28.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/106


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/858

tas-27 ta’ Mejju 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 fir-rigward ta’ twissijiet skattati minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u għat-traċċar tal-kuntatti ta’ passiġġieri identifikati permezz tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-identifikazzjoni ta’ każ pożittiv tal-COVID-19 wara vjaġġ transfruntier partikolari tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE, peress li xorta tista’ tikkawża mortalità sinifikanti fil-bnedmin, peress li tista’ tikber malajr fl-iskala, peress li taffettwa aktar minn Stat Membru wieħed, u peress li tista’ tirrikjedi rispons koordinat fil-livell tal-Unjoni. F’konformità mal-punt 23 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (2), jenħtieġ li l-informazzjoni dwar każijiet misjuba ta’ COVID-19 mal-wasla ta’ persuna fit-territorju ta’ Stat Membru tiġi kondiviża minnufih mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi li tkun qagħdet fihom il-persuna kkonċernata matul l-14-il jum preċedenti, għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti bl-użu tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Reazzjoni (l-“EWRS”) stabbilita bl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE u mħaddma miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (l-“ECDC”).

(2)

Skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-persuni li jidħlu fit-territorju tagħhom jippreżentaw formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri (“PLFs”) f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

(3)

Billi jimponu l-mili ta’ PLFs nazzjonali ta’ diversi formati, l-Istati Membri jiġbru data tal-PLF minn passiġġieri transfruntiera li jidħlu fit-territorju tagħhom. Wieħed mill-użi ta’ din id-data huwa li jekk persuna li tkun imliet PLF tiġi identifikata bħala każ ta’ COVID-19, id-data miġbura mill-PLF tintuża biex jiġi stabbilit il-vjaġġ ta’ dik il-persuna u biex tiġi trażmessa l-informazzjoni rilevanti lill-Istati Membri li jridu jwettqu proċeduri ta’ traċċar tal-kuntatti fir-rigward ta’ persuni li setgħu ġew esposti għall-passiġġier infettat.

(4)

L-awtoritajiet tas-saħħa pubblika ta’ xi Stati Membri diġà kienu qed jiskambjaw data personali miġbura permezz tal-PLFs nazzjonali bejniethom għall-finijiet ta’ traċċar tal-kuntatti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Dan l-iskambju sar b’mod partikolari permezz tal-infrastruttura teknika attwali pprovduta skont l-EWRS.

(5)

L-infrastruttura teknika attwalment ipprovduta skont l-EWRS għadha mhijiex imfassla biex timmaniġġja l-volum tad-data tal-PLF iġġenerata mill-użu sistematiku u fuq skala kbira tal-PLFs. Pereżempju, din ma taqlibx bejn formati nazzjonali differenti u tirrikjedi li l-informazzjoni tiddaħħal manwalment, u b’hekk dan jaffettwa b’mod negattiv il-puntwalità u l-effikaċja tat-traċċar tal-kuntatti. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jkun meħtieġ li jsir traċċar tal-kuntatti fir-rigward ta’ passiġġieri transfruntiera li jkunu vvjaġġaw b’mezzi tat-trasport kollettiv b’sits assenjati minn qabel, bħal inġenji tal-ajru, ċerti ferroviji, vapuri u kruċieri, fejn in-numru ta’ passiġġieri esposti u d-durata tal-esponiment għal passiġġier infettat jistgħu jkunu sinifikanti.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita infrastruttura teknika, imsejħa l-“pjattaforma ta’ skambju tal-PLF”, biex jiġi permess l-iskambju sigur, f’waqtu u effikaċi tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri, billi jippermettu t-trażmissjoni ta’ informazzjoni mis-sistemi tal-PLF diġitali nazzjonali eżistenti tagħhom lil awtoritajiet kompetenti oħra tal-EWRS b’mod interoperabbli u awtomatiku. Jenħtieġ li din tkompli tiżviluppa l-pjattaforma ta’ skambju diġà żviluppata mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“EASA”), mingħajr ma jkollha rwol l-EASA fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data personali permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF kif stipulat f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jenħtieġ li tippermetti wkoll l-iskambju ta’ data epidemjoloġika limitata, meħtieġa għat-traċċar tal-kuntatti, f’konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni ta’ attivitajiet jew azzjonijiet kunfliġġenti ma’ strutturi u mekkaniżmi eżistenti għall-monitoraġġ, għat-twissija bikrija u għall-ġlieda kontra theddid transfruntier serju għas-saħħa, il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jenħtieġ li tiġi żviluppata skont l-EWRS bħala komplement tal-funzjonalità ta’ trażmissjoni selettiva tal-messaġġi li teżisti f’dik is-sistema.

(7)

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jenħtieġ li titħaddem mill-ECDC f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jenħtieġ li ma taħżinx id-data tal-PLF u d-data epidemjoloġika li għandha tiġi skambjata.

