|
30.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 230/1 |
DEĊIŻJONI (UE) [2021/1074] TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-18 ta’ Ġunju 2021
dwar l-esklużjoni temporanja ta’ ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-miżura ta’ skopertura totali fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/1306 (BĊE/2021/27)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(d) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 429a tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-qafas ta’ Basel III introduċa proporzjon ta’ lieva sempliċi, trasparenti u mhux ibbażat fuq ir-riskju biex jaġixxi bħala miżura supplimentari kredibbli għar-rekwiżiti ta’ kapital ibbażati fuq ir-riskju. L-istandard tal-proporzjon ta’ lieva ppubblikat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Basel Committee on Banking Supervision - BCBS) f’Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘l-istandard tal-BCBS dwar il-proporzjon ta' lieva’) jipprovdi li sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ politiki monetarji, ġurisdizzjoni tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, teżenta temporanjament lir-riżervi tal-bank ċentrali mill-miżura ta’ skopertura għall-proporzjon ta' lieva f’ċirkostanzi makroekonomiċi eċċezzjonali. |
|
(2) |
L-istandard tal-BCBS dwar il-proporzjon ta' lieva ġie implimentat għall-ewwel darba fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bir-Regolament (UE) Nru 575/2013. L-Artikolu 430 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti ċerta informazzjoni dwar il-proporzjon ta' lieva tagħhom u l-komponenti tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 451 ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li l-istituzzjonijiet jiżvelaw ċerta informazzjoni dwar il-proporzjon ta' lieva tagħhom u l-ġestjoni tagħhom tar-riskju ta’ lieva eċċessiv. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), inter alia, biex jirrifletti reviżjonijiet li saru għall-istandard tal-BCBS dwar il-proporzjon ta' lieva sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali internazzjonalment għall-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni iżda li joperaw barra mill-Unjoni, u sabiex jiġi żgurat li l-proporzjon ta’ lieva jibqa’ kumpliment effettiv għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji bbażati fuq ir-riskju. Ir-Regolament (UE) 2019/876 introduċa rekwiżit ta’ proporzjon ta' lieva sabiex jikkumplimenta s-sistema ta’ rapportar u żvelar tal-proporzjon ta' lieva. Dak ir-Regolament emenda l-Artikolu 429a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 sabiex jintroduċi l-possibbiltà li jiġu esklużi temporanjament ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-kalkolu tal-miżura ta’ skopertura totali ta’ istituzzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali u sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ politiki monetarji. Ir-rekwiżit ta’ proporzjon ta’ lieva għandu jiġi kalibrat mill-ġdid b’mod proporzjonat biex ipatti għall-impatt tal-esklużjoni. Tali kalibrazzjoni mill-ġdid għandha tiżgura l-esklużjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jaffettwaw is-setturi bankarji rilevanti, u li tinżamm ir-reżiljenza pprovduta mill-proporzjon ta’ lieva. Dawn l-emendi għall-qafas tal-proporzjon ta' lieva, inkluża d-diskrezzjoni li jiġu esklużi ċerti skoperturi għall-banek ċentrali mill-miżura tal-iskopertura totali, ser isiru applikabbli fit-28 ta’ Ġunju 2021. |
|
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat ulterjorment mir-Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inter alia, biex jipprevedi li għall-finijiet tal-kalibrazzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ lieva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw id-data meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jitqiesu li bdew, wara konsultazzjoni mal-bank ċentrali rilevanti, u jħabbru pubblikament dik id-data. |
|
(5) |
Fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19-, fis-16 ta’ Settembru 2020, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddetermina li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-iskoperturi tal-bank ċentrali elenkati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 500b(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 mill-miżura tal-iskopertura totali sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-politiki monetarji (5). L-esklużjoni ta’ dawk l-iskoperturi tapplika sas-27 ta’ Ġunju 2021. |
|
(6) |
Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li tirriżulta u li għadha għaddejja għal livell għoli ta’ akkomodazzjoni tal-politika monetarja, li min-naħa tagħha tiddependi b’mod kruċjali fuq il-funzjonament mingħajr waqfien tal-kanal ta’ trażmissjoni bbażat fuq il-banek tal-politika monetarja, il-Kunsill Governattiv iqis li tali ċirkostanzi eċċezzjonali jiġġustifikaw l-esklużjoni temporanja (sal-31 ta’ Marzu 2022) ta’ ċerti skoperturi għall-banek ċentrali tal-Eurosistema mill-kalkolu tal-miżuri tal-iskopertura totali tal-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 429a(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
|
(7) |
Huwa mistenni li l-esklużjoni ta’ ċerti skoperturi tal-bank ċentrali mill-miżura tal-iskopertura totali skont l-Artikolu 429a(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 sal-31 ta’ Marzu 2022 se tappoġġa lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ikomplu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali filwaqt li jippreservaw l-elementi ewlenin tal-qafas regolatorju prudenzjali matul il-perjodu eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Id-data tat-tmiem tal-31 ta’ Marzu 2022 intgħażlet biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika monetarja eċċezzjonali marbuta mas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-orizzont previst bħalissa ta’ xiri nett taħt il-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza fil-Każ ta’ Pandemija (PEPP). |
|
(8) |
