27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/680

tat-23 ta’ April 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba minn Ċipru gis-6 ta’ Awwissu 2020, fil-25 ta’ Settembru 2020 il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil Ċipru fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 479 070 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali ta’ Ċipru biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jwieġeb għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża minn Ċipru biex jiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa msemmi fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344 (2).

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 qed tkompli tipparalizza parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol f’Ċipru. Dan wassal għal żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika minn Ċipru fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (a) sa (e), (g) u (h), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344.

(4)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Ċipru fl-2020 u l-2021 biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt tagħha kemm soċjoekonomiku kif ukoll marbut mas-saħħa kellhom u qed ikomplu jkollhom impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni, Ċipru kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,1 % u 112,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Fl-2021, id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Ċipru huma mbassra li jonqsu għal 2,3 % u 108,2 % tal-PDG rispettivament. Skont it-tbassir proviżorju tax-xitwa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Ċipru huwa proġettat li jiżdied bi 3,2 % fl-2021.

(5)

Fl-10 ta’ Marzu 2021, Ċipru talab assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni ta’ EUR 124 700 000 bil-ħsieb li jkompli jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020 u fl-2021 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-miżuri stabbiliti fil-premessi (6) sa (13).

(6)

Il-‘Liġi 27(I)/2020’ (3), l-‘Liġi 49(I)/2020’ (4), il-‘Liġi 140(I)/2020’ (5) u l-‘Liġi 36(I)2021’ (6) kienu l-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji ta’ kull xahar (7), li jiddeskrivu l-miżuri li jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. Fuq il-bażi ta’ dawk il-liġijiet, l-awtoritajiet introduċew “skema ta’ liv speċjali”, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, li tipprovdi kumpens għall-paga lill-ġenituri li jaħdmu fis-settur privat li għandhom tfal sal-età ta’ 15-il sena jew tfal ta’ kwalunkwe età b’diżabilità. Dik l-iskema ta’ liv speċjali tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi tipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jippreserva l-impjiegi, billi jiġi evitat li l-ġenituri li jkollhom jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom waqt li l-iskejjel ikunu magħluqa jkollhom jitterminaw ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Frar 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Jannar 2021 sa Lulju 2021.

(7)

Barra minn hekk, il-‘Liġi 27(I)/2020’, l-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi140(I)/2020’ u l-‘Liġi 36(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji ta’ kull xahar (8) kienu l-bażi għal ‘skema li tappoġġa kumpaniji li kellhom jissospendu kompletament l-operazzjonijiet’, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens ta’ pagi għal 97 % tal-impjegati tan-negozji li kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018 (2019 għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020), skont liema jkun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Awwissu 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Settembru 2020 sa Lulju 2021.

(8)

Barra minn hekk, il-‘Liġi 27(I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi140 (I)/2020’u l-‘Liġi 36(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji ta’ kull xahar (9) kienu l-bażi għall-‘iskema li tappoġġa kumpaniji f’sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet’, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis fil-fatturat minħabba l-fil-kriżi tal-COVID-19, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liema jkun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Jannar 2021 sa Lulju 2021.

(9)

Il-‘Liġi 27(I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi 140 (I)/2020’u l-‘Liġi 36(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji (10) kienu l-bażi għall-‘iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom’, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (c), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens għall-persuni li jaħdmu għal rashom u li ma jistgħu jwettqu l-ebda attività skont id-digriet tal-Ministeru tas-Saħħa jew deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Lulju 2020 sa Lulju 2021.

(10)

Il-‘Liġi 27(I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi140 (I)/2020’ u l-‘Liġi 36(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji (11) kienu l-bażi għall-‘iskema speċjali għal unitajiet ta’ lukandi u akkommodazzjoni għat-turisti’, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (d), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Ottubru 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Novembru 2020 sa Mejju 2021.

(11)

Il-‘Liġi 27 (I)/2020’, il-Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi 140(I)/2020’ u l-‘Liġi 36(I)2021’ għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji (12) kienu l-bażi għall-“iskema speċjali għall-appoġġ tan-negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja”, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (e), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens tal-pagi lill-impjegati fl-industrija tal-lukandi u lil negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni għat-turisti li ssospendew kompletament l-operazzjonijiet tagħhom jew li esperjenzaw tnaqqis fil-fatturat ta’ aktar minn 40 % meta mqabbel ma’ 55 % taħt l-iskema oriġinali, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020 u ġiet estiża u emendata biex tkopri l-perjodu minn Settembru 2020 sa Lulju 2021.

(12)

Barra minn hekk, l-‘iskema ta’ sussidju’ stabbilita minn ‘Baġit supplimentari, Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19’, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (g), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, introduċiet sussidji għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw sa 50 impjegat. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Dawk is-sussidji jipprovdu għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji ta’ intrapriżi żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. L-ammonti tal-għotjiet ta’ somma sħiħa ġew riveduti għal diversi kategoriji ta’ intrapriżi fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati. Barra minn hekk, ġew miftiehma għotjiet għall-intrapriżi li ssospendew l-operazzjonijiet tagħhom minn Marzu 2020, b’ammont ta’ EUR 10 000 għal massimu ta’ 9 impjegati u EUR 15 000 għal aktar minn disa’ impjegati. L-iskema ta’ sussidjar tista’ titqies li hija miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn April 2020 sa Mejju 2020 u ġiet estiża u emendata għal Novembru 2020.