(9)

Jekk Stat Membru ma jkollux sistema ta’ PLF diġitali żviluppata fuq livell nazzjonali, dan jista’ juża s-Sistema ta’ Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali komuni tal-Unjoni Ewropea (“EUdPLF”) li l-Azzjoni Konġunta EU Healthy Gateways ġiet inkarigata mill-Kummissjoni biex tiżviluppaha (għotja Nru 801493) (4). L-għan tal-EUdPLF huwa li toħloq punt uniku ta’ servizz u bażi tad-data għall-ġbir tal-PLFs. Fil-futur, l-EUdPLF jenħtieġ li tkun konnessa mal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-iskop uniku li tippermetti l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri bis-sistemi tal-PLF diġitali nazzjonali tagħhom minn naħa waħda u l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-EUdPLF min-naħa l-oħra. Din id-Deċiżjoni ma tkoprix l-istabbiliment tal-EUdPLF u lanqas ma tirregola l-ipproċessar ta’ data personali fir-rigward tagħha.

(10)

Din id-Deċiżjoni ma tirregolax l-istabbiliment ta’ PLFs nazzjonali, li hija kwistjoni li għandhom jiddeċiedu fuqha l-Istati Membri. L-Istati Membri huma liberi li jagħżlu jekk jiġbrux PLFs mill-passiġġieri kollha li jaslu fit-territorju tagħhom, jew biss minn passiġġieri li għandhom dak l-Istat Membru bħala d-destinazzjoni finali tagħhom. It-traċċar tal-kuntatti transfruntier effikaċi ibbażat fuq id-data tal-PLF jirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru sett minimu komuni ta’ data tal-PLF permezz tal-PLFs nazzjonali tagħhom. Għalhekk, dik id-data minima tal-PLF jenħtieġ li tiġi stabbilita. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ kosteffiċjenza, sostenibbiltà u aktar sigurtà tas-soluzzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jadottaw approċċ komuni fir-rigward li jeżiġu l-PLFs mingħand il-passiġġieri kollha, anki l-passiġġieri ta’ tranżitu, jew mingħand dawk il-passiġġieri biss li l-Istat Membru kkonċernat ikun id-destinazzjoni finali tagħhom.

(11)

L-użu tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jenħtieġ li jkun fuq bażi volontarja u jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jinnotifikaw it-twissijiet fil-qafas tal-infrastruttura teknika eżistenti attwalment tal-EWRS, fuq bażi temporanja u dment li ma jikkompromettux l-iskop tat-traċċar tal-kuntatti.

(12)

L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jenħtieġ li jiskambjaw biss settijiet definiti sew ta’ data miġbura permezz tal-PLFs tagħhom u data epidemjoloġika limitata oħra meħtieġa għat-traċċar tal-kuntatti, f’konformità mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali. Meta l-Istat Membru li jinnotifika t-twissija dwar passiġġier infettat jista’ jidentifika l-Istati Membri kollha kkonċernati, abbażi tad-data tal-PLF għad-dispożizzjoni tiegħu, dan jenħtieġ li jittrażmetti d-data biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ta’ dawk l-Istati Membri. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta l-Istat Membru li jidentifika l-passiġġier infettat jiġbor PLFs għall-passiġġieri kollha, inklużi l-passiġġieri ta’ tranżitu, li jaslu fit-territorju tiegħu b’konnessjoni diretta mill-post inizjali tat-tluq.

(13)

Meta jinstab li passiġġier ikun infettat bis-SARS-CoV-2 fi Stat Membru, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ta’ dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jikkondividu mal-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru tat-tluq sett limitat ta’ data estratta mill-PLFs, li jenħtieġ li jiġi ddefinit b’mod strett fir-rigward ta’ dak li huwa meħtieġ biex jitwettaq it-traċċar tal-kuntatti ta’ persuni esposti fl-Istat Membru tat-tluq u tar-residenza, meta jkun differenti mill-Istat Membru tat-tluq — jiġifieri l-informazzjoni dwar l-identità u l-kuntatt tal-passiġġier infettat.

(14)

Barra minn hekk, meta passiġġier jinstab li huwa infettat bis-SARS-CoV-2 fi Stat Membru, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ta’ dak l-Istat Membru jkunu jistgħu wkoll jikkondividu sett limitat ta’ data mal-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri kollha jew tal-Istati Membri kkonċernati, jekk dawk l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni li tippermettilhom jidentifikaw lit-tali Stati Membri. Jenħtieġ li d-data tkun limitata għall-post tat-tluq, il-post tal-wasla, id-data tat-tluq, it-tip ta’ trasport li ntuża (eż. ajruplan, ferrovija, kowċ, vapur għall-qsim ta’ korp ta’ ilma, bastiment), in-numru ta’ identifikazzjoni tas-servizz tat-trasport – jiġifieri n-numru tat-titjira, in-numru tal-ferrovija, il-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-kowċ, isem il-vapur tal-qsim jew isem il-bastiment–in-numru tas-sit tal-passiġġier infettat, u l-ħin tat-tluq f’każ li d-data ta’ hawn fuq ma tkunx biżżejjed biex jiġi identifikat it-trasport. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti riċeventi tal-EWRS jistabbilixxu jekk il-passiġġieri esposti jkunux waslu fit-territorju tagħhom u, jekk iva, li għandhom iwettqu t-traċċar tal-kuntatti tagħhom.

