20.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 133/59 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/649
tas-16 ta’ April 2021
dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tas-Segretarjat tat-TKA b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Billi:
(1) |
It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fit-2 ta’ April 2013 permezz tar-Riżoluzzjoni A/RES/67/234 B tagħha. It-TKA sussegwentement infetaħ għall-iffirmar fit-3 ta’ Ġunju 2013 u daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2014. L-Istati Membri kollha huma Partijiet għat-TKA. |
(2) |
It-TKA għandu l-għan li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolamentazzjoni jew għat-titjib tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali u li jipprevjeni u jeradika l-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u jipprevjeni d-devjazzjoni tagħhom. L-isfidi ewlenin sabiex jintlaħqu l-miri tat-TKA huma l-implimentazzjoni effettiva tiegħu mill-Istati Partijiet għat-TKA (l-”Istati Partijiet”) u l-universalizzazzjoni tiegħu, filwaqt li jitqies li r-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi hija, mis-sens tagħha stess, sforz globali. Biex jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati dawk l-isfidi, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/768/PESK (1) fis-16 ta’ Diċembru 2013 u d-Deċiżjoni (PESK) 2017/915 (2) fid-29 ta’ Mejju 2017, biex b’hekk kabbar il-portafoll tal-Unjoni ta’ assistenza relatata mal-kontroll tal-esportazzjoni b’attivitajiet speċifiċi għat-TKA. |
(3) |
It-TKA jistabbilixxi Segretarjat (is-”Segretarjat tat-TKA”) biex jassisti lill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni effettiva tat-TKA. Is-Segretarjat tat-TKA huwa inkarigat mir-responsabbiltajiet li ġejjin: jirċievi, jagħmel disponibbli u jqassam ir-rapporti kif rekwiżit mit-TKA; iżomm aġġornata, u jagħmel disponibbli, lill-Istati Partijiet il-lista tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali; jiffaċilita t-tlaqqigħ tal-offerti ta’ assistenza u t-talbiet għall-assistenza għall-implimentazzjoni tat-TKA u jippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali kif mitlub; jiffaċilita l-ħidma tal-Konferenza tal-Istati Partijiet, inklużi t-twettiq ta’ arranġamenti u l-għoti tas-servizzi meħtieġa għal-laqgħat taħt it-TKA; u jwettaq dmirijiet oħra kif deċiżi mill-Konferenzi tal-Istati Partijiet. Is-Segretarjat tat-TKA jamministra wkoll il-Fond Fiduċjarju Volontarju stabbilit mill-Istati Partijiet taħt l-Artikolu 16(3) tat-TKA biex jassisti lill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni tat-TKA. Barra minn hekk, ir-Raba’ Konferenza tal-Istati Partijiet inkarigat lis-Segretarjat tat-TKA bl-amministrazzjoni tal-Programm ta’ Sponsorizzazzjoni tat-TKA, stabbilit biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati fil-laqgħat tat-TKA. |
(4) |
Fl-Istrateġija Globali tagħha tal-2016 għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni timpenja ruħha li tippromwovi ordni globali bbażat fuq ir-regoli. L-Unjoni għandha interess fil-promozzjoni ta’ regoli li jkun sar qbil dwarhom biex tipprovdi beni pubbliċi globali u tagħti kontribut għal dinja paċifika u sostenibbli. L-Unjoni tippromwovi ordni globali bbażat fuq ir-regoli bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tiegħu u n-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu. L-Unjoni tappoġġa bis-sħiħ is-sħubija li qed tikber, l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ trattati u reġimi multilaterali għad-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, fosthom it-TKA. Fil-kuntest ta’ dawk l-għanijiet ta’ politika ġenerali, l-appoġġ għas-Segretarjat tat-TKA jaqbel sew mal-għan speċifiku tat-tisħiħ tas-sistema multilaterali li tirfed kummerċ responsabbli ta’ armi. |
(5) |
