|
9.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 203/14 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/927
tal-31 ta’ Mejju 2021
li tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi għall-aġġustament ta’ allokazzjonijiet bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-perjodu mill-2021 sal-2025
(notifikata bid-dokument C(2021) 3745)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/331 (1) tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jiddetermina regoli tranżizzjonali għall-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 10a(5), 10a(5a) u 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedu ammont annwali massimu ta’ kwoti li jikkostitwixxu l-bażi għall-kalkolu tal-kwoti allokati bla ħlas għall-installazzjonijiet li mhumiex koperti mill-Artikolu 10a(3) ta’ din id-Direttiva. |
|
(2) |
L-ammont massimu ta’ allokazzjoni bla ħlas ta’ kwoti previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE nieqes l-ammont imsemmi fl-Artikolu 10a(8) u filwaqt li jittieħed inkonsiderazzjoni l-ammont addizzjonali disponibbli, fejn meħtieġ, stabbilit bl-Artikolu 10a(5a) ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li ma jinqabiżx sabiex jiġi rispettat is-sehem tal-irkantar stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex ikun żgurat li l-ammont annwali massimu ta’ kwoti ma jinqabiżx, jenħtieġ li jiġi applikat fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, jekk ikun meħtieġ, u dan inaqqas b’mod uniformi l-għadd ta’ kwoti bla ħlas għal kull installazzjoni eliġibbli għall-allokazzjoni bla ħlas. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali għal kull sena matul il-perjodu ta’ allokazzjoni rilevanti ladarba l-ammonti annwali preliminari ta’ allokazzjonijiet bla ħlas għal dak il-perjodu jiġu nnotifikati. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali applikabbli kull sena tal-perjodu ta’ allokazzjoni mill-2021 sal-2025 għall-installazzjonijiet li mhumiex identifikati bħala ġeneraturi tal-elettriku u li ma daħlux ġodda fis-suq ikunu determinati abbażi tal-ammont annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati bla ħlas matul il-perjodu ta’ allokazzjoni, mingħajr ma jiġu inklużi il-kwoti bla ħlas allokati għall-installazzjonijiet li huma esklużi mill-Istati Membri mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fi ħdan l-Unjoni (UE ETS), f’konformità mal-Artikolu 27 jew 27a tad-Direttiva 2003/87/KE u inklużi l-kwoti bla ħlas allokati għall-installazzjonijiet li huma inklużi mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(5) |
Għall-2021, il-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 1 571 583 007, kif stabbilita fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1722 (3). F’konformità mal-Artikolu 10(1), l-ewwel u t-tieni subparagrafi tad-Direttiva 2003/87/KE, l-ammont (annwali) massimu previst fl-Artikolu 10a(5) ġie kkalkulat bħala 43 % ta’ 1 571 583 007, li huwa 675 780 693. Minn dan l-ammont ta’ 675 780 693, jenħtieġ li jitnaqqsu 32 500 000 kwota kull sena f’konformità mal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, li jwasslu għal ammont massimu ta’ 643 280 693 għall-2021. Skont l-Artikolu 10a(5a) tad-Direttiva 2003/87/KE, ammont addizzjonali sa 3 % tal-kwantità totali ta’ kwoti li jammontaw għal 413 420 157 fuq il-perjodu ta’ għaxar snin mill-2021 sal-2030, se jintuża biex jiżdied l-ammont massimu disponibbli jekk l-ammonti annwali preliminari ta’ kwoti bla ħlas għal kull installazzjoni kif ppreżentata mill-Istati Membri u l-Istati taż-ŻEE–EFTA, bl-applikazzjoni tal-fattur rilevanti ddeterminat fl-Anness V tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331, qabeż il-kwantità massima msemmija fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva. Madankollu, dan tal-aħħar ma kienx il-każ. Għaldaqstant jenħtieġ li l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali annwali jkun ta’ 100 %. |
|
(6) |
Jenħtieġ li kwalunkwe kwota mhux użata mill-ammonti massimi fis-sena 2021 jkunu disponibbli fis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2022. Jenħtieġ li dik il-loġika tkompli tapplika għas-snin ta’ wara matul il-perjodu ta’ allokazzjoni mill-2021 sal-2025 imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/331. |
|
(7) |
L-ammonti massimi previsti fl-Artikolu 10a(5), 10a(5a) u 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-regoli tal-allokazzjoni armonizzata u l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali għandhom japplikaw fl-Istati taż-ŻEE–EFTA (4). Għalhekk jeħtieġ li jitqiesu l-ammonti annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet li għandhom jiġu allokati bla ħlas fil-perjodu mill-2021 sal-2025, abbażi tad-data aċċettata mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja. Il-kalkoli msemmija fil-premessa (5) jirriflettu din il-ħtieġa, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għal kull sena fil-perjodu ta’ allokazzjoni mill-2021 sal-2025, il-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi għall-aġġustament ta’ allokazzjonijiet bla ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet f’konformità mal-Artikolu 10a(5) u 10a(5a) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun 100 %.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Frans TIMMERMANS
Viċi President Eżekuttiv
(2) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1722 tas-16 ta’ Novembru 2020 dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu mal-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet għall-2021 (ĠU L 386, 18.11.2020, p. 26).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 112/2020 tal-14 ta’ Lulju 2020 li temenda l-Anness XX (Ambjent) tal-Ftehim taż-ŻEE. (Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).