(15)

Meta tikkondividi d-data ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-EWRS permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-EWRS rilevanti tkun tista’ żżid l-informazzjoni epidemjoloġika, limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jitwettaq it-traċċar tal-kuntatti, jiġifieri t-tip ta’ test għall-COVID-19 li twettaq, il-varjant tal-virus SARS-CoV-2, id-data tal-kampjunar u d-data tal-bidu tas-sintomi.

(16)

L-ipproċessar tad-data personali ta’ passiġġieri infettati skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, għandu jitwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-ipproċessar tad-data personali taħt ir-responsabbiltà tal-ECDC bħala operatur tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-finijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, u taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li hija s-sottoproċessur tagħha, irid jikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(17)

Ir-raġuni legali għall-iskambju tad-data personali tal-passiġġieri infettati, anki dwar is-saħħa, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għall-fini ta’ traċċar tal-kuntatti hija stabbilita fl-Artikolu 9(1) u 9(3)(i) tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE, f’konformità mal-Artikolu 6(1)(c) u l-Artikolu 9(2)(i) tar-Regolament (UE) 2016/679. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tistabbilixxi miżuri xierqa u speċifiċi biex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet għas-suġġett tad-data. Dawn jenħtieġ li jinkludu miżuri relatati mad-definizzjoni tas-settijiet ta’ data meħtieġa li għandhom jiġu skambjati, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS li magħhom jenħtieġ li tiġi skambjata d-data fid-diversi każijiet, il-miżuri ta’ sigurtà xierqa, inkluż il-kriptaġġ, u l-modalitajiet għall-ipproċessar tad-data bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF fl-Unjoni Ewropea.

(18)

L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS li jipparteċipaw fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jiddeterminaw flimkien l-iskop u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, u għalhekk huma kontrolluri konġunti. L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 jobbliga lill-kontrolluri konġunti jiddeterminaw, b’mod trasparenti, ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi skont dak ir-Regolament. Dan jipprevedi wkoll il-possibbiltà li dawk ir-responsabbiltajiet jiġu ddeterminati mid-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru li għalih ikunu soġġetti l-kontrolluri. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiddetermina r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti.

(19)

Bħala fornitur ta’ soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-ECDC jipproċessa l-PLF u d-data epidemjoloġika f’isem l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF bħala kontrolluri konġunti, u għaldaqstant huwa proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat b’kuntratt jew b’att legali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jispeċifika l-ipproċessar. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-ipproċessar mill-ECDC bħala proċessur.

(20)

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 jipprevedi li l-ECDC, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jippromwovu koerenza effikaċi bejn l-attivitajiet rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz bejn il-Kummissjoni u l-ECDC biex jikkooperaw waqt l-iżvilupp tekniku u t-tħaddim tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Dawn iridu jispeċifikaw it-tqassim tar-responsabbiltajiet (organizzattivi, finanzjarji u teknoloġiċi) bejn il-partijiet biex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u l-miżuri tekniċi relatati mat-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tagħha.

(21)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 tiġi emendata bix-xieraq.

(22)

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF fis-sena 2021 se tiġi ffinanzjata mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, li ġie stabbilit biex jgħin lill-Istati Membri jirrispondu għall-pandemija tal-coronavirus billi jindirizza l-ħtiġijiet b’mod strateġiku u kkoordinat fil-livell tal-UE, u bl-“Attivitajiet ta’ appoġġ għall-politika Ewropea tat-trasport, għas-sigurtà tat-trasport u għad-drittijiet tal-passiġġieri inklużi attivitajiet ta’ komunikazzjoni”. Fis-sena 2022 se tiġi ffinanzjata mill-Programm Ewropa Diġitali.

(23)

Meta titqies id-data prevista tat-tħaddim tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021. Jenħtieġ li l-iskambju tad-data jieqaf wara 12-il xahar jew ladarba d-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jkun iddikjara, f’konformità mar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, li tkun intemmet l-emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali kkawżata mis-SARS-CoV-2, jekk dik id-dikjarazzjoni ssir qabel.

(24)

It-tħaddim tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jenħtieġ li jkun limitat għall-kontroll tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, dan jista’ jiġi estiż fil-futur permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni emendatorja għal epidemiji li jistgħu jkunu jeħtieġu li l-Istati Membri jiskambjaw id-data tal-PLF għal finijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE.

(25)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-6 ta’ Mejju 2021.

(26)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-theddid transfruntier serju għas-saħħa stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/253 hija emendata kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri’ (‘PLF’) tfisser formola mimlija fuq talba tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika li tiġbor mill-inqas id-data speċifikata fl-Anness I u li tassisti lil dawk l-awtoritajiet fil-ġestjoni ta’ inċident tas-saħħa pubblika billi tippermettilhom jintraċċaw lill-passiġġieri li jaqsmu l-fruntieri li setgħu ġew esposti għal xi persuna infettata bis-SARS-CoV-2;

(b)

data tal-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri’ (‘data tal-PLF’) tfisser id-data personali miġbura permezz ta’ PLF;

(c)

‘punt tad-dħul diġitali’ tfisser lokalità diġitali unika li magħha l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jistgħu jqabbdu b’mod sigur is-sistemi tal-PLF diġitali nazzjonali tagħhom mal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(d)

‘vjaġġ’ tfisser l-ivvjaġġar transfruntier minn persuna, permezz ta’ trasport kollettiv b’sits assenjati minn qabel, b’kunsiderazzjoni tal-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali ta’ dik il-persuna, b’taqsima waħda jew aktar.

