|
30.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 230/30 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1072
tat-28 ta’ Ġunju 2021
dwar deroga temporanja mid-Deċiżjoni 2013/471/UE dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 301 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, il-miżuri straordinarji ta’ prevenzjoni u ta’ trażżin meħuda mill-Istati Membri, bħall-kwarantina, l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ xogħol mill-bogħod, kif ukoll restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq il-moviment u l-ivvjaġġar, għamluha impossibbli jew diffiċli ħafna għall-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”) u s-supplenti tagħhom (li flimkien jissejħu “il-benefiċjarji”) biex jivvjaġġaw bil-ħsieb li jattendu l-laqgħat fiżikament. |
|
(2) |
Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, u sabiex jiġi ggarantit li l-attivitajiet tal-Kumitat jistgħu jseħħu b’mod xieraq u sostenibbli f’kull ħin biex tiġi żgurata l-kontinwità istituzzjonali, jeħtieġ li jkun hemm deroga temporanja mill-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/471/UE (1) fir-rigward tal-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar lill-benefiċjarji. Jenħtieġ li din id-deroga tapplika biss għall-perijodu ta’ diffikultajiet tal-ivvjaġġar jew restrizzjonijiet sanitarji li jippersistu għal laqgħat fiżiċi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni. |
|
(3) |
L-ispejjeż amministrattivi reali mġarrba minn benefiċjarju li jattendi laqgħa mill-bogħod b’mezzi elettroniċi huma aktar baxxi mir-rata tal-allowances ta’ kuljum attwalment applikabbli għall-attendenza ta’ laqgħat bi preżenza fiżika, filwaqt li l-ħin li jitqatta’ minn benefiċjarju jibqa’ l-istess. Għalhekk huwa xieraq li l-allowance ta’ kuljum imħallas lill-benefiċjarji li jattendu laqgħat mill-bogħod b’mezzi elettroniċi jiġi adattat kif xieraq. |
|
(4) |
Fejn xieraq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mill-Kumitat regoli dettaljati relatati mal-għoti tal-allowance ta’ kuljum għall-attendenza mill-bogħod. Jenħtieġ li dawk ir-regoli b’mod partikolari jidentifikaw il-każijiet li fihom diffikultajiet tal-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 jew ma’ miżuri restrittivi relatati jikkompromettu l-possibbiltà li jiġu organizzati jew li jkun hemm attendenza b’mod fiżiku għal-laqgħat. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Kumitat jippreżenta lill-Kunsill rapporti regolari dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sabiex il-Kunsill ikun jista’ jevalwa l-impatt tagħha u l-eżistenza li tippersisti tal-kondizzjonijiet li jiġġustifikaw id-deroga. Abbażi ta’ dawk ir-rapporti, jenħtieġ li l-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa, b’mod partikolari fil-qafas ta’ reviżjoni komprensiva futura tad-Deċiżjoni 2013/471/UE, li għandha titwettaq qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-Kumitat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2013/471/UE, fejn miżuri restrittivi relatati mal-COVID-19 jikkompromettu l-possibbiltà li tiġi organizzata jew li jkun hemm attendenza b’mod fiżiku għal laqgħa, il-benefiċjarji li jattendu l-laqgħa mill-bogħod b’mezzi elettroniċi għandhom ikunu intitolati biss għal allowance ta’ kuljum stabbilit għal EUR 145.
Artikolu 2
Il-Kumitat għandu jadotta dispożizzjonijiet dettaljati li jimplimentaw l-Artikolu 1 sat-2 ta’ Settembru 2021.
Artikolu 3
Sat-2 ta’ Jannar 2022 u kull sitt xhur wara, il-Kumitat għandu jippreżenta lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u partikolarment dwar l-impatt baġitarju tagħha kif ukoll dwar l-eżistenza li tippersisti ta’ diffikultajiet tal-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 jew ma’ miżuri restrittivi relatati li jikkompromettu l-possibbiltà li jiġu organizzati jew li jkun hemm attendenza b’mod fiżiku għal-laqgħat.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
M. do C. ANTUNES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/471/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar l-għoti ta’ allowances ta’ kuljum u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-supplenti tagħhom (ĠU L 253, 25.9.2013, p. 22).