|
30.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 149/2 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/689
tad-29 ta’ April 2021
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, (1)
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/2252 (2), dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, (il-"Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni") u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (il-"Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni"). Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u l-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni (il-'Ftehimiet') ġew iffirmati fit-30 ta' Diċembru 2020, soġġett għall-konklużjoni tagħhom f'data aktar tard. |
|
(2) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi l-bażi għal relazzjoni wiesgħa bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali. Il-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni huwa ftehim supplimentari għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, marbut intrinsikament ma' dan tal-aħħar b'mod partikolari fir-rigward tad-dati tal-bidu tal-applikazzjoni u t-terminazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet tkun imsejsa fuq il-bażi ġuridika li tipprevedi l-istabbiliment ta' assoċjazzjoni li tippermetti lill-Unjoni tidħol f'impenji fl-oqsma kollha koperti mit-Trattati. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-karattru eċċezzjonali u uniku tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li huwa ftehim komprensiv ma' pajjiż li ħareġ mill-Unjoni, il-Kunsill, b'dan, qed jiddeċiedi li juża l-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward tar-Renju Unit. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jiġu definiti l-arranġamenti għar-rappreżentanza tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija u fil-Kumitati stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), għandha tirrappreżenta lill-Unjoni u tesprimi l-pożizzjonijiet tal-Unjoni kif stabbiliti mill-Kunsill f'konformità mat-Trattati. Il-Kunsill għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta' tfassil ta' politiki u ta' koordinazzjoni kif previst fl-Artikolu 16(1) TUE billi jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija u fil-Kumitati stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Barra minn hekk, fejn il-Kunsill ta' Sħubija jew il-Kumitati stabbiliti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jintalbu jadottaw atti b'effetti legali, il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni f'dawk il-korpi għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B'mod simili, fejn il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet annwali relatati mas-sajd, għandha tagħmel dan abbażi ta' pożizzjonijiet li jitteħdu f'isem l-Unjoni, li jridu jiġu stabbiliti mill-Kunsill f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat. |
|
(5) |
Jenħtieġ li kull Stat Membru jkun jista' jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja lir-rappreżentant tal-Kummissjoni, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Sħubija u ta' korpi konġunti oħra stabbiliti skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(6) |
Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ, kif previst fl-Artikolu 218(10) TFUE, sabiex ikun jista’ jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu skont it-Trattati. |
|
(7) |
Bil-għan li l-Unjoni tkun tista' tieħu azzjoni rapida u effettiva biex tipproteġi l-interessi tagħha f'konformità mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u sakemm ma jiġi adottat u jidħol fis-seħħ fl-Unjoni att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni ta' miżuri ta' rimedju taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tieħu miżuri ta' rimedju, bħas-sospensjoni tal-obbligi taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew kwalunkwe ftehim supplimentari, f'każijiet ta' ksur ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew fejn ċerti kondizzjonijiet ma jiġux issodisfati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ f'merkanzija, tal-kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, tat-trasport bit-triq, tas-sikurezza tal-avjazzjoni, tas-sajd u tal-programmi tal-Unjoni, kif speċifikat fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll li tieħu miżuri ta' rimedju, miżuri ta' riekwilibriju u kontromiżuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma b'mod sħiħ lill-Kunsill fi żmien opportun dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta dawn il-miżuri bil-ħsieb li tippermetti skambju ta' fehmiet sinifikanti fil-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi. Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta tali miżuri. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, jenħtieġ li tinforma lill-Kunsill fi żmien opportun bir-raġunijiet tagħha. |
|
(8) |
Sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi fi żmien opportun fejn ma jkunux baqgħu ssodisfati l-kondizzjonijiet rilevanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tieħu ċerti deċiżjonijiet li jissospendu l-benefiċċji mogħtija lir-Renju Unit skont l-Anness dwar Prodotti Organiċi u l-Anness dwar Prodotti Mediċinali għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma b'mod sħiħ lill-Kunsill fi żmien opportun dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta dawn il-miżuri bil-ħsieb li tippermetti skambju ta' fehmiet sinifikanti fil-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi. Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta tali miżuri. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, jenħtieġ li tinforma lill-Kunsill fi żmien opportun bir-raġunijiet tagħha. |