(e)

‘taqsima’ tfisser vjaġġ uniku transfruntier ta’ passiġġier mingħajr konnessjonijiet jew bidliet fit-titjira, fil-ferrovija, fil-bastiment jew fil-vettura;

(f)

‘passiġġier infettat’ tfisser passiġġier li jissodisfa l-kriterju tal-laboratorju għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2;

(g)

‘persuna esposta’ tfisser passiġġier jew persuna oħra li kienet f’kuntatt mill-qrib ma’ passiġġier infettat;

(h)

‘twissija’ tfisser notifika permezz tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Reazzjoni (l-EWRS) skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 1082/2013/KE.”

(2)

Jiddaħħlu l-Artikoli 2a, 2b u 2c li ġejjin:

“Artikolu 2a

Pjattaforma għall-iskambju ta’ data tal-PLF

1.   Pjattaforma għall-iskambju sigur tad-data tal-PLF ta’ passiġġieri infettati għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 ta’ persuni esposti mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS (“il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF”) hija stabbilita skont l-EWRS bħala komplement tal-funzjonalità ta’ trażmissjoni selettiva tal-messaġġi li teżisti f’dik is-sistema.

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandha tipprovdi punt tad-dħul diġitali għall-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS biex iqabbdu b’mod sigur is-sistemi tal-PLF diġitali nazzjonali tagħhom jew jaqbdu permezz tas-Sistema ta’ Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali komuni tal-Unjoni Ewropea (‘EUdPLF’), sabiex jippermettu l-iskambju tad-data miġbura permezz tal-PLFs.

L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom ikunu jistgħu jużaw il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-iskambju ta’ data addizzjonali, jiġifieri data epidemjoloġika għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 ta’ persuni esposti, f’konformità mal-Artikolu 2b(5).

2.   Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandha titħaddem mill-ECDC.

3.   Sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 2 li jinnotifikaw theddid transfruntier serju għas-saħħa li jiġi identifikat fil-kuntest tal-ġbir tad-data tal-PLF, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri li jirrikjedu li timtela PLF għandhom jiskambjaw sett ta’ data tal-PLF, kif spjegat fid-dettall fl-Artikolu 2b, permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jistgħu jkomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 9(1) u 9(3) tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE li jinnotifikaw it-theddid transfruntier serju għas-saħħa li jiġi identifikat fil-kuntest tal-ġbir tad-data tal-PLF permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni l-oħrajn li hemm, imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni, fuq bażi temporanja u dment li dik l-għażla ma tikkompromettix l-iskop tat-traċċar tal-kuntatti.

5.   Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ma għandhiex taħżen il-PLF u d-data epidemjoloġika addizzjonali. Din għandha tippermetti biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jirċievu data li tkun intbagħtet lilhom minn awtoritajiet kompetenti oħra tal-EWRS għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2. L-ECDC għandu jaċċessa biss id-data biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ma għandhomx iżommu l-PLF u d-data epidemjoloġika li jirċievu permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għal żmien itwal minn dak tal-perjodu ta’ żamma li japplika fil-kuntest tal-attivitajiet nazzjonali tagħhom ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2.

7.   Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-ECDC fit-twettiq tal-kompiti fdati lilu skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi relatati mal-użu, l-implimentazzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

8.   L-ipproċessar ta’ data personali fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 għandu jibqa’ jsir sal-31 ta’ Mejju 2022, jew sa meta d-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jkun iddikjara, f’konformità mar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, li l-emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali kkawżata mis-SARS-CoV-2 tkun intemmet, liema minnhom jiġi l-ewwel.

Artikolu 2b

Data li għandha tiġi skambjata

1.   Meta jinnotifikaw twissija fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru fejn jiġi identifikat il-passiġġier infettat għandhom jittrażmettu d-data tal-PLF li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru tat-tluq inizjali jew tar-residenza tal-passiġġier infettat, meta l-post ta’ residenza jkun differenti mill-post tat-tluq inizjali:

(a)

l-isem;

(b)

il-kunjom;

(c)

id-data tat-twelid;

(d)

in-numru tat-telefon (linja fissa u/jew mowbajl);

(e)

l-indirizz tal-posta elettronika;

(f)

l-indirizz tar-residenza.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru minn fejn telaq oriġinarjament il-passiġġier infettat jistgħu jittrażmettu d-data tal-PLF li jirċievu lil Stat Membru tat-tluq għajr dak iddikjarat fil-PLF bħala l-Istat Membru tat-tluq inizjali, meta jkollhom informazzjoni addizzjonali li tindika liema Stat Membru jenħtieġ li jwettaq it-traċċar tal-kuntatti.

