12.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/780

tal-10 ta’ Mejju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluż il-Ftehimiet fl-Annessi 1, 2 u 3 għal dak il-Ftehim (“il-Ftehim ta’ Marrakesh”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”), inkluż fl-Anness 1C għall-Ftehim ta’ Marrakesh, il-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Kunsill TRIPS”) għandu, fuq talba motivata kif xieraq minn Membru tal-inqas pajjiżi żviluppati (LDC), jagħti estensjonijiet tal-perijodu tranżizzjonali li matulu l-Membri LDC mhumiex meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, ħlief għall-Artikoli 3, 4 u 5.

(3)

Il-perijodu tranżizzjonali eżistenti, kif miftiehem fid-Deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS tal-11 ta’ Ġunju 2013, għandu jiskadi fl-1 ta’ Lulju 2021.

(4)

Fl-1 ta’ Ottubru 2020, iċ-Chad, f’isem il-grupp LDC, ippreżenta formalment talba għal estensjoni tal-perijodu tranżizzjonali.

(5)

Il-Kunsill TRIPS, matul is-sessjoni formali tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2021, għandu jadotta deċiżjoni dwar it-talba għal estensjoni tal-perijodu tranżizzjonali skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għall-Membri LDC (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS”).

(6)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill TRIPS, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(7)

Il-membri LDC jirrappreżentaw l-aktar segment vulnerabbli tal-komunità tal-kummerċ internazzjonali, li qed jiffaċċja restrizzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u amministrattivi. Il-membri LDC jeħtieġu li jkollhom spazju ta’ politika u flessibbiltà biex jindirizzaw l-isfidi tal-iżvilupp tagħhom u aktar żmien biex jimplimentaw il-Ftehim TRIPS.

(8)

Ċertu livell ta’ protezzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) huwa ta’ benefiċċju għall-Membri LDC minħabba li d-DPI huma katalist għall-innovazzjoni u għodda importanti għall-iżvilupp sostenibbli. Xi Membri LDC diġà ħadu passi lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS u jeħtieġ li jiġu mħeġġa biex ma jnaqqsux il-livell eżistenti ta’ protezzjoni u infurzar tad-DPI.

(9)

Estensjoni tal-perijodu tranżizzjonali mingħajr limitu ta’ żmien, kif propost mill-grupp LDC, tnaqqas ir-ritmu tal-proċess tal-integrazzjoni gradwali tal-Membri LDC, bħala membri tas-sistema kummerċjali multilaterali, fis-sistema internazzjonali tal-PI abbażi tar-rekwiżiti minimi previsti fil-Ftehim TRIPS.

(10)

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi estiż il-perijodu tranżizzjonali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS, għajr l-Artikoli 3, 4 u 5, għall-Membri LDC għal perijodu limitat ta’ żmien li ma jaqbiżx l-10 snin.

(11)

Jekk il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jappoġġaw l-estensjoni tal-perijodu tranżizzjonali skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għal perijodu itwal jew mingħajr limitu ta’ żmien, jenħtieġ li l-Unjoni ma tostakolax l-ilħuq ta’ kunsens.

(12)

It-talba tal-LDC għal perijodu addizzjonali ta’ eżenzjoni ta’ 12-il sena kkalkulata mid-data li fiha Membru LDC jiggradwa mill-kategorija LDC tidher li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS peress li dak l-Artikolu japplika biss għall-estensjoni tal-perijodu tranżizzjonali għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS mill-Membri LDC. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba biex tingħata eżenzjoni lil Membri li mhumiex LDC bħala parti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill TRIPS taħt l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS ma tiġix appoġġata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill għall-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Kunsill TRIPS”), matul is-sessjoni formali tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Ġunju 2021, għandha tkun kif ġej:

(a)

il-membri LDC ma għandhomx ikunu meħtieġa li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (“il-Ftehim TRIPS”) apparti l-Artikoli 3, 4 u 5, għal perijodu limitat ta’ żmien li ma jaqbiżx 10 snin, jew sa tali data li fiha ma jibqgħux Membru LDC, skont liema data tiġi l-ewwel;

(b)

jekk il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jappoġġaw l-estensjoni tal-perijodu tranżizzjonali skont l-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS għal perijodu itwal jew mingħajr limitu ta’ żmien, l-Unjoni ma għandhiex tostakola l-ilħuq ta’ kunsens;

(c)

il-membri LDC għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla fil-liġijiet, fir-regolamenti u fil-prattika tagħhom li ssir matul il-perijodu tranżizzjonali addizzjonali ma tirriżultax f’livell inqas ta’ konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS. Madankollu, jekk il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ma jappoġġawx obbligu bħal dan tal-Membri LDC, l-Unjoni ma għandhiex tostakola l-ilħuq ta’ kunsens;

(d)

jenħtieġ li t-talba tal-Membri LDC għal perijodu addizzjonali ta’ eżenzjoni ta’ 12-il sena kkalkulata mid-data li fiha Membru LDC jiggradwa mill-kategorija LDC ma għandhiex tiġi appoġġata peress li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 66(1) tal-Ftehim TRIPS.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).