1.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/879

tas-27 ta’ Mejju 2021

dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill irċieva l-lista mqassra ta’ tliet kandidati kklassifikati magħżula mill-Bord tas-Superviżuri tal-EIOPA għall-pożizzjoni ta’ President tal-EIOPA.

(2)

Fil-15 ta’ April 2021, it-tliet kandidati ġew intervistati mill-Presidenza tal-Kunsill f’isem l-Istati Membri.

(3)

Fil-21 ta’ April 2021, il-Presidenza tal-Kunsill nediet konsultazzjoni informali u indikattiva dwar il-kandidata kklassifikata l-ewwel mill-Bord tas-Superviżuri tal-EIOPA, is-Sa Petra HIELKEMA.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, li kien emendat mir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni biex jaħtar il-President, wara konferma mill-Parlament Ewropew.

(5)

Fil-5 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill bagħat ittra lill-Parlament Ewropew li tiddikjara li, jekk il-Parlament Ewropew jikkonferma l-ħatra tas-Sa Petra HIELKEMA għall-pożizzjoni ta’ President tal-EIOPA, il-Kunsill jadotta deċiżjoni biex jaħtarha President tal-EIOPA.

(6)

Fit-18 ta’ Mejju 2021, il-Parlament Ewropew ikkonferma lis-Sa Petra HIELKEMA għall-pożizzjoni ta’ President tal-EIOPA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sa Petra HIELKEMA hija b’dan maħtura President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Settembru 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

P. SIZA VIEIRA


(1)  ĠU L 331 15.12.2010, p. 48.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment, u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanjat-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).