3.   Meta jinnotifikaw twissija fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru fejn jiġi identifikat il-passiġġier infettat għandhom jittrażmettu d-data tal-PLF li ġejja, fir-rigward ta’ kull taqsima tal-vjaġġ ta’ dak il-passiġġier, lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri kollha:

(a)

il-post tat-tluq ta’ kull trasport ikkonċernat;

(b)

il-post tal-wasla ta’ kull trasport ikkonċernat;

(c)

id-data tat-tluq ta’ kull trasport ikkonċernat;

(d)

tip ta’ kull trasport ikkonċernat (eż. ajruplan, ferrovija, kowċ, vapur, bastiment);

(e)

in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ kull trasport ikkonċernat (eż. in-numru tat-titjira, in-numru tal-ferrovija, il-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-kowċ, isem il-vapur jew il-bastiment);

(f)

in-numru tas-sit/tal-kabina f’kull mezz ta’ trasport ikkonċernat;

(g)

fejn meħtieġ, il-ħin tat-tluq ta’ kull trasport ikkonċernat.

4.   Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru li jinnotifika t-twissija jkunu jistgħu jidentifikaw l-Istati Membri kkonċernati abbażi ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, dawn għandhom jittrażmettu d-data elenkata fil-paragrafu 3 biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ta’ dawk l-Istati Membri.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom ikunu jistgħu jipprovdu d-data epidemjoloġika li ġejja, meta din tkun meħtieġa sabiex jitwettaq traċċar tal-kuntatti effikaċi:

(a)

it-tip ta’ test imwettaq;

(b)

varjant tal-virus SARS-CoV-2;

(c)

data tal-kampjunar;

(d)

data tal-bidu tas-sintomi.

Artikolu 2c

Ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS u tal-ECDC fl-ipproċessar tad-data tal-PLF

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS li jiskambjaw id-data tal-PLF u d-data fl-Artikolu 2b(5) għandhom ikunu kontrolluri konġunti għad-dħul u għat-trażmissjoni, sal-wasla, ta’ dik id-data permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti għandhom jiġu allokati f’konformità mal-Anness II. Kull Stat Membru li jkun jixtieq jipparteċipa fl-iskambju transfruntier tad-data tal-PLF permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandu jinnotifika lill-ECDC, qabel ma jissieħeb, bl-intenzjoni tiegħu, u bl-awtorità kompetenti tal-EWRS tiegħu li tkun ġiet maħtura bħala l-kontrollur responsabbli.

2.   L-ECDC għandu jkun il-proċessur tad-data skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Dan għandu jipprovdi l-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u jiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar, inkluż tat-trażmissjoni, ta’ data skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, u għandu jikkonforma mal-obbligi ta’ proċessur stabbiliti fl-Anness III.

3.   L-effikaċja tal-miżuri tekniċi u organizzattivi għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ipproċessar ta’ data tal-PLF skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandha tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata regolarment mill-ECDC u mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS awtorizzati li jaċċessaw il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

4.   L-ECDC għandu jinvolvi lill-Kummissjoni bħala sottoproċessur u għandu jiżgura li l-istess obbligi ta’ protezzjoni tad-data stabbiliti f’din id-Deċiżjoni japplikaw għall-Kummissjoni.”

(3)

Fl-Artikolu 3(3), il-kliem “l-Anness” huwa sostitwit bil-kliem “l-Anness IV”;

(4)

Fl-Anness, it-titolu “ANNESS” huwa sostitwit b’“ANNESS IV”;

(5)

Jiddaħħlu l-Annessi I, II u III, kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

(4)  L-Azzjoni Konġunta dwar it-Tħejjija u l-azzjoni fil-punti tad-dħul (portijiet, ajruporti, u passaġġi fuq l-art) HEALTHY GATEWAYS tlaqqa’ 28 pajjiż Ewropew, iffinanzjati mit-Tielet Programm tas-Saħħa (2014-2020).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

“ANNESS I

SETT MINIMU TA’ DATA TAL-PLF LI GĦANDHA TINĠABAR PERMEZZ TAL-PLF NAZZJONALI

Il-PLF għandha tinkludi mill-inqas id-data tal-PLF li ġejja:

(1)

l-isem;

(2)

il-kunjom;

(3)

id-data tat-twelid;

(4)

in-numru tat-telefon (linja fissa u/jew mowbajl);

(5)

l-indirizz tal-posta elettronika;

(6)

l-indirizz tar-residenza;

(7)

id-destinazzjoni finali jew l-aħħar destinazzjoni fl-UE tal-vjaġġ kollu;

(8)

l-informazzjoni li ġejja għal kull parti tal-vjaġġ sal-Istat Membru li jeħtieġ il-PLF:

(a)

il-post tat-tluq;

(b)

il-post tal-wasla;

(c)

id-data tat-tluq;

(d)

il-mezz ta’ trasport (eż. ajruplan, ferrovija, kowċ, vapur, bastiment);

(e)

il-ħin tat-tluq;

(f)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-mezz tat-trasport (eż. in-numru tat-titjira, in-numru tal-ferrovija, in-numru tal-pjanċa tal-kowċ, isem il-vapur jew il-bastiment);

(g)

numru tas-sit/tal-kabina.