|
(9) |
Kull meta l-Unjoni tkun meħtieġa taġixxi sabiex tkun konformi mal-Ftehimiet, tali azzjoni għandha tittieħed f'konformità mat-Trattati, filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni tal-Unjoni. Għalhekk hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lir-Renju Unit l-informazzjoni jew in-notifiki meħtieġa mill-Ftehimiet, ħlief fejn il-Ftehimiet jirreferu għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji speċifiċi oħra tal-Unjoni, u li għandha tikkonsulta mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet speċifiċi. Hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tirrappreżenta lill-Unjoni quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ fejn xi tilwim ikun ġie ppreżentat għall-arbitraġġ f'konformità mal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. F'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kunsill bil-quddiem, pereżempju billi tippreżentalu l-punti prinċipali tal-osservazzjonijiet li l-Unjoni jkun biħsiebha tippreżenta lit-tribunal tal-arbitraġġ, u tieħu kemm jista' jkun kont tal-kummenti li jkunu saru mill-Kunsill. |
|
(10) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma jeskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jidħlu f'arranġamenti jew ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet speċifiċi koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fl-oqsma tat-trasport bl-ajru, il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dwana u tal-VAT u tas-sigurtà soċjali taħt ċerti kondizzjonijiet. |
|
(11) |
Huwa għalhekk neċessarju li jiġi stabbilit qafas li għandu jiġi segwit mill-Istati Membri meta jiddeċiedu li jidħlu f'arranġamenti jew ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit fl-oqsma tat-trasport bl-ajru, tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dwana u tal-VAT u tas-sigurtà soċjali, inkluż il-kondizzjonijiet u l-proċedura biex l-Istati Membri jinnegozjaw u jikkonkludu tali arranġamenti jew ftehimiet bilaterali, b'tali mod li jiġi żgurat li dawn ikunu kompatibbli mal-għan tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u mal-liġi tal-Unjoni u jieħdu kont tas-suq intern u tal-interessi usa' tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri li biħsiebhom jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'oqsma mhux koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jinfurmaw, b'rispett sħiħ tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom u dwar il-progress tan-negozjati. |
|
(12) |
Jiġi mfakkar li, f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 774(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u f'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ambitu territorjali ta' ftehimiet futuri inkluża fil-minuti tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta' Novembru 2018,il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni la japplika għal Ġibiltà u lanqas m'għandu effetti f'dak it-territorju. Kif previst f'dik id-dikjarazzjoni, "dan ma jipprekludix il-possibbiltà li jkun hemm ftehimiet separati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit fir-rigward ta' Ġibiltà" u, "mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Unjoni u b'rispett sħiħ għall-integrità territorjali tal-Istati Membri tagħha kif garantita mill-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dawk il-ftehimiet separati ser jirrikjedu qbil minn qabel mir-Renju ta' Spanja". |
|
(13) |
L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni permezz tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri b'rabta ma' kwalunkwe negozjar li għaddej jew futur dwar ftehimiet internazzjonali, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tagħhom ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew b'rabta ma' kwalunkwe negozjar futur dwar kwalunkwe ftehim supplimentari, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(14) |
Minħabba li n-negozjati tal-Ftehimiet tlestew tard ħafna, ma kienx possibbli li ssir r-reviżjoni legali-lingwistika finali tat-testi tal-Ftehimiet qabel l-iffirmar tagħhom. Għalhekk, immedjatament wara l-iffirmar tal-Ftehimiet, il-Partijiet bdew ir-reviżjoni legali-lingwistika finali tat-testi tal-Ftehimiet fl-24 lingwa awtentika kollha. Permezz ta' skambju ta' noti diplomatiċi, il-Partijiet stabbilew dawk it-testi riveduti tal-Ftehimiet b'dawk il-lingwi kollha bħala awtentiċi u definittivi. Dawk it-testi awtentiċi u definittivi ħadu post ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehimiet u huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni. |
|
(15) |
Il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-"Ftehim Euratom"), huwa soġġett għal proċedura separata. |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-Ftehimiet jiġu approvati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet għajr dawk li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom. (3)
2. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni. (4)
