16.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/168


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/624

tat-12 ta’ April 2021

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward ta’ emendi għall-Appendiċijiet I u III ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (1) (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża fl-20 ta’ Mejju 1987 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

(2)

Taħt il-punt (a) tal-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni jkun meħtieġ jadotta, permezz ta’ deċiżjoni, emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

(3)

Kmieni fl-2021, il-Kumitat Konġunt ikun meħtieġ jadotta deċiżjoni dwar l-emenda tal-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni.

(4)

L-Artikolu 311 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (2) (ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), dwar it-talba għat-trasferiment tal-irkupru tad-dejn doganali, ġie emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1394 (3). Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 50 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika l-Artikolu 311 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jiġi emendat skont dan.

(5)

L-Anness 72-04 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dwar il-proċedura tal-kontinwità tal-operat għat-tranżitu tal-Unjoni, ġie emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/893 (4). Ġiet prorogata l-validità taċ-ċertifikati ta’ garanzija komprensiva u taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni mill-garanzija f’forma kartaċja sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà fil-proċedura tal-kontinwità tal-operat fi tranżitu u biex jitnaqqsu l-formalitajiet u l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet doganali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 79 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni u l-punt 19.3 fil-Kapitolu III tal-Anness II tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplikaw il-punt 19.3 fil-Kapitolu III tal-Parti I tal-Anness 72-04 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jiġu emendati skont dan.

(6)

Meta l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit se jaċċedi għall-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti separata (5) u se jkun applikabbli l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (6). Il-Konvenzjoni tinkludi referenzi għall-ismijiet ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, għal pajjiżi ta’ tranżitu komuni u għal kodiċijiet rispettivi tal-pajjiżi. Għalhekk hemm bżonn li ssir emenda fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni biex jiġi indikat li r-Renju Unit huwa pajjiż ta’ tranżitu komuni u li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-garanziji, japplika fl-Irlanda ta’ Fuq.

(7)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-emendi fl-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni peress li dawk l-emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt matul it-33 laqgħa tiegħu jew f’laqgħa sussegwenti jew permezz ta’ proċedura bil-miktub, fir-rigward tal-emendi għall-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (7).

Jista’ jintlaħaq qbil dwar modifiki żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1394 tal-10 ta’ Settembru 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar sorveljanza għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa u ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni (ĠU L 234, 11.9.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/893 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 206, 30.6.2020, p. 8).

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC tal-4 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward ta’ stedina lir-Renju Unit biex jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu [2018/1987] (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 47).

(6)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(7)  Ara d-dokument ST 6126/21 hawnhekk:http://register.consilium.europa.eu.