ANNESS II

RESPONSABBILTAJIET TAL-ISTATI MEMBRI PARTEĊIPANTI BĦALA KONTROLLURI KONĠUNTI GĦALL-PJATTAFORMA TA’ SKAMBJU TAL-PLF

TAQSIMA 1

Qsim tar-responsabbiltajiet

(1)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tiżgura li l-ipproċessar tad-data tal-PLF u tad-data epidemjoloġika addizzjonali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). B’mod partikolari, għandha tiżgura li d-data li ddaħħal u tittrażmetti permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF tkun akkurata u limitata għad-data stipulata fl-Artikolu 2b ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS tibqa’ l-uniku kontrollur għall-ġbir, l-użu, l-iżvelar u kwalunkwe proċessar ieħor tad-data tal-PLF u tad-data epidemjoloġika addizzjonali, imwettqa barra mill-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tiżgura li t-trażmissjoni tad-data ssir f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(3)

L-istruzzjonijiet lill-proċessur għandhom jintbagħtu minn kwalunkwe punt ta’ kuntatt tal-kontrolluri konġunti, bi qbil mal-kontrolluri konġunti l-oħrajn.

(4)

Persuni awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS biss jistgħu jaċċessaw id-data tal-PLF u data epidemjoloġika addizzjonali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(5)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt b’kaxxa postali funzjonali li tintuża għall-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri konġunti u bejn il-kontrolluri konġunti u l-proċessur. Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kontrolluri Konġunti huwa regolat mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-EWRS.

(6)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS ma għandhiex tibqa’ kontrollur konġunt mid-data tal-irtirar tal-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Madankollu, din għandha tibqa’ responsabbli għall-ġbir u għat-trażmissjoni ta’ data tal-PLF u data epidemjoloġika addizzjonali permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF li seħħew qabel l-irtirar tagħha.

(7)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha żżomm rekord tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħha. Il-kontroll konġunt jista’ jiġi indikat fir-rekord.

TAQSIMA 2

Responsabbiltajiet u rwoli għall-immaniġġjar ta’ talbiet ta’ u għall-infurmar tas-suġġetti tad-data

(1)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS li teħtieġ PLF għandha tipprovdi lill-passiġġieri transfruntieri (“is-suġġetti tad-data”) b’informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-iskambju tal-PLF u tad-data epidemjoloġika tagħhom permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-fini ta’ traċċar tal-kuntatti, f’konformità mal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(2)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data u għandha timmaniġġja t-talbiet relatati mal-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, sottomessi minnhom jew mir-rappreżentanti tagħhom. Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tinnomina punt ta’ kuntatt speċifiku ddedikat għat-talb li jasal mis-suġġetti tad-data. Jekk awtorità kompetenti tal-EWRS tirċievi talba mingħand suġġett tad-data li ma tkunx fir-responsabbiltà tagħha, din għandha tibgħatha minnufih lill-awtorità kompetenti tal-EWRS responsabbli u għandha tinforma lill-ECDC. Jekk jiġi mitlub, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jgħinu lil xulxin fl-immaniġġjar tat-talbiet tas-suġġetti tad-data rigward il-kontroll konġunt u għandhom iwieġbu lil xulxin mingħajr dewmien mhux dovut u mhux aktar tard minn 15-il ġurnata minn meta jirċievu talba għal għajnuna.

(3)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tagħmel il-kontenut ta’ dan l-Anness inkluż l-arranġamenti stipulati fil-punti 1 u 2 disponibbli għas-suġġetti tad-data.

TAQSIMA 3

Ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali

(1)

Bħala kontrolluri konġunti, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jgħinu lil xulxin fl-identifikazzjoni u fl-immaniġġjar ta’ kull inċident ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, marbut mal-ipproċessar tal-PLF u mad-data epidemjoloġika skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(2)

B’mod partikolari, dawn għandhom jinnotifikaw lil xulxin u lill-ECDC dwar dan li ġej:

(a)

kull riskju potenzjali jew reali għad-disponibbiltà, għall-kunfidenzjalità u/jew għall-integrità tal-PLF u tad-data epidemjoloġika li tkun qed tiġi pproċessata fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(b)

kull ksur ta’ data personali, il-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta’ data u l-valutazzjoni tar-riskju għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, u kull miżura li tittieħed biex jiġi indirizzat il-ksur ta’ data personali u biex jittaffa r-riskju għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi;

(c)

kull ksur tas-salvagwardji tekniċi u/jew organizzattivi tal-operazzjoni tal-ipproċessar fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jikkomunikaw kwalunkwe ksur tad-data fir-rigward tal-operazzjoni ta’ pproċessar fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF lill-ECDC, lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti u, fejn meħtieġ, lis-suġġetti tad-data, f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew wara li tinħareġ notifika mill-ECDC.