3. It-testi awtentiċi u definittivi tal-Ftehimiet li ħadu post ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehimiet huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija, fil-Kumitat ta' Sħubija tal-Kummerċ, fil-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll fi kwalunkwe Kumitat Speċjalizzat fil-Kummerċ addizzjonali jew Kumitat Speċjalizzat li jkun stabbilit f'konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 7(4) jew il-punt (g) tal-Artikolu 8(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Kull Stat Membru għandu jkun jista' jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja lir-rappreżentant tal-Kummissjoni, bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni, fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Sħubija u ta' korpi konġunti oħra stabbiliti skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
2. Sabiex il-Kunsill ikun f'pożizzjoni li jeżerċita b'mod sħiħ il-funzjonijiet tiegħu ta' tfassil ta' politiki, ta' koordinazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet f'konformità mat-Trattati, b'mod partikolari bl-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Sħubija, fil-Kumitat ta' Sħubija tal-Kummerċ, fil-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-Kumitati Speċjalizzati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Kunsill jirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha relatati ma' kull laqgħa ta' dawk il-korpi konġunti jew ma' kull att li għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura bil-miktub fi żmien suffiċjenti qabel dik il-laqgħa jew dak l-użu tal-proċedura bil-miktub, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien ġranet tax-xogħol qabel dik il-laqgħa jew dak l-użu tal-proċedura bil-miktub.
Il-Kunsill għandu wkoll jiġi informat fi żmien opportun dwar id-diskussjonijiet u l-eżitu tal-laqgħat tal-Kunsill ta' Sħubija, il-Kumitat ta' Sħubija tal-Kummerċ, il-Kumitati Speċjalizzati fil-Kummerċ u l-Kumitati Speċjalizzati u dwar l-użu tal-proċedura bil-miktub, u għandu jirċievi l-abbozz ta' minuti u d-dokumenti kollha relatati ma' tali laqgħat jew użu tal-proċedura.
3. Il-Parlament Ewropew għandu jitqiegħed f'pożizzjoni li jeżerċita b'mod sħiħ il-prerogattivi istituzzjonali tiegħu matul il-proċess kollu f'konformità mat-Trattati.
4. Għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dak ir-rapport annwali għandu jsemmi kif xieraq kwalunkwe evoluzzjoni rilevanti fil-liġi tar-Renju Unit relatata mal-oqsma tal-kontroll tas-sussidji u t-tassazzjoni koperti mit-Titolu XI tal-Ewwel Intestatura tat-Tieni Parti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, kif ukoll kwalunkwe evoluzzjoni rilevanti fil-livelli ta' protezzjoni tal-istandards tax-xogħol u dawk soċjali, tal-ambjent u tal-klima koperti minn dak it-Titolu. Wara dak il-perijodu inizjali ta' ħames snin, il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment, u mill-inqas kull sentejn, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 3
1. Sakemm jidħol fis-seħħ fl-Unjoni att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni tal-miżuri elenkati fil-punti (a) sa (k) ta' dan il-paragrafu, kwalunkwe deċiżjoni mill-Unjoni biex tieħu t-tali miżuri għandha tittieħed mill-Kummissjoni, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward:
|
(a) |
tas-sospensjoni tat-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodott(i) kkonċernat(i) kif stabbilit fl-Artikolu 34tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(b) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 374 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(c) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' riekwilibriju u l-kontromiżuri kif stabbilit fl-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(d) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju kif stabbilit fl-Artikolu 469 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(e) |
tal-miżuri ta' kumpens u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 501 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(f) |
tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' rimedju u s-sospensjoni tal-obbligi kif stabbilit fl-Artikolu 506 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(g) |
tas-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programmi tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 718 u 719 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(h) |
tal-offerta jew aċċettazzjoni ta' kumpens temporanju jew is-sospensjoni tal-obbligi fil-kuntest ta' konformità b'segwitu għal proċedura ta' arbitraġġ jew ta' grupp ta' esperti taħt l-Artikolu 749 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ħlief kif previst fir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); |
|
(i) |
tal-miżuri ta' salvagwardja u l-miżuri ta' riekwilibriju kif stabbilit fl-Artikolu 773 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(j) |
il-miżuri ta' salvagwardja kif stabbilit fl-Artikolu 448 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(k) |
is-sospensjoni tal-obbligi ta' aċċettazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 457 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod sħiħ lill-Kunsill fi żmien opportun dwar l-intenzjoni tagħha li tadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li tippermetti skambju ta' fehmiet sinifikanti fil-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-fehmiet espressi. Il-Kummissjoni għandha tinforma wkoll lill-Parlament Ewropew, kif xieraq.
