31.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/43


DEĊIŻJONI (UE) 2021/874 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Mejju 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2021/25)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artiklu 3.1 u l-Artikoli 17 sa 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2502 final tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tipprevedi, inter alia, għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self fil-kuntest ta’ NextGenerationEU, li ġiet adottata biex tiffinanzja inizjattivi ta’ rkupru f’każ ta’ kriżi tal-COVID-19 filwaqt li tiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomija tal-Unjoni.

(2)

Il-Kunsill Governattiv iqis li holdings ta’ flus kontanti prudenzjali li jinżammu f’kont dedikat mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2502 final għandhom ikunu eżentati minn rati tal-imgħax negattivi.

(3)

Skont l-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 2502 final, l-operazzjonijiet NextGenerationEU ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u ta’ għoti b’self mhux se jiġu implimentati sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053. Madankollu, peress li l-operazzjonijiet NextGenerationEU ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self huma mistennija li jibdew f’Ġunju 2021, huwa meħtieġ li jitħejja l-qafas legali tal-BĊE għal tali implimentazzjoni u għalhekk huwa xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053, biex jiġu previsti tali eżenzjonijiet. Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 (BĊE/2019/31) huwa mibdul b’dan li gej:

“Artikolu 2

Remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti miżmumin għand il-BĊE

1.   Kontijiet miżmuma mal-BĊE b’mod konformi mad-Deċiżjoni BĊE/2003/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*1), id-Deċiżjoni BĊE/2010/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*2), id-Deċiżjoni BĊE/2010/17 tal-Bank Ċentrali Ewropew (*3) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (*4) għandhom ikomplu jiġu rremunerati bir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Madankollu, meta jkun meħtieġ li d-depożiti jinżammu f’dawk il-kontijiet qabel id-data meta jrid isir ħlas skont ir-regoli legali jew kuntrattwali applikabbli għall-faċilità kkonċernata, dawn id-depożiti għandhom jiġu remunerati matul dan il-perijodu bikri bir-rata ta’ żero fil-mija jew tal-faċilità ta’ depożitu, skont liema tkun l-ogħla.

2.   Il-kont iddedikat miżmum mal-BĊE skont l-Artikolu 13(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2502 final tal-14 ta’ April 2021 li tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 u għall-operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati ma’ self mogħti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) għall-finijiet ta’ holdings ta’ flus kontanti prudenzjali kif imsemmi f’dak l-Artikolu għandu jiġi remunerat b’żero fil-mija jew ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu, skont liema tkun l-ogħla, ħlief fejn l-ammont aggregat ta’ depożiti miżmuma f’dak il-kont dedikat jaqbeż EUR 20 biljun, f’liema każ l-ammont eċċessiv għandu jiġi remunerat bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  C(2021) 2502 finali