27.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/675
tal-20 ta’ April 2021
li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010 (ICA) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/189/UE (1) u membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kawkaw (ICCO). |
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 7 tal-ICA, il-Kunsill Internazzjonali tal-Kawkaw (ICC) iwettaq jew iħejji għat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet kollha li jkunu meħtieġa biex l-ICA jiġi implimentat. F’konformità mal-Artikolu 12 tiegħu, id-deċiżjonijiet tal-ICC fil-prinċipju jittieħdu b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ vot speċjali. |
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 10 tal-ICA, il-membri tal-ICCO b’kollox għandhom 2000 vot fl-ICC. Kull membru għandu għadd speċifiku ta’ voti li kull sena jiġi aġġustat skont il-kriterji stipulati f’dak l-Artikolu. |
(4) |
Huwa fl-interess tal-Unjoni li tipparteċipa fi ftehim internazzjonali dwar il-kawkaw, meta titqies l-importanza ta’ dak is-settur għal għadd ta’ Stati Membri u għall-ekonomija tas-settur Ewropew tal-kawkaw. |
(5) |
Grupp ta’ ħidma tekniku magħmul mill-membri tal-ICCO kemm mill-pajjiżi produtturi kif ukoll minn dawk esportaturi wettaq ħidma sostanzjali sabiex jippreżenta proposti konkreti għall-emendar tal-ICA. Il-membri tal-ICCO ġew mistiedna jressqu kwalunkwe suġġeriment biex tinbeda din l-analiżi teknika, kif għamlet l-Unjoni. L-ICC jeħtieġ jiftaħ negozjati għal reviżjoni parzjali tal-ICA ferm qabel l-iskadenza tal-validità tal-ICA, jiġifieri, it-30 ta’ Settembru 2022, taħt il-gwida tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD). Kwalunkwe qasam tal-ICA li għandu jiġi rieżaminat jeħtieġ li jkun is-suġġett ta’ negozjati formali. Tali negozjati għandhom jiġu konklużi mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022. |
(6) |
Jenħtieġ li kull emenda miftiehma fin-negozjati formali tiġi adottata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 63 tal-ICA. Skont dak l-Artikolu, l-ICC jista’, b’kunsens jew jekk le b’vot speċjali, jirrakkomanda emenda għall-ICA lill-Partijiet Kontraenti tal-ICA. L-emenda ssir effettiva skont l-Artikolu 63(1) tal-ICA, li jeħtieġ in-notifika ta’ aċċettazzjoni minn ċertu perċentwal ta’ Partijiet Kontraenti tal-ICA. Bħala membru tal-ICCO u Parti Kontraenti għall-ICA, f’konformità mal-Artikolu 4 tiegħu, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tipparteċipa fin-negozjati bil-għan li jiġi emendat l-ICA. |
(7) |
Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tidħol f’negozjati għar-reviżjoni parzjali tal-ICA, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar il-Kawkaw tal-2010.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-Addendum għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/189/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali tal-2010 dwar il-Kawkaw (ĠU L 102 12.4.2012, p. 1).