8.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/918

tat-3 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward l-emendar tad-Deċiżjoni Nru 3/2016 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2) (il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) jiddikjara li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista’ jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(2)

Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2014 f’Nairobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f’Dikjarazzjoni Konġunta, li jipproċedi bl-għeluq ordnat taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (ĊŻE). Għal dak il-għan, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE iddeċieda li jagħti delega ta’ setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi l-kwistjoni ’l quddiem bil-ħsieb li jadotta d-deċiżjonijiet neċessarji.

(3)

Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE adotta d-Deċiżjoni Nru 3/2016 (3) li temenda l-Anness III għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE sabiex isir it-tibdil neċessarju, jiġi stabbilit il-qafas legali l-ġdid taċ-ĊŻI mill-1 ta’ Jannar 2017, u tinżamm il-personalità ġuridika tiegħu, biss għall-finijiet tal-likwidazzjoni tiegħu, minn dik id-data.

(4)

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/2016, Kuratur għandu jiżgura l-implimentazzjoni tal-fażi passiva, li matula ċ-ĊŻI għandu jeżisti biss għall-finijiet tal-likwidazzjoni tiegħu,mill-1 ta’ Jannar 2017 għal perijodu ta’ erba’ snin jew sakemm iċ-ĊŻI jkun salda l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu u rrealizza l-assi kollha tiegħu, skont liema jseħħ l-ewwel.

(5)

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, iċ-ĊŻI kien għadu ma saldax l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu u ma rrealizzax l-assi kollha tiegħu. Għalhekk huwa neċessarju li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2016 biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-fażi passiva taħt il-ġestjoni tal-Kuratur u biex dik il-fażi tingħalaq. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-fażi passiva, l-emendar tad-Deċiżjoni Nru 3/2016 jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(6)

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandu jadotta l-emenda għad-Deċiżjoni Nru 3/2016 f’waħda mil-laqgħat tiegħu, jew permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li l-att previst ser ikun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward iċ-ĊŻI hija:

li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/2016 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkuntratta Kuratur biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-fażi passiva mill-1 ta’ Jannar 2017 sakemm iċ-ĊŻI ikun salda l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu u rrealizza l-assi kollha tiegħu”;

li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li temenda d-Deċiżjoni Nru 3/2016 ta’ dak il-Kumitat tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

P. N. SANTOS


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2016 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tat-12 ta’ Lulju 2016 rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE [2016/1163] (ĠU L 192, 16.7.2016, p. 77).