(4)

Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha timplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, imfassla biex:

(a)

jiżguraw u jipproteġu s-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt;

(b)

jipproteġu kontra kull aċċess, ipproċessar, telf, użu, żvelar jew akkwist mhux awtorizzati jew illegali ta’ xi data personali fil-pussess tagħha;

(c)

jiżguraw li l-aċċess għad-data personali ma jiġi żvelat jew permess lil ħadd għajr ir-riċevituri jew il-proċessuri.

TAQSIMA 4

Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data

Jekk kontrollur, sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu speċifikati fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679, jeħtieġ informazzjoni minn kontrollur ieħor, dan għandu jibgħat talba speċifika lill-kaxxa postali funzjonali msemmija fis-Subtaqsima 1(5) tat-Taqsima 1. Dan tal-aħħar għandu jagħmel l-aħjar li jista’ sabiex jipprovdi tali informazzjoni.

ANNESS III

RESPONSABBILTAJIET TAL-ECDC BĦALA PROĊESSUR TAD-DATA GĦALL-PJATTAFORMA TA’ SKAMBJU TAL-PLF

(1)   

L-ECDC għandu jistabbilixxi u jiżgura infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u affidabbli li tgħaqqad lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

L-ipproċessar mill-ECDC tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jinvolvi dan li ġej:

(a)

jiddefinixxi s-sett minimu ta’ rekwiżiti tekniċi li jippermettu on-boarding u off-boarding bla xkiel u sigur tal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-PLF;

(b)

jiżgura l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-PLF b’mod sigur u awtomatizzat.

(2)   

Biex jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala proċessur tad-data tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-ECDC għandu jinvolvi lill-Kummissjoni bħala sottoproċessur u għandu jiżgura li l-istess obbligi ta’ protezzjoni tad-data, kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, japplikaw għall-Kummissjoni.

L-ECDC jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinvolvi lil partijiet terzi bħala sottoproċessuri ulterjuri.

Jekk il-Kummissjoni tinvolvi sottoproċessuri, l-ECDC għandu:

(a)

jiżgura li l-istess obbligi tal-protezzjoni tad-data, kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, japplikaw għal dawn is-sottoproċessuri;

(b)

jinforma lill-kontrolluri dwar kwalunkwe bidla maħsuba li tikkonċerna ż-żieda jew is-sostituzzjoni ta’ sottoproċessuri oħra, u b’hekk jagħti lill-kontrolluri l-opportunità li joġġezzjonaw permezz ta’ maġġoranza sempliċi għal tali bidliet.

(3)   

L-ECDC għandu:

(a)

jistabbilixxi u jiżgura infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u affidabbli li tgħaqqad lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(b)

jipproċessa l-PLF u d-data epidemjoloġika addizzjonali, skont l-istruzzjonijiet iddokumentati mill-kontrolluri biss, ħlief jekk ikun meħtieġ jagħmel dan skont id-dritt tal-Unjoni; f’tali każ, l-ECDC għandu jgħarraf lill-kontrolluri dwar dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi s-sottomissjoni ta’ tali informazzjoni minħabba raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku.

(c)

idaħħal fis-seħħ pjan ta’ sigurtà, pjan tal-kontinwità tan-negozju u pjan ta’ rkupru minn diżastri.

(d)

iwettaq il-miżuri meħtieġa biex jippreserva l-integrità tal-PLF u tad-data epidemjoloġika addizzjonali pproċessata;

(e)

jieħu l-miżuri ta’ sigurtà organizzattivi, fiżiċi u elettroniċi kollha tal-ogħla livell ta’żvilupp tekniku biex imantni l-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF; għal dan il-għan, l-ECDC għandu:

(i)

jinnomina entità responsabbli għall-ġestjoni tas-sigurtà fil-livell tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, jikkomunika l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha lill-kontrolluri u jiżgura d-disponibbiltà tagħha biex tirreaġixxi għal theddid għas-sigurtà;

(ii)

jassumi r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(iii)

jiżgura li l-individwi kollha li jingħataw aċċess għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ikunu soġġetti għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità kuntrattwali, professjonali jew statutorju;

(f)

iwettaq il-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jevita li jikkomprometti l-funzjonament operazzjonali bla xkiel tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF; għal dan il-għan, l-ECDC għandu jistabbilixxi proċeduri speċifiċi relatati mal-funzjonament tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u l-konnessjoni mis-servers backend għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF; dan jinkludi:

(i)

proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju, sabiex jiġi identifikat u stmat it-theddid potenzjali għas-sistema;

(ii)

proċedura ta’ awditjar u ta’ rieżami sabiex:

1)

tiġi vverifikata l-korrispondenza bejn il-miżuri ta’ sigurtà implimentati u l-politika ta’ sigurtà applikabbli;

2)

isir kontroll regolari tal-integrità tal-fajls tas-sistema, tal-parametri tas-sigurtà u tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija;

3)

jiġu identifikati u ssorveljati kull ksur tas-sigurtà u intrużjoni;

4)

jiġu implimentati bidliet biex jittaffew in-nuqqasijiet tas-sigurtà eżistenti;

