21.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/37


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/995

tat-18 ta’ Ġunju 2021

li tiddetermina d-data li fiha għandha tibda tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 tat-12 ta’ Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/1908, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża msemmija fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għall-Bulgarija u għar-Rumanija wara t-tlestija b’mod pożittiv tat-testijiet komprensivi relatati kollha mwettqa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) u l-Bulgarija u r-Rumanija kif ukoll il-Kummissjoni jkunu ġew innotifikati li dawn it-testijiet ikunu tlestew b’mod pożittiv.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1908 għandha tapplika minn data, li għandha tiġi ddeterminata mill-Kummissjoni, meta l-Bulgarija u r-Rumanija jinnotifikaw lill-Kummissjoni li t-testijiet komprensivi jkunu tlestew b’mod pożittiv.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1908, eu-LISA vverifikat li, mil-lat tekniku, is-sistemi nazzjonali tal-VIS tal-Bulgarija u tar-Rumanija huma lesti li jiġu integrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

(4)

Bl-ittra tal-15 ta’ Diċembru 2020, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni li t-testijiet komprensivi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1908, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni, tlestew b’mod pożittiv.

(5)

Bl-ittra tad-19 ta’ Jannar 2021, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni li t-testijiet komprensivi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1908, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni, tlestew b’mod pożittiv.

(6)

Għalhekk, peress li l-Bulgarija u r-Rumanija lestew l-arranġamenti tekniċi meħtieġa u nnotifikaw kif xieraq lill-Kummissjoni dwar dan, jenħtieġ li tiġi ddeterminata d-data li fiha għandha tibda tapplika d-Deċiżjoni (UE) 2017/1908.

(7)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (2), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti B u G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (3).

(8)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti B u G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (5).

(9)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punti B u G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (7),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1908 għandha tapplika mill-25 ta’ Lulju 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39.

(2)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(4)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(6)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).