10.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/5


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/755

tas-6 ta’ Mejju 2021

li taħtar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali, għar-ruminanti u għall-ekwini f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 3009)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra, inkluż għall-għażla u l-ħatra ta’ ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali. Iċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet orizzontali jappoġġaw it-trattament xieraq tal-annimali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali, li huwa msemmi fl-Artikolu 1(2)(f) tar-Regolament (UE) 2017/625.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/329 (2) ħatar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali li, skont il-programm ta’ ħidma tiegħu, jiffoka fuq il-ħnieżer, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/1685 (3) ħatar ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett.

(3)

Sussegwentement, f’konformità mal-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni wettqet proċess ta’ għażla pubblika permezz ta’ sejħa għall-għażla u l-ħatra ta’ ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini.

(4)

Il-Kumitat tal-evalwazzjoni u tal-għażla maħtur għall-proċess tal-għażla msemmi fil-premessa 3 ikkonkluda li l-konsorzju mmexxi mill-Università Żvediża tax-Xjenzi Agrikoli u miċ-Ċentru Żvediż għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (l-Iżvezja), u magħmul ukoll mill-Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja (l-Awstrija), minn Ellinikos Georgikos Organismos-Dimitra/l-Istitut tar-Riċerka Veterinarja (il-Greċja), mill-Istitut Nazzjonali għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent (Franza), mill-Kulleġġ Universitarju ta’ Dublin (l-Irlanda) u mill-Instituto Zooprofilattico Sperimentale dell’Abruzzo e del Molise “G. Caporale” (l-Italja) (il-konsorzju), jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 95(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jenħtieġ li jkun responsabbli għall-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 96 ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tar-ruminanti u tal-ekwini.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-konsorzju jinħatar bħala ċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini, u se jkun responsabbli għall-kompiti ta’ appoġġ inklużi fil-programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali taċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li dawn il-programmi ta’ ħidma jiġu stabbiliti f’konformità mal-objettivi u mal-prijoritajiet tal-programmi ta’ ħidma rilevanti adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(6)

L-Artikolu 95(2)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-ħatra ta’ Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali tkun limitata fiż-żmien jew riveduta regolarment. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħatra taċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini, tiġi riveduta kull ħames snin.

(7)

Jenħtieġ li ċ-Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea maħtur għat-trattament xieraq tal-annimali għar-ruminanti u għall-ekwini, jingħata żmien biżżejjed biex iħejji l-programm ta’ ħidma tiegħu għall-perjodu baġitarju li jmiss. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-konsorzju li ġej b’dan inħatar bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-annimali responsabbli għall-attivitajiet orizzontali ta’ appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti għat-trattament xieraq għar-ruminanti u għall-ekwini:

Isem: Konsorzju mmexxi mill-Università Żvediża tax-Xjenzi Agrikoli u miċ-Ċentru Żvediż għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (l-Iżvezja), u magħmul ukoll mill-Università tar-Riżorsi Naturali u x-Xjenzi tal-Ħajja (l-Awstrija), minn Ellinikos Georgikos Organismos-Dimitra/l-Istitut tar-Riċerka Veterinarja (il-Greċja), mill-Istitut Nazzjonali għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Ambjent (Franza), mill-Kulleġġ Universitarju ta’ Dublin (l-Irlanda) u mill-Instituto Zooprofilattico Sperimentale dell’ Abruzzo (l-Italja)

Indirizz:

P.O. Box 7068

750 07 Uppsala

L-IŻVEZJA

2.   Il-ħatra għandha tiġi eżaminata mill-ġdid kull ħames snin mill-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/329 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali (ĠU L 63, 6.3.2018, p. 13).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1685 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jaħtar Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-Trattament Xieraq tal-Annimali għat-tjur u għal annimali żgħar oħra tar-razzett (ĠU L 258, 9.10.2019, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).