|
31.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 190/96 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/867
tat-28 ta’ Mejju 2021
dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-ġugarelli li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/48/KE u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. |
|
(2) |
Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi, fil-Parti III tal-Anness II tagħha, rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem minħabba l-esponiment għas-sustanzi jew għat-taħlitiet kimiċi li l-ġugarelli jkunu magħmula minnhom jew li jkun fihom. Fil-Parti IV tal-Anness II tagħha, id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi wkoll rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza tal-ġugarelli fir-rigward ta’ perikli elettriċi. |
|
(3) |
Bl-ittra M/445 (3) tad-9 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE. |
|
(4) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A2:2018 “Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 7: Żebgħat li jitpinġew bis-swaba’ — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1728 (4). Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020. |
|
(5) |
L-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020 jipprevedi referenza aġġornata għal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni fir-rigward tal-użu ta’ għadd ta’ koloranti elenkati fit-tabelli A.1 u A.2 tal-Anness A ta’ dak l-istandard, filwaqt li jitqiesu l-iktar speċifikazzjonijiet u kriterji tal-purità reċenti li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (5). Il-lista ta’ preservattivi permessi biex jintużaw fiż-żebgħat li jitpinġew bis-swaba’, stabbilita fit-tabella B.1 tal-Anness B tal-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020, tnaqqas il-konċentrazzjoni massima permessa tal-klimbażolu għal 0,2 % f’konformità mal-iktar parir xjentifiku reċenti pprovdut fl-addendum tal-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (6). |
|
(6) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71-12:2013 “Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1728. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-12:2016. |
|
(7) |
L-istandard armonizzat EN 71-12:2016 jipprevedi metodi ta’ ttestjar imtejba għas-sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli fl-elastomeri, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li jiġu individwati N-nitrosamini (li spiss ikunu karċinoġeniċi) anke f’livelli baxxi, kif ukoll fir-rigward tad-dettalji prattiċi ta’ ttestjar, u b’hekk iwassal għal applikazzjoni iktar konsistenti tal-metodu ta’ ttestjar. L-istandard jinkludi wkoll modi alternattivi biex kwalunkwe N-nitrosamina potenzjalment preżenti f’ċerti ġugarelli titkejjel u tiġi identifikata. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istandard ġie estiż fir-rigward tal-materjali li għandhom jiġu ttestjati u t-tul ta’ żmien tal-pass tal-migrazzjoni għall-elastomeri, li huwa l-qofol tal-metodu ta’ ttestjar relatat għal dawk il-materjali tal-ġugarelli. |
|
(8) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-Cenelec irreveda l-istandard armonizzat EN 62115:2005 “Ġugarelli elettriċi — Sigurtà” u l-emendi relatati tiegħu, li r-referenzi għalih ġew ippubblikati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1728. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN IEC 62115:2020 u tal-emenda EN IEC 62115:2020/A11:2020 tiegħu. |
|
(9) |
L-istandard rivedut EN IEC 62115:2020 u l-emenda EN IEC 62115:2020/A11:2020 tiegħu jipprevedu ż-żieda ta’twissijiet ulterjuri biex tiġi żgurata informazzjoni aħjar għall-konsumatur dwar il-perikli assoċjati jekk jinbelgħu batteriji li jkollhom l-għamla ta’ munita. Jaġġorna r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-batteriji li jkollhom għamla ta’ munita u ta’ buttuna, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni, u jżid rekwiżiti ġodda għal ġugarelli konnessi ma’ apparati domestiċi, inkluż kompjuters, sabiex jipproteġi lill-utenti minn xokk elettriku. Jimmodifika iktar il-kriterji għal ittestjar imnaqqas biex jippermetti rekwiżiti simplifikati għal ġugarelli elettriċi b’livelli baxxi ta’ enerġija, u jipprevedi iktar rekwiżiti għas-sikurezza tal-LEDs fil-ġugarelli sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ korriment fl-għajnejn. Iżid rekwiżiti ġodda biex jiġu indirizzati l-perikli assoċjati mal-użu ta’ ġugarelli elettriċi li jintrikbu u li jiġu kkontrollati mill-bogħod. Jispeċifika wkoll it-tip ta’ batteriji li għandhom jintużaw għall-ittestjar ta’ ġugarelli elettriċi li jiġu pprovduti mingħajr batteriji, sabiex tittejjeb ir-riproduċibbiltà tal-ittestjar, minħabba ż-żieda fit-tipi ta’ batteriji disponibbli. Jipprevedi wkoll il-kategorizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali għat-testijiet biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet tat-testijiet ikunu xierqa għal kull tip ta’ ġugarell u għall-provvista tal-enerġija tiegħu. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020 abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009. L-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE. Għalhekk, jixraq li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
L-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020 jissostitwixxi l-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A2:2018. Għalhekk, jeħtieġ li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-ispeċifikazzjonijiet riveduti fl-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A3:2020, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 71-7:2014+A2:2018 jiġi ddifferit. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN 71-12:2016 abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009. L-istandard armonizzat EN 71-12:2016 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE. Madankollu, il-punt a) tat-tabella 2 tal-istandard armonizzat EN 71-12:2016 imur lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 8 tal-Parti III tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva, billi jipprevedi valur limitu għal N-nitrosamini ta’ 0,01 mg/kg minflok 0,05 mg/kg, u valur limitu għal sustanzi N-nitrosazjabbli ta’ 0,1 mg/kg minflok 1 mg/kg. Minħabba li l-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE huma l-valuri limitu li għandu jkun hemm konformità magħhom, jeħtieġ li tiżdied nota informattiva f’dan ir-rigward meta jiġi ppubblikat l-istandard EN 71-12:2016. |