Is-Segretarjat tat-TKA jinsab f’pożizzjoni tajba biex jikkomunika mal-organizzazzjonijiet multilaterali, reġjonali, nazzjonali u tas-soċjetà ċivili kollha li jwettqu proġetti b’appoġġ għall-universalizzazzjoni jew l-implimentazzjoni tat-TKA. L-Unjoni ilha ħafna wkoll tipprovdi assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, filwaqt li tappoġġa l-iżvilupp ta’ oqfsa legali u kapaċitajiet istituzzjonali għall-istabbiliment u l-infurzar ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni fuq oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari. Is-Segretarjat tat-TKA jimmira li jiżgura li l-proġetti tiegħu jkunu komplementari għall-programmi eżistenti tal-Unjoni ta’ assistenza fil-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u ta’ armi, bħal dawk taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (“TKA”), l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tas-Segretarjat tat-TKA li għandhom l-objettivi li ġejjin:
— |
li jappoġġaw l-Istati Partijiet għat-TKA fit-tisħiħ tas-sistemi tagħhom ta’ kontroll tat-trasferiment tal-armi għall-implimentazzjoni effettiva tat-TKA; |
— |
li jsaħħu l-istruttura istituzzjonali tas-Segretarjat tat-TKA bħala l-korp prinċipali biex jassisti lill-Istati Partijiet għat-TKA fl-implimentazzjoni tat-TKA. |
2. Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet proġettwali li ġejjin:
(a) |
ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tat-TKA; |
(b) |
li jistabbilixxu roster ta’ esperti għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-esperti lokali u reġjonali dwar it-TKA biex jipprovdu pariri u taħriġ dwar l-implimentazzjoni tat-TKA fil-livelli lokali u reġjonali (“taħriġ għal min iħarreġ”); |
(c) |
ta’ appoġġ għal bażi ta’ data għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi. |
Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet proġettwali msemmija f’dan il-paragrafu.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-”Rappreżentat Għoli”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet proġettwali msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha ssir mis-Segretarjat tat-TKA.
3. Is-Segretarjat tat-TKA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tat-TKA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet proġettwali msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 1 370 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mas-Segretarjat tat-TKA. Il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat tat-TKA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tat-TKA. Ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet proġettwali msemmija fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż f’dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta’ Mejju 2017 dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38).
ANNESS
DOKUMENT TA’ PROĠETT
1. Proġetti
1.1. Proġett 1: Appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tat-TKA
1.1.1. Objettiv ġenerali tal-proġett
Li tissaħħaħ il-kapaċità tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Parti, inkluż li jkabbru l-għarfien tagħhom dwar l-obbligi tat-TKA u jsiru aktar konxji dwar l-iżviluppi fil-proċess tat-TKA.
1.1.2. Sfond
Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasparenza u r-Rappurtar, it-tielet Konferenza tal-Istati Parti tat mandat lis-Segretarjat tat-TKA biex “iħejji dokument ta’ gwida għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali li jiddeskrivi r-rwol u l-kompiti possibbli għal dik il-funzjoni, inkluż dak li jiġi żgurat li r-rappurtar obbligatorju tat-TKA jitħejja u jiġi ppreżentat f’waqtu u b’mod komplet”. Lil hinn minn dan, is-Segretarjat tat-TKA identifika ħtieġa li jiġi żgurat li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali jipparteċipaw fil-laqgħat tat-TKA — inkluż il-laqgħat preparatorji u tal-Grupp ta’ Ħidma — b’mod kostruttiv.