3. Fejn ikun hemm it-tħassib partikolari ta' Stat Membru wieħed jew aktar, dak jew dawk l-Istat(i) Membru/i, jista'/jistgħu jitlob/jitolbu lill-Kummissjoni biex tadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien opportun bir-raġunijiet tagħha.
4. Il-Kummissjoni tista' tadotta wkoll miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid id-drittijiet u l-obbligi taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni kif kienu jeżistu qabel l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis.
5. Jekk, minħabba diverġenzi sinifikanti persistenti, il-miżuri ta’ riekwilibriju kif imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1idumu aktar minn sena, Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tattiva l-klawżola ta’ rieżami prevista fl-Artikolu 411 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina din it-talba fi żmien opportun u għandha tikkunsidra li tgħarraf kif xieraq lill-Kunsill ta’ Sħubija dwar dik il-kwistjoni, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tweġibx b'mod pożittiv għal tali talba, din għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien opportun bir-raġunijiet tagħha.
6. Qabel ma jiġi adottat att leġiżlattiv speċifiku li jirregola l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2022, il-Kunsill għandu jwettaq rieżami tal-arranġamenti li jinsabu f'dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Fejn Stat Membru wieħed jew aktar iqajmu diffikultà sostanzjali li tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sajd, il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba bħala prijorità u jekk xieraq għandha tpoġġi dik il-kwistjoni quddiem il-Kunsill ta' Sħubija, f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. F'każ li ma tkun instabet ebda soluzzjoni sodisfaċenti, dik il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mill-iktar fis possibbli, fil-kuntest tar-rieżamijiet previsti fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Fejn dik id-diffikultà tippersisti, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa bil-għan li jiġi negozjat u konkluż ftehim li jagħmel l-emendi meħtieġa għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Artikolu 5
1. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tieħu, f'isem l-Unjoni, kwalunkwe deċiżjoni biex:
|
(a) |
tikkonferma jew tissospendi r-rikonoxximent tal-ekwivalenza wara l-valutazzjoni mill-ġdid tal-ekwivalenza li għandha titwettaq sal-31 ta' Diċembru 2023 f'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Anness 14 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(b) |
tissospendi r-rikonoxximent tal-ekwivalenza f'konformità mal-Artikolu 3(5) u (6) tal-Anness 14 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(c) |
taċċetta d-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura maħruġa minn awtorità tar-Renju Unit għall-faċilitajiet tal-manifattura li jinsabu barra t-territorju tal-awtorità emittenti u biex tiddetermina t-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom l-Unjoni taċċetta dawk id-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura f'konformità mal-Artikolu 5(3) u (4) tal-Anness 12 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(d) |
tadotta kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ għall-iskambju ta' dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura ma' awtorità tar-Renju Unit skont l-Artikolu 6 tal-Anness 12għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni ma' awtorità tar-Renju Unit rigward l-ispezzjonijiet ta' faċilitajiet tal-manifattura skont l-Artikolu 7 ta' dak l-Anness; |
|
(e) |
tissospendi r-rikonoxximent ta' spezzjonijiet jew l-aċċettazzjoni ta' dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura maħruġa mir-Renju Unit u tinnotifika lir-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 9 tal-Anness 12 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u tidħol f'konsultazzjonijiet mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 8(3) ta' dak l-Anness; |
|
(f) |
tissospendi totalment jew parzjalment, għall-prodotti kollha, jew għal xi wħud minnhom, elenkati fl-Appendiċi C għall-Anness 12 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ir-rikonoxximent ta' spezzjonijiet u l-aċċettazzjoni tad-dokumenti uffiċjali tal-Prassi Tajba ta' Manifattura tal-Parti l-oħra f'konformità mal-Artikolu 9(1) ta' dak l-Anness. |
