2.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/99


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1081

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2018/1220 dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, li tħassar ir-Regolament (UE, Euratom) nru 966/2012, b’mod partikolari l-artikolu 143, paragrafu 4 tiegħu (1),

billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1220 (2) tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(2)

Il-Kummissjoni iffissat l-1 ta’ Ġunju 2021 bħala d-data li fiha l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti investigattivi u ta’ prosekuzzjoni (3) konferiti lilu mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (4). Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bord u l-Uffiċċju, filwaqt li jitqiesu l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni stabbiliti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 103, paragrafu 1 ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-funzjonament tal-bord u konsegwentement is-sostenibbiltà tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-president tal-bord għandu jkompli jeżerċita l-mandat tiegħu sakemm jiġi sostitwit b’mod effettiv, jew tal-anqas fl-ewwel xhur wara t-tmiem tal-mandat.

(4)

Il-kundizzjonijiet minimi ta’ funzjoni jew grad meħtieġa għas-sostituti tal-membri tal-korp li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni Ewropea għandhom jiġu allinjati ma’ dawk meħtieġa għall-membri li jirrappreżentaw lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni responsabbli. Għal dan il-għan, għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-grupp tal-funzjoni ta’ kap tal-unità jew ekwivalenti.

(5)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(6)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni (UE) 2018/1220 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/1220 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2, paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-president tal-Bord huwa maħtur mill-Kummissjoni għal mandat ta’ ħames snin li ma jiġġeddidx, f’konformità mal-Artikolu 143, paragrafu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, wara sejħa għal espressjoni ta’ interess. Il-mandat tiegħu jibda jiddekorri fid-data indikata għal dan il-għan fl-att tal-ħatra. Din id-Deċizjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali - Serje Ċ.

Fi tmiem il-mandat tiegħu, sal-punt meħtieġ biex ikun jista’ jiffunzjona l-Bord, il-President għandu jibqa’ fil-kariga sakemm jiġi sostitwit. Dan il-perjodu ma jistax jaqbeż sitt xhur.”

2.

L-Artikolu 5, paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-Direttur tas-Servizz Finanzjarju Ċentrali fid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit ikun wieħed miż-żewġ membri permanenti tal-Bord li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 143 pargrafu 2. b), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Id-Direttur Ġenerali għall-Baġit għandu jaħtar uffiċjal mill-inqas fil-grupp ta’ funzjoni tal-Kap tal-Unità jew ekwivalenti biex jissostitwixxi lil dan il-membru permanenti.

Id-Direttur Ġeneral tal-baġit jipproċedi għall-ħatra ad personam tat-tieni membru permanenti li jirrappreżenta lill-Kummissjoni fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni li jkollhom mill-anqas grad AD 14. Id-Direttur Ġenerali għall-Baġit għandu jaħtar uffiċjal mill-inqas fil-grupp ta’ funzjoni tal-Kap tal-Unità jew ekwivalenti biex jissostitwixxi lil dan il-membru permanenti.”

3.

Fl-Artikolu 6, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   F’każijiet fejn l-informazzjoni jew it-talba tal-awtorità tar-rinviju hija bbażata, b’mod partikolari, fuq informazzjoni mogħtija mill-OLAF, ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Bord, jipparteċipa fil-proċedimenti orali u bil-miktub. Huwa jista’ jippreżenta osservazzjonijiet fuq talba tal-President.

F’każijiet fejn it-talba tal-awtorità tar-rinviju tkun ibbażata kompletament jew parzjalment fuq informazzjoni trażmessa mill-uffiċċju tal-proeskutur pubbliku, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni minn dan tal-aġħar u l-parteċipazzjoni tiegħu bħala osservatur għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim imsemmija fl-Artikolu 103, paragrafu 1, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939.

4.   Fil-każijiet oħra, l-OLAF jista’ jiġi mistieden biex jipprovdi informazzjoni jew pariri, fuq talba tal-President. L-uffiċċju tal-proeskutur pubbliku jista’ jintalab ukoll jipprovdi informazzjoni jew opinjonijiet, fuq talba tal-President, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim imsemmija fl-Artikolu 103, paragrafu 1, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939.”

4.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Kooperazzjoni mal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku

L-arranġamenti għall-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim imsemmija fl-Artikolu 103, paragrafu 1, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939.”

5.

L-Artikolu 10, paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   It-talba għar-rakkomandazzjoni jenħtieġ li jkollha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 142, paragrafu 3, tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Jenħtieġ li jkollha wkoll l-informazzjoni relevanti l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament imsemmi qabel, inklużi fejn applikabbli, ir-rapporti tal-OLAF u l-informazzjoni trażmessa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew sabiex jidħlu fis-seħħ il-miżuri xierqa biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għandu jkollha skeda informattiva debitament kompluta.”

6.

L-Artikolu 26 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 26

Notifika tal-opinjoni u r-rakkomandazzjoni

Il-Bord jinnotifika mingħajr dewmien l-opinjoni lill-awtorità ta’ konsultazzjoni, lill-uffiċjal kompetenti u lill-osservaturi. Fil-każ li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi mistieden bħala osservatur, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim imsemmija fl-Artikolu 103, paragrafu 1, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1220 tas-6 ta’ Settembru 2018 dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, 7.9.2018, p. 7).

(3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/856 tal-25 ta’ Mejju 2021 li tiddetermina d-data minn meta l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jassumi l-kompiti ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tiegħu (ĠU L 188, 28.5.2021, p. 100).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 283, 30.10.2017, p. 1).