1.1.3. Attivitajiet u riżultati
Dan il-proġett jinvolvi l-attivitajiet/ir-riżultati li ġejjin:
(a) |
It-tħejjija ta’ dokument ta’ gwida għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali li jiddeskrivi r-rwol u l-kompiti possibbli għal dik il-funzjoni; |
(b) |
Il-ħolqien ta’ paġna web/portal iddedikat speċifikament għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, b’ħoloq għall-informazzjoni pertinenti għalihom; |
(c) |
L-organizzazzjoni ta’ tliet briefings ta’ nofstanhar jew jum sħiħ iddedikati għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali qabel kull laqgħa tat-TKA, li fihom jiġu pprovduti b’informazzjoni u aġġornamenti dwar il-laqgħa li tkun ser issir u jingħataw l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet u jiċċaraw l-informazzjoni; u |
(d) |
L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu biex regolarment u sistematikament isir kuntatt mal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali fuq bażi individwali biex jingħata appoġġ għall-involviment tagħhom fit-TKA. |
1.1.4. Riżultati mistennija tal-proġett
(a) |
Għarfien akbar tal-obbligi tat-TKA (inkluż ir-rappurtar) fost il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tat-TKA; |
(b) |
Dawn isiru aktar konxji dwar il-proċess tat-TKA; |
(c) |
Tixrid wiesa’ ta’ materjal informattiv dwar it-TKA lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali u lil hinn. |
1.1.5. Benefiċjarji
Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Istati Parti.
1.2. Proġett 2: Roster ta’ esperti (taħriġ għall-ħarrieġa)
1.2.1. Objettiv ġenerali tal-proġett
Li tissaħħaħ il-kapaċità tal-esperti lokali u reġjonali tat-TKA biex jipprovdu pariri u taħriġ dwar l-implimentazzjoni tat-TKA fil-livelli lokali u reġjonali sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq konsulenti u organizzazzjonijiet internazzjonali, tittejjeb il-kwalità tat-taħriġ u l-assistenza fl-implimentazzjoni u biex jingħata kontribut għat-tfassil aħjar tal-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet.
1.2.2. Sfond
Filwaqt li xi proġetti tal-Fond Fiduċjarju Volontarju (VTF) ġew implimentati bl-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet lokali u konsulenti nazzjonali jew reġjonali, il-maġġoranza tal-proġetti tal-VTF li ġew implimentati minn mindu ġie stabbilit il-VTF mit-tieni Konferenza tal-Istati Parti involvew/impenjaw esperti internazzjonali u/jew sieħeb ta’ implimentazzjoni ta’ proġett li huwa organizzazzjoni internazzjonali (bħal entità tan-NU) jew NGO internazzjonali. It-tkomplija ta’ dipendenza fuq l-għarfien espert internazzjonali mhijiex effiċjenti jew sostenibbli għar-raġunijiet li ġejjin:
1) |
L-ivvjaġġar internazzjonali meħtieġ biex l-esperti internazzjonali jattendu u jiffaċilitaw sessjonijiet ta’ taħriġ u l-miżati ta’ kuljum jew l-onorarji mitluba minn esperti internazzjonali huma għaljin (meta mqabbla mal-kostijiet assoċjati mal-involviment ta’ espert lokali jew reġjonali); u |
2) |
It-tkomplija ta’ dipendenza fuq l-esperti internazzjonali ma ssaħħaħx il-kapaċità u l-għarfien espert tal-konsulenti lokali u reġjonali, li jistgħu jkunu kapaċi jipprovdu taħriġ u assistenza fl-implimentazzjoni sostnuti u mfassla apposta fuq medda itwal ta’ żmien. |
Barra minn hekk, mill-esperjenza tal-VTF jidher ċar li xi konsulenti u organizzazzjonijiet ikunu jeħtieġu appoġġ għall-iżvilupp sabiex iwettqu bis-sħiħ ir-rwoli tagħhom fil-proġetti ta’ implimentazzjoni tat-TKA. Is-Segretarjat tat-TKA jixtieq jindirizza l-kwistjonijiet ta’ dipendenza fuq konsulenti u organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kwalità ta’ xi ftit mit-taħriġ u l-assistenza pprovduti permezz ta’ proġett li jipprova jsaħħaħ il-kapaċità tal-konsulenti lokali u reġjonali biex jipprovdu taħriġ u assistenza fl-implimentazzjoni.
