24.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1026

tal-21 ta’ Ġunju 2021

b’appoġġ għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

(2)

L-Istrateġija tal-UE tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (CWC) u tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-ħolqien ta’ dinja ħielsa minn armi kimiċi. L-objettivi tal-Istrateġija tal-UE huma komplementari għal dawk segwiti mill-OPCW fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tas-CWC.

(3)

Fit-22 ta’ Novembru 2004 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/797/PESK (1) dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW. Dik l-Azzjoni Konġunta ġiet segwita mal-iskadenza tagħha mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK (2), li sussegwentement kienet segwita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK (3).

L-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK kienet segwita mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/569/PESK (4), 2012/166/PESK (5), 2013/726/PESK (6), (PESK) 2015/259 (7), (PESK) 2017/2302 (8), (PESK) 2017/2303 (9) u (PESK) 2019/538 (10).

(4)

It-tkomplija ta’ assistenza intensiva u mmirata bħal din min-naħa tal-Unjoni għall-OPCW hi meħtieġa fil-kuntest tal-implimentazzjoni attiva tal-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE.

(5)

Jenħtieġ aktar appoġġ mill-Unjoni għall-Programm dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni tal-OPCW, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-OPCW biex jinżammu livelli xierqa ta’ ċibersigurtà u reżiljenza ċibernetika fl-indirizzar tal-isfidi attwali u emerġenti relatati maċ-ċibersigurtà,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-għan li ċerti elementi tal-Istrateġija tal-UE jiġu applikati b’mod immedjat u prattiku, l-Unjoni għandha tappoġġa proġett tal-OPCW bl-objettivi li ġejjin:

it-titjib tal-infrastruttura tal-ICT f’konformità mal-qafas tal-kontinwità tal-operat istituzzjonali tal-OPCW, b’enfasi qawwija fuq ir-reżiljenza; u

l-iżgurar ta’ governanza ta’ aċċess privileġġat, kif ukoll ġestjoni u separazzjoni tal-informazzjoni fiżika, loġika u kriptografika għan-networks strateġiċi u ta’ missjoni kollha tal-OPCW.

2.   Fil-kuntest tal-paragrafu 1, l-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-proġett tal-OPCW, li jikkonformaw mal-miżuri stabbiliti fil-Kapitolu III tal-Istrateġija tal-UE, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

l-operazzjonalizzazzjoni ta’ ambjent favorevoli għal sforzi li għaddejjin għaċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika f’operazzjonijiet tal-OPCW f’diversi siti;

it-tfassil ta’ soluzzjonijiet imfassla apposta għall-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ sistemi li huma fuq il-post u bbażati fuq il-cloud ma’ sistemi tal-ICT tal-OPCW u soluzzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ aċċess privileġġat (PAM); u

il-bidu u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet PAM.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-OPCW appoġġati mill-Unjoni li jissemmew fil-paragrafu 2 tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha ssir mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-RGħ. Għal dak il-fini, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 2 151 823.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mas-Segretarjat Tekniku. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibilità tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha, u għandu jispeċifika miżuri biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ sinerġiji u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-RGħ għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi wara sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63).

(2)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/913/PESK tat-12 ta’ Diċembru 2005 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 34).

(3)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/185/PESK tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 85, 27.3.2007, p. 10).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/569/PESK tas-27 ta’ Lulju 2009 dwar appoġġ għal attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 96).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat-23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta’ Diċembru 2013 b’appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/259 tas-17 ta’ Frar 2015 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 43, 18.2.2015, p. 14).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2302 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW għal assistenza fl-operazzjonijiet ta’ tindif ta’ dak li kien is-sit ta’ ħażna tal-armi kimiċi fil-Libja fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 49).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (ĠU L 329, 13.12.2017, p. 55).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/538 tal-1 ta’ April 2019 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 93, 2.4.2019, p. 3).


