet Koperti”) iridu jiskambjaw marġni inizjali u ta’ varjazzjoni. Skont il-Linja Gwida E-22 il-Kanada adottat l-iskeda miftiehma internazzjonalment għad-dħul gradwali tar-rekwiżiti tal-marġini inizjali. Sovrani, banek ċentrali, entitajiet tas-settur pubbliku, banek multilaterali eliġibbli tal-iżvilupp, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali u kontropartijiet ċentrali huma esklużi mid-definizzjoni ta’ Entità Koperta. Is-sussidjarji tat-teżor li jwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju f’isem sussidjarji fi grupp korporattiv u xi entitajiet bi skop speċjali (SPEs) huma esklużi mid-definizzjoni ta’ Entitajiet Koperti. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkopri l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar rigward is-soluzzjoni tat-tilwim u l-iskambju tal-obbligi kollaterali applikabbli għall-FRFIs li huma Entitajiet Koperti (“FRFIs Koperti”). L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrikjedi li l-kontropartijiet kollha ta’ tranżazzjoni ta’ derivattiv OTC mhux ikklerjata minn CCP jiskambjaw marġnijiet ta’ varjazzjoni fuq bażi ta’ kuljum. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun kondizzjonali fuq l-iskambju tal-marġni ta’ varjazzjoni għal tranżazzjonijiet imwettqa ma’ FRFIs Koperti.

(11)

Skont il-Linja Gwida E-22, il-marġni inizjali u ta’ varjazzjoni jrid jiġi kkalkulat u msejjaħ fi żmien jumejn tax-xogħol mill-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni fuq derivattiv ikklerjat mhux ċentralment bejn FRFI Kopert u Entità Koperta. Minn hemm ‘il quddiem, il-marġini jridu jiġu kkalkulati u msejħa kuljum. Il-marġnijiet iridu jiġu imputati jew riċevuti sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara kull sejħa għal marġni. L-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jirrikjedi li l-kontropartijiet kollha ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP jiskambjaw marġni ta’ varjazzjoni fuq bażi ta’ kuljum jew jaġġustaw il-perjodu ta’ marġni ta’ riskju użat għall-kalkolu tal-marġni inizjali skont dan. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet fir-rigward tal-marġni ta’ varjazzjoni.

(12)

Il-Linja Gwida E-22 tipprovdi wkoll għal ammont ta’ trasferiment minimu kkombinat ta’ marġnijiet inizjali u ta’ varjazzjoni ta’ CAD 750 000. Dan l-ammont huwa stabbilit għal EUR 500 000 fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Jenħtieġ li meta titqies id-differenza marġinali fil-valur ta’ dawk il-muniti u l-objettiv komuni, dawk l-ammonti jitqiesu bħala ekwivalenti.

(13)

Fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni inizjali, b’mod simili għall-metodu standardizzat għall-kalkolu tal-marġni inizjali stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, il-Linja Gwida E-22 tippermetti l-użu ta’ mudell standardizzat ekwivalenti għal dak stabbilit fl-Anness imsemmi qabel. Alternattivament, jistgħu jintużaw mudelli interni jew ta’ partijiet terzi biex jiġi kkalkulat il-marġni inizjali meta dawk il-mudelli jissodisfaw ċerti rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Il-mudelli interni u ta’ partijiet terzi huma soġġetti għal rieżami mill-USIF skont il-kriterji stabbiliti għall-konformità.

(14)

Ir-rekwiżiti fil-Linja Gwida E-22 dwar kollateral eliġibbli u dwar kif dak il-kollateral jinżamm u jiġi ssegregat huma simili għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Il-Linja Gwida E-22 fiha lista ekwivalenti ta’ kollateral eliġibbli u, b’mod simili għar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, tistabbilixxi li l-kollateral irid jiġi vvalutat kuljum. Barra minn hekk, hija tistabbilixxi li l-marġni inizjali skambjat għandu jinżamm b’tali mod li jiżgura li jkun immedjatament disponibbli għall-parti kollettriċi fil-każ ta’ inadempjenza tal-kontroparti u jkun suġġett għal arranġamenti li jipproteġu l-parti li tagħmel l-istazzjonament sa fejn ikun possibbli f’każ ta’ falliment tal-kontroparti kollettriċi.

