27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/676

tat-23 ta’ April 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1352 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Malta biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara talba minn Malta fis-7 ta’ Awwissu 2020, fil-25 ta’ Settembru 2020 il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil Malta fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 243 632 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali ta’ Malta biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u twieġeb għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża minn Malta biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1352 (2).

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 għadha qed tipparalizza parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol f’Malta. Dan wassal għal żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika f’Malta fir-rigward tal-miżura msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1352.

(4)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Malta fl-2020 u l-2021 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt tagħha kemm soċjoekonomiku kif ukoll dak marbut mas-saħħa kellhom u qed ikomplu jkollhom impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni, Malta kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 9,4 % u 55,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Fl-2021, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta huwa mbassar li jonqos għal 6,3 % tal-PDG filwaqt li d-dejn huwa mbassar li jiżdied għal 60,0 % tal-PDG. Skont it-tbassir proviżorja tax-xitwa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Malta huwa proġettat li jiżdied b’4,5 % fl-2021.

(5)

Fl-10 ta’ Marzu 2021, Malta talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni ta’ EUR 177 185 000, bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020 u l-2021 biex tittratta l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-miżuri stabbiliti fil-premessa (6).

(6)

L-‘Att dwar il-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta)’/‘Malta Enterprise Act (Cap. 463 of the Laws of Malta)’ u n-‘Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 389 tat-13 ta’ April 2020’/‘Government Notice No. 389 of 13 April 2020’, li huma msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1352, introduċew suppliment għall-pagi tal-COVID-19, li jkopri lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom, biex jiġi indirizzat it-tfixkil ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Fil-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2020, impjegati full-time li jaħdmu fis-setturi l-aktar milquta mill-kriżi, elenkati fl-Anness A, imsemmija fin-Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 389 kienu eliġibbli għal għajnuna fuq il-paga ta’ EUR 800 fix-xahar. F’setturi inqas affettwati, elenkati fl-Anness B imsemmija fin-Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 389, l-impjegati full-time kienu eliġibbli biex jirċievu EUR 160 fix-xahar. Kien hemm ukoll appoġġ għall-impjegati part-time b’ammont aktar baxx. F’Lulju 2020 il-listi tas-setturi inklużi fiż-żewġ annessi ġew riveduti. Setturi li qabel kienu appoġġati permezz tal-iskema iżda mhux inklużi fl-Anness A jew B riveduti ġew megħjuna b’suppliment għall-pagi ta’ EUR 600 għall-impjegati full-time. L-iskema li tagħti dawk il-kondizzjonijiet ġiet estiża sa tmiem l-2020. Minn Jannar 2021, id-daqs tas-suppliment għall-pagi jirrifletti tnaqqis fil-bejgħ fuq sitt xhur bejn Marzu u Ottubru 2020 meta mqabbel mal-fatturat iddikjarat fuq sitt xhur bejn Marzu u Ottubru 2019. Fejn ma jkun hemm l-ebda rekords tal-VAT disponibbli, is-suppliment għall-pagi jitħallas fuq il-bażi tal-kriterji applikabbli fl-2020. L-iskema hija maħsuba biex tibqa’ għaddejja sa tmiem l-2021. Fit-tieni nofs tal-2021, l-appoġġ jibqa’ effettiv għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u forniment tal-ikel b’mod konformi mal-parametri stabbiliti. Għal attivitajiet eliġibbli oħra, l-appoġġ ser jonqos għal 66 % fit-tielet kwart tal-2021 u mbagħad jonqos ulterjorment għal 33 % fl-aħħar kwart tas-sena. L-iskema ser tibqa’ disponibbli biss għal dawk l-intrapriżi li kienu diġà eliġibbli għall-appoġġ taħt l-iskema oriġinali. Bħalissa l-iskema hija applikata fil-prattika minn ‘Malta Enterprise’ u ser ikun speċifikat f’Notifikazzjoni tal-Gvern li għad irid jinħareġ. Skont ir-regoli l-ġodda, l-iskema ser tkopri wkoll is-sostituzzjoni ta’ impjegati (jiġifieri s-sostituzzjoni ta’ dawk li volontarjament ikunu temmew l-impjieg tagħhom wara Ġunju 2020), sakemm ma jinqabiżx l-għadd ta’ impjegati fit-tmiem ta’ Mejju 2020. Il-parti biss tan-nefqa pubblika relatata mal-impjegati li kienu kontinwament f’impjieg intalbet mill-awtoritajiet, eskluża l-parti għall-impjegati ingaġġati ġodda.

(7)

Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun tista’ titlob assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Malta pprovdiet lill-Kummissjoni evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 427 961 805 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu ttrattati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li huwa direttament relatat mal-estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti dwar l-impjiegi simili għal skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li tkopri proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Malta. Malta ffinanzjat EUR 7 144 805 tal-ammont miżjud fin-nefqa pubblika permezz tal-fondi tagħha stess.

(8)

Il-Kummissjoni kkonsultat lil Malta u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata ma’ miżura simili għal skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar kif imsemmija fit-talba ta’ Malta tal-10 ta’ Marzu 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Malta tiġi megħjuna tittratta l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku qawwi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(10)

Jenħtieġ li Malta u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(11)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(12)

Jenħtieġ li Malta tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Malta tkun implimentat dik in-nefqa.

(13)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Malta, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1352 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Malta self li jammonta għal massimu ta’ EUR 420 817 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.’;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat.’;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Malta tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

is-suppliment tal-paga COVID-19, kif previst fl-“Att dwar il-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta)"/“Malta Enterprise Act (Cap. 463 of the Laws of Malta)" u n-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 389 tat-13 ta’ April 2020”/“Government Notice No. 389 of 13 April 2020”, kif estiż u emendat fl-2020 u l-2021;

(b)

il-benefiċċju ta’ diżabbiltà COVID-19, kif previst fin-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 331 tal-25 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 331 of 25 March 2020”;

(c)

il-benefiċċju COVID-19 għall-ġenituri, kif previst fin-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 330 tal-25 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 330 of 25 March 2020”;

(d)

il-benefiċċju mediku COVID-19, kif previst fin-“Notifikazzjoni tal-Gvern Nru 353 tat-30 ta’ Marzu 2020”/“Government Notice No. 353 of 30 March 2020”.’;

(3)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 4

1.   Malta għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

2.   Fejn il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ikunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1352, Malta għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni emendatorja, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Malta.

Din id-Deċìżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1352 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Malta biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 42).