2. Għandhom japplikaw il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 3.
Artikolu 6
1. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 419(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
dawk l-arranġamenti għandhom isiru biss għall-fini stabbilit fl- Artikolu 419(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u f'konformità mat-termini tiegħu, u m'għandhom jirregolaw l-ebda kwistjoni oħra irrispettivament minn jekk tali kwistjonijiet jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu I tal-Intestatura Tnejn tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(b) |
dawk l-arranġamenti m'għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni. |
Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħtu l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 419(9) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni soġġett għat-termini tiegħu u f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali. Meta jagħtu dawk l-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri m'għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.
3. L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 419(9) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
dawk l-arranġamenti għandhom isiru biss għall-fini stabbilit fl-Artikolu 419(9) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u f'konformità mat-termini tiegħu, u m'għandhom jirregolaw l-ebda kwistjoni oħra irrispettivament minn jekk dawn il-kwistjonijiet jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu I tal-Intestatura Tnejn tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; |
|
(b) |
dawk l-arranġamenti m'għandhomx jiddiskriminaw bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni. |
Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jinnegozjaw, jiffirmaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 41 tal-Protokoll dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi u dazji jew fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta' suġġetti mhux koperti mill-Protokoll dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-ftehim previst għandu jkun kompatibbli ma', u m'għandux jimmina, il-funzjonament tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jew tas-suq intern; |
|
(b) |
il-ftehim previst għandu jkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u m'għandux iqiegħed f'riskju l-kisba ta' objettiv tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat jew b'xi mod ieħor ikun ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni; |
|
(c) |
il-ftehim previst għandu jikkonforma mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità proklamat fit-TFUE. |
Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 8
1. Kull Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinnegozja arranġament bilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) u (3) jew ftehim bilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 7 għandu jżomm lill-Kummissjoni informata dwar in-negozjati mar-Renju Unit dwar tali arranġamenti jew ftehimiet u, fejn xieraq, jistieden lill-Kummissjoni biex tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.
2. Malli jitlestew in-negozjati, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-abbozz tal-arranġament jew ftehim li jirriżulta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan mingħajr dewmien.
3. Fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-abbozz ta' arranġament jew ftehim, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta', rispettivament, l-Artikolu 6(1) jew (3) jew l-Artikolu 7 jkunux sodisfatti. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li dawk il-kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, l-Istat Membru kkonċernat jista' jiffirma u jikkonkludi l-arranġament jew il-ftehim inkwistjoni.
4. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi kopja tal-arranġament jew tal-ftehim lill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu jew, fejn l-arranġament jew il-ftehim għandu jiġi applikat b'mod proviżorju, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.
Artikolu 9
L-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet bilaterali mar-Renju Unit f'oqsma mhux koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandhom jinfurmaw, b'rispett sħiħ tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, lill-Kummissjoni fi żmien debitu dwar l-intenzjonijiet tagħhom u dwar il-progress tan-negozjati.
Artikolu 10
L-eżerċizzju ta' kompetenza tal-Unjoni permezz tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fi kwalunkwe negozjar li jkun għaddej jew futur għal ftehimiet internazzjonali, jew fl-iffirmar jew konklużjoni tagħhom, ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor jew b'rabta ma' kwalunkwe negozjar futur dwar kwalunkwe ftehim supplimentari, jew dwar l-iffirmar jew il-konklużjoni tiegħu, imsemmi fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.
Artikolu 11
Il-President tal-Kunsill, f'isem l-Unjoni, għandu jagħti n-notifika/i prevista/i fil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, inkluż in-notifika dwar it-tlestija tar-rekwiżiti u l-proċeduri interni biex jiġi stabbilit il-kunsens li tintrabat, u fl-Artikolu 19(1) tal-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni.
Artikolu 12
Id-Dikjarazzjonijiet mehmuża ma' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni.
Artikolu 13
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) L-Approvazzjoni tas-27 ta’ April 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tad-29 ta' Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).
(3) Ara paġna 10 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Ara paġna 2540 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).