|
4.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 197/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/908
tal-4 ta’ Ġunju 2021
li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja. |
|
(2) |
Fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet li fihom ikkundanna b’mod qawwi l-inżul furzat ta’ titjira tar-Ryanair f’Minsk, il-Belarussja, fit-23 ta’ Mejju 2021 fejn ġiet ipperikolata s-sikurezza tal-avjazzjoni, u d-detenzjoni mill-awtoritajiet Belarussi tal-ġurnalist Raman Pratasevich u ta’ Sofia Sapega. Huwa sejjaħ lill-Kunsill biex jadotta l-miżuri meħtieġa biex jiġu pprojbiti milli jgħaddu minn fuq it-territorju tal-Unjoni titjiriet ta’ linji tal-ajru Belarussi u jiġi impedut l-aċċess għall-ajruporti tal-Unjoni lil titjiriet operati minn tali linji tal-ajru. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-gravità ta’ dak l-inċident, il-Kunsill iddetermina li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiċħdu l-permess lil kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Belarussi, inkluż bħala trasportaturi kummerċjali, milli jinżlu fi, jitilqu minn jew jgħaddu minn fuq it-territorji tagħhom. |
|
(4) |
Hi meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex tiġi implimentata dik il-miżura. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu li ġej jiddaħħal fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK:
“Artikolu 2a
1. L-Istati Membri għandhom jiċħdu l-permess li jinżel fi, jitlaq minn jew jgħaddi minn fuq it-territorji tagħhom lil kwalunkwe inġenju tal-ajru operat minn trasportaturi tal-ajru Belarussi, inkluż bħala trasportatur kummerċjali, skont ir-regoli u l-liġijiet nazzjonali tagħhom u b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari l-ftehimiet internazzjonali rilevanti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika f’każ ta’ nżul ta’ emerġenza jew ta’ titjira ta’ emerġenza li tgħaddi minn fuq it-territorju.
3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fil-każ li l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati jiddeterminaw li nżul, tluq jew titjira li tgħaddi minn fuq it-territorju jkunu meħtieġa għal raġunijiet umanitarji jew għal kwalunkwe raġuni oħra li tkun konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni. F’tali każ, l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1).