5)

jippermettu, inkluż fuq talba tal-kontrolluri, u jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ awditi indipendenti, inkluż spezzjonijiet, u rieżamijiet tal-miżuri ta’ sigurtà, soġġett għall-kundizzjonijiet li jħarsu l-Protokoll (Nru 7) tat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (2);

(iii)

il-bdil tal-proċedura ta’ kontroll sabiex jiġi ddokumentat u jitkejjel l-impatt ta’ bidla qabel l-implimentazzjoni tagħha u sabiex il-kontrolluri jinżammu infurmati dwar kull bidla li tista’ taffettwa l-komunikazzjoni mal-infrastrutturi tagħhom u/jew is-sigurtà ta’ dawn l-infrastrutturi;

(iv)

l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija biex jiġu speċifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu segwiti meta jkun jenħtieġ li ssir manutenzjoni u/jew tiswija tat-tagħmir;

(v)

l-istabbiliment ta’ proċedura għall-inċidenti tas-sigurtà biex tiġi ddefinita l-iskema ta’ rappurtar u ta’ eskalazzjoni, biex il-kontrolluri jiġu infurmati mingħajr dewmien ħalli jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data b’kull ksur tad-data personali u biex jiġi ddefinit proċess dixxiplinari għat-trattament ta’ każijiet ta’ ksur ta’ sigurtà;

(g)

iwettaq miżuri ta’ sigurtà fiżiċi u/jew elettroniċi tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-faċilitajiet li jospitaw it-tagħmir tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u għall-kontroll tal-aċċess tad-data u tas-sigurtà; għal dan il-għan, l-ECDC għandu:

(i)

jiżgura s-sigurtà fiżika biex jistabbilixxi perimetri ta’ sigurtà distintivi u jippermetti l-identifikazzjoni ta’ ksur;

(ii)

jikkontrolla l-aċċess għall-faċilitajiet u jżomm reġistru tal-viżitaturi għal skopijiet ta’ traċċar;

(iii)

jiżgura li l-persuni esterni li jingħataw aċċess għall-bini jiġu akkumpanjati minn persunal awtorizzat kif dovut;

(iv)

jiżgura li t-tagħmir ma jkunx jista’ jiġi miżjud, sostitwit jew imneħħi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-korpi responsabbli nominati;

(v)

jikkontrolla l-aċċess kemm mis-sistemi nazzjonali tal-PLF għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF kif ukoll mill-pjattaforma għas-sistemi nazzjonali;

(vi)

jiżgura li l-individwi li jaċċessaw il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jiġu identifikati u awtentikati;

(vii)

iwettaq rieżami tad-drittijiet tal-awtorizzazzjoni marbuta mal-aċċess għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF f’każ ta’ ksur ta’ sigurtà li jaffettwa din l-infrastruttura;

(viii)

jimplimenta miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għall-PLF u għad-data epidemjoloġika;

(ix)

jimplimenta, kull fejn meħtieġ, miżuri li jimblukkaw l-aċċess mhux awtorizzat għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF mid-dominju tal-awtoritajiet nazzjonali (jiġifieri: jimblokka lokalità/indirizz IP);

(h)

jieħu l-passi biex jipproteġi d-dominju tiegħu, inkluż billi jaqta’ l-konnessjonijiet, f’każ ta’ devjazzjoni sostanzjali mill-prinċipji u l-kunċetti ta’ kwalità jew ta’ sigurtà;

(i)

iżomm pjan ta’ ġestjoni tar-riskju marbut mal-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu;

(j)

jimmonitorja – f’ħin reali – il-prestazzjoni tal-komponenti tas-servizz kollha tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, jipproduċi statistika regolari u jżomm ir-rekords;

(k)

jiżgura li s-servizz ikun disponibbli s-sigħat kollha kull jum tal-ġimgħa, lejl u nhar, għajr meta jkun hemm qtugħ aċċettabbli għar-raġuni ta’ manutenzjoni;

(l)

jipprovdi appoġġ għas-servizzi kollha tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF bl-Ingliż, permezz tat-telefon, tal-posta jew tal-Portal Web u jaċċetta telefonati mill-persuni awtorizzati: il-koordinaturi tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u l-helpdesks rispettivi tagħhom, l-Uffiċjali tal-Proġetti u l-persuni nominati mill-ECDC;

(m)

jgħin lill-kontrolluri permezz ta’miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679;

(n)

jappoġġa lill-kontrolluri billi jipprovdi l-informazzjoni dwar il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, sabiex jimplimenta l-obbligi skont l-Artikoli 32, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(o)

jiżgura li d-data tal-PLF u epidemjoloġika trażmessa permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ma jkunux jistgħu jinftiehmu minn ebda persuna li ma tkunx awtorizzata taċċessaha, b’mod partikolari billi japplika kriptaġġ qawwi;

(p)

iwettaq il-miżuri rilevanti kollha biex jipprevjeni li l-operaturi tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ikollhom aċċess mhux awtorizzat għad-data tal-PLF u epidemjoloġika trażmessa;

(q)

iwettaq il-miżuri biex jiffaċilita l-interoperabbiltà u l-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri maħturin tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(r)

iżomm rekord tal-attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem il-kontrolluri f’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


(*)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).