A NNESS

DOKUMENT TA’ PROĠETT

1.   Kuntest

L-OPCW hija meħtieġa li żżomm infrastruttura li tippermetti s-sovranità tal-informazzjoni b’mod proporzjonat għall-klassifikazzjonijiet tal-aċċess privileġġjat, ir-rutini tal-immaniġġjar xierqa u t-theddid eżistenti filwaqt li tibqa’ kapaċi tiddefendi kontra riskji emerġenti. L-OPCW qed tkompli tiffaċċa b’mod konsistenti riskji serji u emerġenti fir-rigward taċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika. L-OPCW hija fil-mira ta’ atturi b’livell għoli ta’ ħiliet, riżorsi u motivazzjoni. Dawn l-atturi jkomplu jattakkaw il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni u l-assi infrastrutturali tal-OPCW fuq bażi frekwenti. Bi tweġiba għat-tħassib li l-attakki ċibernetiċi reċenti, il-kunsiderazzjonijiet politiċi attwali u l-kriżi tal-COVID-19 issottolinjaw, u b’kont meħud tar-rekwiżiti uniċi ppreżentati min-natura tal-ħidma tal-OPCW biex jitwettaq il-mandat tas-CWC, huwa ċar li jenħtieġ investiment essenzjali fil-kapaċitajiet tekniċi.

Taħt il-Fond Speċjali tal-OPCW għaċ-Ċibersigurtà, il-Kontinwità tal-Operat u s-Sigurtà tal-Infrastruttura Fiżika, l-OPCW fasslet il-Programm tagħha dwar iċ-Ċibersigurtà u r-Reżiljenza Ċibernetika u l-Assigurazzjoni tal-Informazzjoni (Programm tal-OPCW) b’47 attività biex tindirizza l-isfidi taċ-ċibersigurtà li ġew esperjenzati fiż-żminijiet reċenti. Il-programm tal-OPCW huwa allinjat mal-aħjar prattika kif promossa minn entitajiet bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) jew bl-użu ta’ kunċetti relatati mad-Direttiva Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS) li jappartjenu għat-Telekomunikazzjoni u d-Difiża. Kollettivament, il-Programm tal-OPCW ikopri l-oqsma tematiċi li ġejjin: networks klassifikati u mhux klassifikati; politika u governanza; detezzjoni u rispons; operazzjonijiet u manutenzjoni; u telekomunikazzjoni. Fundamentalment, il-Programm tal-OPCW huwa mfassal biex jippermetti lill-OPCW tnaqqas l-opportunitajiet għal attakkanti b’riżorsi tajbin u/jew sponsorjati mill-istat li jilħqu l-għanijiet tagħhom, u biex itaffi r-riskji kemm minn theddid estern kif ukoll minn theddid minn ġewwa kemm minn perspettiva umana kif ukoll minn dik teknika. L-appoġġ tal-Unjoni huwa strutturat bħala Proġett b’tliet attivitajiet li jikkorrispondu ma’ żewġ attivitajiet mis-47 tal-Programm tal-OPCW.

2.   Għan tal-Proġett

L-għan ġenerali tal-Proġett huwa li jiżgura li s-Segretarjat tal-OPCW ikollu l-kapaċità li jżomm livell xieraq ta’ ċibersigurtà u reżiljenza ċibernetika fl-indirizzar tal-isfidi rikorrenti u emerġenti taċ-ċibersigurtà fil-kwartieri ġenerali tal-OPCW u l-faċilitajiet awżiljarji, biex jippermetti t-twettiq tal-mandat tal-OPCW u l-implimentazzjoni effettiva tas-CWC.

3.   Objettivi

It-titjib tal-infrastruttura tal-ICT f’konformità mal-qafas istituzzjonali tal-kontinwità tal-operat tal-OPCW, b’enfasi qawwija fuq ir-reżiljenza ċibernetika;

L-iżgurar ta’ governanza ta’ aċċess privileġġat, kif ukoll il-ġestjoni u s-separazzjoni tal-informazzjoni fiżika, loġika u kriptografika għan-networks strateġiċi u tal-missjonijiet kollha.