(13)

Ċipru estenda ulterjorment miżura relatata mas-saħħa biex tittrratta l-kriżi tal-COVID-19 prevista mil-‘Liġi 27 (I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi140(I)/2020’ u l-‘Liġi 36(I)2021’ u mill-atti amministrattivi regolatorji (13). B’mod partikolari, l-‘iskema ta’ benefiċċji tal-mard’, kif imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (h), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, tipprovdi kumpens għall-pagi lill-impjegati tas-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li dawn jew jiġu kklassifikati bħala individwi vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, li tqiegħdu fi kwarantina mill-awtoritajiet, jew li huma infettati mill-COVID-19. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Novembru 2020 sa Lulju 2021.

(14)

Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jitlob assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ċipru pprovda lill-Kummissjoni evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 742 040 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu ttrattati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din jikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li hija relatata ma’ estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti dwar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Ċipru. Ċipru biħsiebu jiffinanzja EUR 138 270 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz ta’ fondi tal-Unjoni.

(15)

Il-Kummissjoni kkonsultat lil Ċipru u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata ma’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba ta’ Ċipru tal-10 ta’ Marzu 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(16)

Il-miżura relatata mas-saħħa, kif imsemmija fit-talba ta’ Ċipru tal-10 ta’ Marzu 2021 u fil-premessa (13), tammonta għal EUR 440 000.

(17)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Ċipru jiġi megħjun jittratta l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku qawwi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(18)

Jenħtieġ li Ċipru u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(19)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata mad-distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzjali ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(20)

Jenħtieġ li Ċipru jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Ċipru jkun implimenta dik in-nefqa.

(21)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Ċipru, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.

L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Ċipru self li jammonta għal massimu ta’ EUR 603 770 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.’;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.

L-ewwel ħlas przjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat.’;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Ċipru jista’ jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, kif previst fil-“Liġi 27(I)/2020” u f-“Atti Amministrattivi Regolatorji 127/148/151/184/192/212/213/235/2020”, kif estiża;

(b)

l-iskemi li jappoġġaw lill-kumpaniji għas-sospensjoni totali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-“Liġi 27(I)/2020” u fl-“Atti Amministrattivi Regolatorji, 130/148/151/187/212/213/238/243/271/273/2020”, kif estiżi;

(c)

l-iskemi li jappoġġaw lill-kumpaniji għas-sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-“Liġi 27(I)/2020” u mill-“Atti Amministrattivi Regolatorji, 131/148/151/188/212/213/239/2020”, kif estiżi;

(d)

l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Liġi 27(I)/2020; u mill-“Atti Amministrattivi Regolatorji 129/148/151/186/213/237/322/2020”, kif estiża;

(e)

l-iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika, kif previst bil-“Liġi 27(I)/2020” u bl-“Atti Amministrattivi Regolatorji 269/317/2020”, kif estiża;

(f)

l-iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, kif previst bil-“Liġi 27(I)/2020” u bl-“Atti Amministrattivi Regolatorji 270/318/2020”, kif estiża u emendata;

(g)

l-iskema speċjali biex jiġu appoġġati negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali, kif previst bil-“Liġi 27(I)/2020” u bl-“Atti Amministrattivi Regolatorji 272/320/396/420/500/535/633/2020”;

(h)

l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Baġit supplimentari, Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat insostenn tal-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19’, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u kumpaniji b’membru wieħed, kif estiża u emendata;

(i)

l-iskema ta’ benefiċċju tal-mard, kif previst bil-“Liġi 27(I)/2020” u bl-“Atti Amministrattivi Regolatorji 128/148/151/185/212/236/2020”, kif estiża;

(3)

l-Artikolu 4 jhuwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 4

1.   Ċipru għandu jinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

2.   Fejn il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ikunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, Ċipru għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, u kull sitt xhur minn hemm’ il quddiem, dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 13).

(3)  Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4748, 27.3.2020

(4)  Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4756, 26.5.2020

(5)  Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4780, 12.10.2020

(6)  Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4823, 30.3.2021

(7)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 127/148/151/184/192/212/213/235/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 20/88/2021’.

(8)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 130/148/151/187/212/213/238/243/271/273/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 319/395/421/501/536/634/2020 u 15/83/2021’.

(9)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 131/148/151/188/212/213/239/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 16/84/2021’.

(10)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 129/148/151/186/213/237/322/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 398/423/503/538/636/2020 u 18/86/2021’.

(11)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 269/317/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 393/418/498/533/631/2020 u 13/81/2021’.

(12)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 270/318/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 394/419/499/534/632/2020 u 14/82/2021’.

(13)  ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 128/148/151/185/212/236/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 637/2020 u 19/87/2021’.