5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/5


DEĊIŻJONI (UE) 2021/729 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ April 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE)2017/2098 dwar l-aspetti proċedurali li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi għan-nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2021/18)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 3.1, l-Artikolu 22 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sorveljanza applikabbli għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (SIPSs). L-operaturi ta’ SIPSs stabbiliti fl-Istati Membri taż-żona tal-euro jeħtiġilhom jiżguraw il-konformità tas-SIPS li joperaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. L-awtoritajiet kompetenti nnominati biex jissorveljaw is-SIPSs jeħtiġilhom ikollhom biżżejjed riżorsi u setgħat ta’ sorveljanza. Dan jinkludi l-kapaċità għall-awtorità kompetenti li timponi miżuri korrettivi biex tirrimedja jew tevita repetizzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28). Id-Deċiżjoni (UE) 2017/2098 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/33) (2) ġiet adottata skont l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) u tispeċifika regoli u proċeduri dettaljati għall-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi fuq operaturi ta’ SIPS.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) ġie emendat reċentement biex jirrifletti li f’ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali jista’ jkun ta’ benefiċċju li l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament minn SIPSs li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(iii) tiegħu, tiġi ssorveljata minn żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema — jiġifieri bank ċentrali nazzjonali u l-BĊE — bħala awtoritajiet kompetenti nnominati, sabiex jinkiseb benefiċċju mill-għarfien tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti dwar l-entità sorveljata u r-relazzjoni stabbilita preċedentement magħha, kif ukoll biex jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-BĊE fis-sorveljanza ta’ tali SIPSs.

(3)

Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni (UE) 2017/2098 (BĊE/2017/33) tiġi emendata biex tiċċara l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi f’każ fejn żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema jintgħażlu bħala awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ SIPS li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2017/2098 (BĊE/2017/33) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/2098 (BĊE/2017/33) hija emendata kif ġej:

1.

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.   Meta żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema jiġu nnominati bħala awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ SIPS partikolari għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), u sakemm ma jkunx speċifikament previst mod ieħor fid-deċiżjoni skont l-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament li tidentifika s-sistema ta’ ħlas rilevanti bħala SIPS, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

(a)

is-setgħat u d-drittijiet ta’ awtorità kompetenti kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu eżerċitati jew individwalment minn wieħed miż-żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema nnominati bħala awtoritajiet kompetenti jew b’mod konġunt mit-tnejn;

(b)

kwalunkwe obbligu tal-awtorità kompetenti li taġixxi b’mod preskritt jew li tieħu ċerta azzjoni fir-rigward ta’ proċedura partikolari sabiex timponi miżura korrettiva kif stabbilit f’din id-Deċiżjoni għandu jkun obbligu tal-bank ċentrali tal-Eurosistema li jibda l-proċedura partikolari jew, fejn proċedura partikolari tkun inbdiet miż-żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema bħala awtoritajiet kompetenti nnominati b’mod konġunt, għandu jkun obbligu ta’ kull wieħed minnhom;

(c)

iż-żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema nnominati bħala awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw bejniethom kwalunkwe interazzjoni mal-operatur tas-SIPS ikkonċernata u kwalunkwe talba indirizzata lilu;

(d)

kwalunkwe obbligu ta’ operatur ta’ SIPS lejn awtorità kompetenti skont din id-Deċiżjoni għandu jkun obbligu lejn kull wieħed miż-żewġ banek ċentrali tal-Eurosistema nnominati bħala awtoritajiet kompetenti, u risposta għal kwalunkwe talba ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi sottomessa lil kull wieħed minnhom.”;

2.

fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Meta kemm il-BĊE kif ukoll BĊN jiġu nnominati bħala awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), deċiżjoni biex jiġu imposti miżuri korrettivi għandha tiġi approvata mill-korp deċiżjonali jew tal-BĊE jew tal-BĊN, skont il-każ, li bħala awtorità kompetenti nnominata bdiet il-proċedura partikolari biex timponi miżura korrettiva jew, meta l-proċedura nbdiet miż-żewġ awtoritajiet kompetenti b’mod konġunt, mill-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kull wieħed minnhom. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika t-terminu li fih l-operatur tas-SIPS ikkonċernata jeħtieġlu jimplimenta l-miżuri korrettivi.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/2098 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2017 dwar aspetti proċedurali li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ miżuri korrettivi għan-nuqqas ta’ konformità mar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2017/33) (ĠU L 299, 16.11.2017, p. 34).