4.   Riżultati

Ir-riżultati mistennija li l-Proġett ser jikkontribwixxi għalihom huma kif ġej:

Il-provvediment min-naħa tat-tagħmir u s-servizzi tal-ICT ta’ affidabbiltà robusta tas-sistema (ridondanza ibrida/ġeografika) u l-faċilitazzjoni ta’ disponibbiltà akbar ta’ sistemi u servizzi tal-ICT b’appoġġ għall-kontinwità tal-operat;

Il-minimizzazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ kwalunkwe fattur jew persuna li jkollha impatt negattiv fuq il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni jew tas-sistemi fl-OPCW.

5.   Attivitajiet

5.1.   Attività 1 – L-operazzjonalizzazzjoni ta’ ambjent favorevoli għal sforzi li għaddejjin għaċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika f’operazzjonijiet tal-OPCW f’diversi siti;

Din l-attività tfittex li tiżgura ambjent favorevoli għall-introduzzjoni bla xkiel tal-ippjanar tal-kontinwità tal-operat tal-OPCW f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza ċibernetika. Dan ser jinkiseb billi jiġu indirizzati l-aġġornamenti tal-infrastruttura – l-arkitettura mill-ġdid u/jew l-arkivju għall-kontinwità tal-operat tal-OPCW f’operazzjonijiet f’diversi siti. Kif ukoll billi tiġi ffaċilitata u promossa aktar l-integrazzjoni ta’ governanza tal-aċċess privileġġat fl-ippjanar tal-kontinwità tal-operat u l-proċessi ta’ rispons.

5.2.   Attività 2 – It-tfassil ta’ soluzzjoni mfassla apposta għall-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ sistemi li huma fuq il-post u bbażati fuq il-cloud ma’ sistemi tal-ICT tal-OPCW u soluzzjonijiet ta’ Ġestjoni ta’ Aċċess Privileġġat (PAM)

Din l-attività tiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-ambjent favorevoli fi tfassil apposta għall-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni ta’ sistemi li huma fuq il-post u bbażati fuq il-cloud ma’ sistemi tal-ICT tal-OPCW u soluzzjonijiet PAM. Dan mistenni li jżid l-effiċjenza tal-infrastruttura tas-sistemi tal-ICT u jwassal għat-tfassil ta’ sistema integrata ta’ PAM għal assi kritiċi, li tista’ tiskoraġġixxi, tidentifika, u hija konformi ma’ kapaċitajiet proporzjonati ta’ tfittix ta’ theddid.

5.3.   Attività 3 – Il-bidu u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet PAM

Din l-attività tibni fuq l-infrastruttura implimentata u s-soluzzjonijiet PAM imfassla biex it-teorija dwar l-integrazzjoni u l-konfigurazzjoni tissarraf f’prattika. Is-sistemi għandhom jiġu mmappjati, profilati, u inkorporati f’sistemi eżistenti filwaqt li jitqiesu l-politika assoċjata u l-fatturi umani. Wara dan, ittestjar bir-reqqa jivverifika u jiżgura r-robustezza tas-sistema (is-sistemi l-ġodda kollha għandhom awtentikazzjoni qawwija għall-utenti u l-apparati, klassifikazzjoni u protezzjoni xierqa tal-informazzjoni, u prevenzjoni avvanzata tat-telf tad-data) fl-implimentazzjoni u maż-żmien, u dan ser jippermetti lis-Segretarjat tal-OPCW jidentifika u jindirizza l-lakuni sa fejn ikun possibbli.

6.   Tul ta’ żmien

It-tul ta’ żmien totali stmat tal-implimentazzjoni ffinanzjata permezz ta’ dan il-proġett huwa mistenni li jseħħ u jintemm fuq perijodu ta’ 24 xahar.

7.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tal-proġett ser ikunu l-persunal tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW, l-organi tat-tfassil tal-politika, il-korpi sussidjarji u l-partijiet ikkonċernati tas-CWC inkluż l-Istati Partijiet.

8.   Viżibilità tal-UE

L-OPCW għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha, b’kunsiderazzjonijiet raġonevoli ta’ sigurtà, biex tippubbliċizza l-fatt li dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Unjoni.