1.2.3. Attivitajiet u riżultati
Dan il-proġett jinvolvi l-attivitajiet/ir-riżultati li ġejjin:
(a) |
It-tfassil ta’ sessjoni ta’ ħidma “inħarrġu lill-ħarrieġa” li ssaħħaħ il-kapaċità tal-konsulenti lokali u reġjonali biex jipprovdu taħriġ ta’ kwalità u assistenza għall-implimentazzjoni; |
(b) |
It-tħejjija ta’ materjali ta’ taħriġ biex jiġu ffaċilitati s-sessjonijiet ta’ ħidma “inħarrġu lill-ħarrieġa”; |
(c) |
Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ma’ konsulenti f’reġjuni mmirati biex jipparteċipaw fis-sessjonijiet ta’ ħidma mfassla apposta “inħarrġu lill-ħarrieġa”; u |
(d) |
L-organizzazzjoni ta’ sitt sessjonijiet ta’ ħidma “inħarrġu lill-ħarrieġa” f’reġjuni differenti. |
1.2.4. Riżultati mistennija tal-proġett
(a) |
Għadd akbar ta’ konsulenti lokali u reġjonali li huma “esperti” tat-TKA, kif approvat mis-Segretarjat tat-TKA, li jistgħu jagħtu taħriġ ta’ kwalità u assistenza fl-implimentazzjoni fil-livell lokali u reġjonali; |
(b) |
L-iżvilupp ta’ lista pubblika ta’ konsulenti li huma approvati mis-Segretarjat tat-TKA bħala kapaċi li jagħtu taħriġ u assistenza fl-implimentazzjoni tat-TKA ta’ kwalità (roster ta’ esperti). Lista bħal din tista’, pereżempju, tiġi ċċirkolata lil riċevituri prospettivi tal-VTF li jkunu qed ifittxu konsulenti jew sħab ta’ implimentazzjoni tal-proġetti. |
1.2.5. Benefiċjarji
— |
Konsulenti lokali u reġjonali. |
— |
Donaturi u riċevituri tal-VTF. |
1.3. Proġett 3: Appoġġ għal bażi ta’ data għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi
1.3.1. Objettiv ġenerali tal-proġett
Li jiġi żviluppat mekkaniżmu għat-tlaqqigħ tal-offerti u t-talbiet għal assistenza għall-implimentazzjoni tat-Trattat sabiex jitnaqqsu d-duplikazzjoni u s-sovrapożizzjoni tal-proġetti ta’ assistenza tat-TKA u jiżdied l-għadd ta’ Stati li jirċievu assistenza mmirata.
1.3.2. Sfond
Skont l-Artikolu 18(3)(c) tat-TKA, is-Segretarjat tat-TKA għandu l-mandat li “jiffaċilita t-tlaqqigħ tal-offerti u t-talbiet għall-assistenza għall-implimentazzjoni tat-Trattat” (traduzzjoni mhux uffiċjali). Filwaqt li l-Istati Parti huma mħeġġa jfittxu assistenza, fejn meħtieġ, u jipprovdu assistenza, fuq talba, ma hemm l-ebda mekkaniżmu formali biex tintalab jew tiġi offruta assistenza skont it-TKA. Barra minn hekk, il-mudelli ta’ rappurtar attwali ma jinkludux faċilità biex tintalab jew tiġi offruta assistenza (bħal ma jinkludu mudelli fi proċessi oħra — bħall-Programm ta’ Azzjoni tan-NU dwar l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir). Is-Segretarjat tat-TKA jixtieq jesplora l-għażliet għall-iżvilupp ta’ bażi ta’ data jew mekkaniżmu ieħor għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi għall-implimentazzjoni tat-TKA fit-twettiq tal-obbligu tiegħu skont it-Trattat u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali.
