|
26.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 141/25 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/674
tal-21 ta’ April 2021
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Programm ta’ Skambju tal-Impjegati taċ-Ċivil (CSEP — Civil Servant Exchange Program)”
(notifikata bid-dokument C(2021) 2784)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Frar 2021, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Programm ta’ Skambju tal-Impjegati taċ-Ċivil”. |
|
(2) |
L-għanijiet tal-inizjattiva huma espressi kif ġej: “Bħala studenti Ewropej u impjegati taċ-ċivil futuri, aħna nemmnu li l-iskambji m’għandhomx jieqfu ladarba jintemmu l-istudji. Għalhekk nipproponu l-ħolqien ta’ Programm ta’ Skambju ta’ Impjegati taċ-Ċivil (CSEP), programm ta’ skambju u taħriġ bejn l-impjegati taċ-ċivil tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-għan ta’ dan l-“Erasmus għas-servizz pubbliku” jkun li joffri lill-impjegati taċ-ċivil minn Stati Membri tal-UE esperjenza professjonali f’servizz simili fi Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ bejn xahrejn u 12-il xahar. Matul l-iskambju, l-impjegati taċ-ċivil jistgħu jkomplu jirċievu s-salarju tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, soġġett għal kumpens mill-UE jekk dan is-salarju jkun inqas minn dak li jirċievu fil-pajjiż ospitanti għal pożizzjoni ekwivalenti. Is-CSEP isaħħaħ il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fl-UE, irawwem skambju tal-aħjar prattiki bejn is-servizzi taċ-ċivil u jtejjeb ir-rabtiet bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, is-CSEP jgħin lill-ħaddiema taċ-ċivil jegħlbu l-isfidi numerużi li jiltaqgħu magħhom fir-relazzjonijiet ta’ ħidma tagħhom mal-kollegi Ewropej tagħhom. Is-CSEP se jagħti bidu għal spirtu ġdid ta’ unità, miċ-ċittadini u għaċ-ċittadini, bis-saħħa tal-ħaddiema taċ-ċivil mill-pajjiżi Ewropej.’ |
|
(3) |
L-Anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. B’mod partikolari, jistabbilixxi l-vantaġġi perċepiti tal-programm, jiġifieri l-benefiċċji ta’ esperjenza Ewropea, l-iżvilupp ta’ ħiliet addizzjonali u l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tisħiħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha. L-Anness jindika li l-programm għandu jkun ta’ benefiċċju għal ħafna kategoriji ta’ impjegati taċ-ċivil, bħal għalliema, persunal tas-saħħa pubblika, u persunal f’funzjonijiet kriminali, ġudizzjarji u amministrattivi. Jindirizza wkoll ir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali li jipparteċipaw fl-iskambji u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. |
|
(4) |
L-inizjattiva tipproponi l-ħolqien ta’ programm ta’ skambju fil-forma ta’ qafas leġiżlattiv li jippermetti lill-Istati Membri li volontarjament jassenjaw pożizzjonijiet fl-amministrazzjoni tagħhom biex isiru disponibbli għall-impjegati taċ-ċivil minn Stati Membri oħra għall-fini ta’ skambju, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kompetenzi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri u l-possibbiltà li jiġi limitat l-aċċess għal xi pożizzjonijiet sabiex tinżamm l-ordni pubblika u tiġi salvagwardjata s-sigurtà ta’ informazzjoni pubblika nazzjonali importanti. |
|
(5) |
Sa fejn il-programm għandu l-għan li jiżviluppa skambji ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-impjegati taċ-ċivil, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponih bħala miżura ta’ inċentiv imfassla biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u biex tappoġġa l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-impjiegi abbażi tal-Artikolu 149 tat-Trattat. |
|
(6) |
Barra minn hekk, il-programm jista’ jiġi propost ukoll abbażi tal-Artikolu 165(4) u l-Artikolu 166(4) tat-Trattat, sa fejn għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-għalliema u tal-istrutturi u jiżviluppa l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. |
|
(7) |
Fl-aħħar nett, il-programm jista’ jiġi propost abbażi tal-Artikolu 197(2) tat-Trattat, sa fejn ikollu l-għan li jtejjeb il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni. |
|
(8) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva proposta ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(9) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(10) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(11) |
L-inizjattiva intitolata “Programm ta’ Skambju tal-Impjegati taċ-Ċivil (CSEP)” għandha għalhekk tiġi rreġistrata, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Programm ta’ Skambju tal-Impjegati taċ-Ċivil (CSEP)” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Programm ta’ Skambju tal-Impjegati taċ-Ċivil (CSEP)”, rappreżentat mis-Sinjur Johan GONCALVES u s-Sinjur Adam MAZOYER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President