|
(13) |
L-istandard armonizzat EN 71-12:2016 jissostitwixxi l-istandard armonizzat EN 71-12:2013. Għalhekk, jeħtieġ li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-ispeċifikazzjonijiet riveduti fl-istandard armonizzat EN 71-12:2016, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 71-12:2013 jiġi ddifferit. |
|
(14) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-Cenelec, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN IEC 62115:2020 u l-emenda EN IEC 62115:2020/A11:2020 tiegħu abbozzat mis-Cenelec, jikkonformawx mat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009. L-istandards armonizzati EN IEC 62115:2020 u EN IEC 62115:2020/A11:2020 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE. Għalhekk jixraq li r-referenza ta’ dawk l-istandards tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(15) |
L-istandard armonizzat EN IEC 62115:2020 u l-emenda EN IEC 62115:2020/A11:2020 tiegħu jissostitwixxu l-istandard armonizzat EN 62115:2005 u l-emendi relatati tiegħu. Għalhekk jeħtieġ li r-referenza tal-istandard EN 62115:2005 u tal-emendi relatati tiegħu jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-ispeċifikazzjonijiet riveduti fl-istandard armonizzat EN IEC 62115:2020 u l-emenda EN IEC 62115:2020/A11:2020 tiegħu, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 62115:2005 u tal-emendi relatati tiegħu jiġi ddifferit. |
|
(16) |
Fl-interessi taċ-ċarezza, tar-razzjonalità u tas-simplifikazzjoni, jenħtieġ li lista sħiħa ta’ referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru tiġi ppubblikata f’att uniku. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE huma ppubblikati attwalment bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1728. Konsegwentement, jeħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2019/1728 tiġi sostitwita b’deċiżjoni ġdida. |
|
(17) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1728 hija mħassra.
Madankollu, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1728 għandu jkompli japplika għar-referenzi tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, sad-dati stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).
(3) M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009 dwar mandat ta’ standardizzazzjoni indirizzat lis-CEN u lis-CENELEC fil-qafas tad-Direttiva 2009/48/KE li tirrevedi d-Direttiva 88/378/KEE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1728 tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 263, 16.10.2019, p. 32).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.03.2012, p. 1).
(6) L-Opinjoni dwar il-Klimbażolu (P64) ref. SCCS/1506/13.
ANNESS I
|
Nru |
Referenza tal-istandard |
||
|
1. |
EN 71-1:2014+A1:2018 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 1: Kwalitajiet mekkaniċi u fiżiċi |
||
|
2. |
EN 71-2:2011+A1:2014 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 2: Kapaċità li jieħdu n-nar malajr |
||
|
3. |
EN 71-3:2019 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 3: Migrazzjoni ta’ ċerti elementi |
||
|
4. |
EN 71-4:2013 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati |
||
|
5. |
EN 71-5:2015 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 5: Ġugarelli ta’ natura kimika (settijiet) minbarra settijiet għal esperimenti |
||
|
6. |
EN 71-7:2014+A3:2020 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 7: Żebgħat li jitpinġew bis-swaba’ — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar |
||
|
7. |
EN 71-8:2018 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 8: Ġugarelli għal attivitajiet fid-dar |
||
|
8. |
EN 71-12:2016 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli Nota ta’ informazzjoni: Il-valuri limitu fil-punt a) tat-Tabella 2 tal-klawżola 4.2 tal-istandard “EN 71-12:2016 Sikurezza ta’ ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli” huma iktar baxxi mill-valuri limitu li għandu jkun hemm konformità magħhom u li huma stabbiliti fil-punt 8 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. B’mod partikolari dawk il-valuri huma kif ġej: |
||
|
Sustanza |
Standard EN 71-12:2016 |
Direttiva 2009/48/KE |
|
|
N-nitrosamini |
0,01 mg/kg |
0,05 mg/kg |
|
|
N-nitrosazjabbli |
0,1 mg/kg |
1 mg/kg |
|
|
9. |
EN 71-13:2014 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma |
||
|
10. |
EN 71-14:2018 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 14: Trampolini għal użu domestiku |
||
|
11. |
EN IEC 62115:2020 Ġugarelli elettriċi — Sigurtà EN IEC 62115:2020/A11:2020 |
||
ANNESS II
|
Nru |
Referenza tal-istandard |
Data tal-irtirar |
|
1. |
EN 71-7:2014+A2:2018 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 7: Żebgħat li jitpinġew bis-swaba’ — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar Nota: Għall-preservattiv awtorizzat klimbażolu (l-entrata 22 fit-Tabella B.1 tal-Anness B tal-istandard) il-preżunzjoni ta’ konformità tapplika sa konċentrazzjoni massima permessa ta’ 0,2 % (mhux: 0,5 %). Dan huwa bbażat fuq l-“ADDENDUM tal-Opinjoni dwar il-Klimbażolu (P64) ref. SCCS/1506/13” tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) li ġie adottat wara l-pubblikazzjoni tal-istandard mis-CEN. https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_212.pdf |
it-28 ta’ Novembru 2021 |
|
2. |
EN 71-12:2013 Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli |
it-28 ta’ Novembru 2021 |
|
3. |
EN 62115:2005 Ġugarelli elettriċi — Sigurtà IEC 62115:2003 (Modifikat) + A1:2004 EN 62115:2005/A11:2012/AC:2013 EN 62115:2005/A11:2012 EN 62115:2005/A12:2015 EN 62115:2005/A2:2011/AC:2011 EN 62115:2005/A2:2011 IEC 62115:2003/A2:2010 (Modifikat) |
il-21 ta’ Frar 2022 |