1.3.3. Attivitajiet u riżultati
Dan il-proġett jinvolvi l-attivitajiet/ir-riżultati li ġejjin:
(a) |
L-esplorazzjoni ta’ għażliet għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi, inkluż permezz ta’ rieżami komparattiv tal-mekkaniżmi eżistenti f’fora oħra, kif ukoll konsultazzjonijiet kemm mar-riċevituri kif ukoll mad-donaturi; |
(b) |
It-tfassil u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi, inkluż bażi ta’ data elettronika tat-talbiet għal assistenza u l-offerta tagħha kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodda online biex tintalab l-assistenza; u |
(c) |
It-tnedija, ir-reklamar u ż-żamma tal-mekkaniżmu ta’ tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi. |
1.3.4. Riżultat mistenni tal-proġett
Informazzjoni mtejba dwar il-ħtiġijiet ta’ assistenza tal-Istati Parti kif ukoll ir-riżorsi disponibbli biex jiġu indirizzati dawk il-ħtiġijiet.
Il-mekkaniżmu żviluppat ikun allinjat mill-qrib mal-Fond Fiduċjarju Volontarju (amministrat mis-Segretarjat tat-TKA) biex tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn il-mekkaniżmi ta’ assistenza.
1.3.5. Benefiċjarji
— |
Stati Parti u Stati Firmatarji li qed ifittxu assistenza għall-implimentazzjoni tat-TKA. |
— |
Stati donaturi li qed ifittxu li jappoġġaw proġetti ta’ implimentazzjoni tat-TKA. |
2. Kunsiderazzjonijiet
2.1. Żgurar tal-komplementarjetà mal-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni li għaddejja b’rabta mat-TKA
Is-Segretarjat tat-TKA huwa familjari ma’ fondi oħra involuti fil-finanzjament ta’ proġetti relatati mal-implimentazzjoni tat-TKA, bħall-Faċilità Fiduċjarja tan-NU li Tappoġġa l-Kooperazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Armi (UNSCAR) u, naturalment, il-Proġett ta’ Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE. Is-Segretarjat tat-TKA ħadem mill-qrib mal-amministraturi/implimentaturi taż-żewġ azzjonijiet, inkluż l-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (BAFA) u Expertise France, fi sforz biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ finanzjament. Dan involva l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fuq bażi regolari — u kunfidenzjali — dwar l-applikazzjonijiet riċevuti u l-proġetti approvati mill-fondi differenti.
Fil-kuntest tal-appoġġ tal-UE lis-Segretarjat tat-TKA, is-Segretarjat tat-TKA jibni/jikkapitalizza fuq ir-relazzjoni żviluppata mal-BAFA u Expertise France biex tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn il-proġett iffinanzjat mill-UE tas-Segretarjat tat-TKA u l-ħidma li għaddejja tal-Proġett ta’ Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE. Pereżempju, is-Segretarjat tat-TKA jinvolvi membri tal-grupp ta’ esperti tal-UE biex jipparteċipaw f’sessjoni ta’ ħidma esperta biex jivvalidaw il-materjali ta’ taħriġ żviluppati għall-element “inħarrġu lill-ħarrieġa” tal-Proġett 2 (roster ta’ esperti (taħriġ għall-ħarrieġa)), u biex jaqsmu l-esperjenzi u t-tagħlimiet meħuda tagħhom.
Barra minn hekk, is-Segretarjat tat-TKA ifittex kontribut mis-sħab ta’ implimentazzjoni tal-Proġetti ta’ Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE fl-identifikazzjoni ta’ rappreżentanti tal-Istat u individwi oħra biex jintgħażlu għall-parteċipazzjoni fil-programm tas-Segretarjat tat-TKA “inħarrġu lill-ħarrieġa”. Is-Segretarjat tat-TKA jista’ jaħdem ukoll mas-sħab ta’ implimentazzjoni u l-esperti fis-Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE biex jislet il-ħtiġijiet ta’ assistenza li jista’ jkollhom l-Istati fil-mira li ġew identifikati bħala parti mill-eżerċizzju tal-pjan direzzjonali tal-UE u ħidma ta’ sensibilizzazzjoni oħra tal-UE. Tali informazzjoni tista’ tintuża biex timla l-bażi ta’ data għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi prevista fil-Proġett 3 (Appoġġ għal bażi ta’ data għat-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet u r-riżorsi).