(15)

Fir-rigward tal-protezzjoni tas-segretezza professjonali, l-informazzjoni miżmuma mill-USIF hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 22 tal-Att dwar l-Uffiċċju tas-Soprintendent tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji (“l-Att tal-USIF”), li jiżgura li kwalunkwe informazzjoni rigward in-negozju jew l-affarijiet ta’ istituzzjoni finanzjarja, jew dwar persuni li jittrattaw magħhom, li tinkiseb mill-USIF jew minn kwalunkwe persuna li taġixxi taħt id-direzzjoni tal-USIF tkun kunfidenzjali u għandha tiġi ttrattata kif xieraq. L-USIF u persuni li jaġixxu taħt l-istruzzjonijiet tiegħu huma wkoll soġġetti għall-Att dwar il-Privatezza, li jipproteġi informazzjoni personali li hija taħt il-kontroll ta’ istituzzjoni tal-gvern federali, kif ukoll l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni li jipprovdi dritt ta’ aċċess għal informazzjoni f’rekords taħt il-kontroll ta’ istituzzjonijiet tal-gvern federali. Għalhekk it-Taqsima 22 tal-Att tal-USIF, flimkien mal-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, jipprovdu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-superviżjoni federali effettiva u l-infurzar tal-arranġamenti legali fil-Kanada, l-USIF għandha r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-Linji Gwida. L-USIF tista’ tieħu firxa wiesgħa ta’ miżuri superviżorji biex tindirizza kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti applikabbli. Għaldaqstant jenħtieġ li dawk il-miżuri jitqiesu li jipprevedu l-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta’ infurzar rilevanti skont il-Linji Gwida b’mod ekwu u mhux distorsiv ħalli jiżguraw superviżjoni u infurzar effettivi ekwivalenti għall-arranġamenti superviżorji u ta’ infurzar disponibbli skont il-qafas legali tal-Unjoni.

(17)

Din id-Deċiżjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tar-rekwiżiti vinkolanti stabbiliti fil-liġi Kanadiża relatata mal-kuntratti tad-derivattivi OTC applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ESMA, se tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar għal dawn il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim u r-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi li fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Bħala parti mill-isforzi ta’ monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-USIF biex tipprovdi informazzjoni dwar l-iżviluppi regolatorji u superviżorji. Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mogħtija b’din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, li b’konsegwenza tagħmel lill-kontropartijiet awtomatikament soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Kanada għall-obbligi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti fil-Linja Gwida B-7 li huma applikati għal tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment regolati mill-Uffiċċju tas-Soprintendent ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji (“USIF”) għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet tkun stabbilita fil-Kanada u tkun Istituzzjoni Finanzjarja Koperta Federali Regolata (“FRFIs Koperti”) kif definit fil-Linja Gwida E-22.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Kanada għall-iskambju ta’ kollateral li huma applikati għal tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment regolati minn OSFI, bil-ħruġ ta’ derivattivi ta’ komoditajiet issaldati b’mod fiżiku, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif speċifikat aktar fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet tkun stabbilita fil-Kanada u tkun soġġetta għar-rekwiżiti tal-marġini tal-Kanada;

(b)

tranżazzjonijiet huma pprezzati skont il-valur fis-suq u, fejn il-marġni ta’ varjazzjoni huwa meħtieġ li jiġi pprovdut skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-marġni ta’ varjazzjoni jkun skambjat fl-istess ġurnata li fiha jkun ikkalkulat;

B’deroga mill-punt (b), fejn jiġi stabbilit bejn il-kontropartijiet li l-marġni ta’ varjazzjoni ma jistax jiġi pprovdut b’mod konsistenti fl-istess jum li fih jiġi kkalkolat, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Kanada għandhom jitqiesu wkoll bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fejn il-marġni ta’ varjazzjoni jiġi pprovdut fi żmien jumejn ta’ negozju mill-kalkolu tiegħu u l-perijodu marġinali ta’ riskju użat għall-kalkolu tal-marġni inizjali jiġi aġġustat kif xieraq.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(4)  ESMA/2013/BS/1375, Parir tekniku dwar l-ekwivalenza regolatorju ta' pajjiż terz taħt EMIR — il-Kanada, Rapport finali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-1 ta’ Ottubru 2013.