Id-data meta jitqiesu li bdew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali hija ddeterminata abbażi tal-aħħar tmiem tat-trimestru qabel il-bidu tal-miżuri tal-politika monetarja marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Fit-12 ta’ Marzu 2020, il-BĊE ħabbar it-taffija tal-kundizzjonijiet għal operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati għal żmien itwal (TLTRO III) biex jappoġġa l-aċċess kontinwu ta’ ditti u unitajiet domestiċi għal kreditu bankarju minħabba tfixkil u nuqqas ta’ finanzjament temporanju assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19. Il-BĊE ħabbar ukoll PEPP ta’ EUR 750 biljun fit-18 ta’ Marzu 2020 biex jaħdem kontra r-riskji serji ta’ tfixkil fil-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospetti għaż-żona tal-euro maħluqa mill-pandemija. Id-data meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jitqiesu li bdew hija għalhekk stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2019. |
|
(9) |
L-iskoperturi li jistgħu jiġu esklużi jinkludu muniti u karti tal-flus li jikkostitwixxu valuta legali fil-ġurisdizzjoni tal-bank ċentrali u assi li jirrappreżentaw pretensjonijiet kontra l-bank ċentrali – inklużi riżervi miżmuma fil-bank ċentrali – safejn dawn l-iskoperturi jkunu rilevanti għat-trasmissjoni, u għalhekk, l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dawn l-iskoperturi jinkludu depożiti miżmuma fil-faċilità ta’ depożitu u bilanċi miżmuma f’kontijiet ta’ riżerva mal-Eurosistema, inklużi fondi miżmuma sabiex jintlaħqu rekwiżiti ta’ riżervi minimi. Skoperturi li jirrappreżentaw pretensjonijiet kontra l-bank ċentrali li mhumiex relatati mal-implimentazzjoni tal-politika monetarja m’għandhomx ikunu esklużi mill-miżura tal-iskopertura totali. |
|
(10) |
Il-BĊE, fil-funzjoni tal-politika monetarja tiegħu, ġie ikkonsultat skont l-Artikolu 429a(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar id-determinazzjoni ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ ċerti skoperturi u d-data meta ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jitqiesu li bdew (6). |
|
(11) |
L-Artikolu 500b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni (UE) 2020/1306 (BĊE/2020/44) japplika sas-27 ta’ Ġunju 2021. Huwa għalhekk meħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/1306 (BĊE/2020/44). |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:
|
(1) |
‘Eurosistema’ tfisser ‘Eurosistema’ kif iddefinita fl-Artikolu 2(29) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (7); |
|
(2) |
‘faċilità ta’ depożitu’ tfisser ‘faċilità ta’ depożitu’ kif iddefinita l-Artikolu 2(21) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60); |
|
(3) |
‘kontijiet ta’ riżerva’ tfisser ‘kontijiet ta’ riżerva’ kif iddefinit fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) Nru 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/1) (8); |
|
(4) |
‘rekwiżiti ta’ riżerva minima’ tfisser ‘rekwiżiti ta’ riżerva minima’ kif definiti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2021/378 (BĊE/2021/1); |
|
(5) |
‘entità sinifikanti taħt superviżjoni’ tfisser ‘entità sinifikanti taħt superviżjoni’ kif iddefinita fl-Artikolu 2(16) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (9). |
Artikolu 2
Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 429a(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-BĊE ddetermina li, soġġett għall-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-iskoperturi tal-banek ċentrali elenkati fil-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 429a(1)(n) ta’ dak ir-Regolament mill-miżura tal-iskopertura totali sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-politiki monetarji.
2. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jitqiesu li bdew fil-31 ta’ Diċembru 2019.
3. Fir-rigward tal-iskoperturi elenkati fil-punt (ii) tal-Artikolu 429a(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-determinazzjoni għandha tapplika għal dawk l-iskoperturi fil-banek ċentrali tal-Eurosistema li jkunu relatati mad-depożiti miżmuma fil-faċilità ta’ depożitu jew għall-bilanċi miżmuma f’kontijiet ta’ riżerva, inklużi fondi miżmuma sabiex jilħqu r-rekwiżiti ta’ riżervi minimi.
4. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal perjodu li jibda mit-28 ta’ Ġunju 2021 u jintemm fil-31 ta’ Marzu 2022.
5. Id-determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika b’rabta ma’ kwalunkwe istituzzjoni li tkun entità sinifikanti taħt superviżjoni fi Stat Membru taż-żona tal-euro.
Artikolu 3
Revoka
Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1306 (BĊE/2020/44) hija mħassra b’effett mit-28 ta’ Ġunju 2021.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2021.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta’ Ġunju 2021.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(3) Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 575/2013 dwar il-proporzjon ta' lieva finanzjarja, il-proporzjon ta' finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta' investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta' rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019,p. 1).
(4) Regolament (UE) 2020/873 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2019/876 fir-rigward ta’ ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 4).
(5) Deċiżjoni (UE) 2020/1306 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2020 dwar l-esklużjoni temporanja ta’ ċerti skoperturi għal banek ċentrali mill-miżura ta’ skopertura totali fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 (BĊE/2020/44) (ĠU L 305, 21.9.2020, p. 30).
(6) https://www.ecb.europa.eu/press/pr/date/2021/html/ecb.pr210618~08d3c92b21.en.html
(7) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).
(8) Regolament (KE) Nru 2021/378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2021 dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ riżervi minimi (BĊE/2021/1) (ĠU L 73, 3.3.2021, p. 1).
(9) Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).