Fil-qosor, is-Segretarjat tat-TKA jara ħafna opportunitajiet għal djalogu/sħubija kontinwa mal-Proġett ta’ Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE biex tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn iż-żewġ proġetti hekk kif dawn jistinkaw għall-għan kondiviż ta’ implimentazzjoni effettiva tat-TKA.
2.2. Impatt u implikazzjonijiet tal-COVID-19
Il-COVID-19 qed ikollha impatt fuq il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi madwar id-dinja, għalkemm f’livelli differenti. Ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment, id-daqs tal-laqgħat, u l-ivvjaġġar li bosta pajjiżi daħħlu fis-seħħ b’reazzjoni għat-tifqigħa x’aktarx li jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TKA fix-xhur, u possibbilment snin, li ġejjin.
Minħabba wkoll li t-tul tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatti tagħha mhumiex ċari u ma jistgħux jitbassru f’dan l-istadju, ser ikun diffiċli li wieħed ikun jaf b’ċertezza x’inhuma l-implikazzjonijiet għal dawk l-attivitajiet tal-proġetti li jinvolvu vvjaġġar internazzjonali u/jew laqgħat wiċċ imb’wiċċ, kif ukoll l-iskedi ta’ żmien.
Is-Segretarjat tat-TKA ser iqis dawn iċ-ċirkostanzi fl-ippjanar tal-proġetti tiegħu b’dawn il-modi li ġejjin:
L-ewwel nett, is-Segretarjat tat-TKA ħejja abbozz ta’ skeda ta’ proġetti għall-implimentazzjoni tat-tliet proġetti deskritti fil-proposta li jiżgura li matul l-ewwel 15-il xahar tal-proġett (April 2021-Ġunju 2022) jitwettaq ammont kemm jista’ jkun kbir mit-tħejjija bbażata fuq id-dokumentazzjoni, l-ippjanar, is-sensibilizzazzjoni, ir-riċerka u l-abbozzar meħtieġa għal kull wieħed mill-proġetti. Dawk l-attivitajiet li jeħtieġu involviment wiċċ imb’wiċċ — jiġifieri s-sessjonijiet ta’ ħidma “inħarrġu lill-ħarrieġa” previsti fil-Proġett 2 (Roster ta’ esperti (taħriġ għall-ħarrieġa)) — ser jiġu skedati li jsiru fit-tieni sena tal-proġett (Lulju — Novembru 2022). Naturalment, f’każ li l-pandemija tal-COVID tkun għadha qed tħalli impatt fuq il-kapaċità li wieħed jivvjaġġa u jwettaq sessjonijiet ta’ ħidma wiċċ imb’wiċċ f’Ottubru 2022, jista’ jkun meħtieġ li tiġi kkunsidrata estensjoni taż-żmien jew pjan ta’ kontinġenza ieħor.
It-tieni, is-Segretarjat tat-TKA għandu pjanijiet ta’ kontinġenza fis-seħħ fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet ta’ proġetti li jikkontemplaw l-involviment wiċċ imb’wiċċ jew personali. Pereżempju, il-Proġett 1 (Appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tat-TKA) jikkontempla l-organizzazzjoni ta’ briefing ta’ nofstanhar jew jum sħiħ iddedikata għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali qabel kull laqgħa tat-TKA (li tibda fit-tmien ċiklu tal-Konferenza tal-Istati Parti), li fiha jiġu pprovduti b’informazzjoni u aġġornamenti dwar il-laqgħa li tkun ser issir u jingħataw l-opportunità li jistaqsu mistoqsijiet u jiċċaraw l-informazzjoni. Filwaqt li huwa ttamat li dawn il-briefings jistgħu u ser isiru personalment qabel kull laqgħa tat-TKA (kif ukoll il-laqgħa nnifisha), jekk dan ma jkunx possibbli minħabba restrizzjonijiet tal-COVID, tali briefings jistgħu jsiru virtwalment, skont ir-reġjun (jekk meħtieġ) biex jiġu indirizzati l-fatturi taż-żoni tal-ħin u l-lingwi.