|
17.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 234/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Mejju 2021
li tistabbilixxi l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka għal Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li tħassar id-Deċiżjoni C(2013)8915
(2021/C 234 I/03)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2021-2027), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità mal-azzjonijiet u l-attivitajiet imwettqa skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (1), il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (“ERC”) stabbilit b’din id-Deċiżjoni għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet skont il-Pilastru I “Xjenza Eċċellenti” ta’ Orizzont Ewropa, jenħtieġ li jissostitwixxi l-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013 li twaqqaf il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (2). |
|
(2) |
L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764 jipprevedi li l-ERC jeħtieġ ikun magħmul minn Kunsill Xjentifiku indipendenti previst fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Deċiżjoni u l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata prevista fl-Artikolu 10 ta’ dik id-Deċiżjoni. L-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata ġiet stabbilita bħala aġenzija eżekuttiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 953 tat-12 ta’ Frar 2021 f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (3). |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, il-Kunsill Xjentifiku jeħtieġ ikun magħmul minn xjentisti, inġiniera u akkademiċi indipendenti tal-aqwa reputazzjoni u bl-għarfien espert adattat, kemm nisa kif ukoll irġiel minn gruppi differenti ta’ età, li jiżguraw diversità tal-oqsma tar-riċerka u varjetà fir-rigward tal-oriġini ġeografika, u li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom indipendentement minn interessi estranji. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku jeħtieġ jinħatru mill-Kummissjoni, wara proċedura indipendenti u trasparenti għall-identifikazzjoni tagħhom maqbula mal-Kunsill Xjentifiku, li tkun tinkludi konsultazzjoni miftuħa tal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni b’suċċess lejn Orizzont Ewropa, il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni C(2013) 8915 ġie estiż bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9154 tas-16 ta’ Diċembru 2020 sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni fil-ħin tal-programm speċifiku Orizzont Ewropea, il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC stabbilit bid-Deċiżjoni C(2013) 8915 diġà stabbilixxa pożizzjonijiet preliminari b’antiċipazzjoni tal-miżuri li jeħtieġ jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764. Dawk il-pożizzjonijiet preliminari jenħtieġ li jiġu approvati jew rifjutati mill-Kunsill Xjentifiku stabbilit b’din id-Deċiżjoni. |
|
(6) |
Id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-Kunsill Xjentifiku jenħtieġ li jiġu stabbiliti. |
|
(7) |
Id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jsiru biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn il-Kunsill Xjentifiku u l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata tal-ERC. |
|
(8) |
Il-Kunsill Xjentifiku jenħtieġ li jkollu aċċess għad-dokumenti u d-data meħtieġa għal ħidmitu f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2021/764 tipprevedi l-kumpens tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għall-kompiti li jwettqu. Ir-regoli jenħtieġ li jiġu stabbiliti għal dak l-għan. |
|
(10) |
Id-Deċiżjoni C(2013)8915 jenħtieġ li titħassar, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Stabbiliment tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka
Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (“ERC”) huwa stabbilit għall-perjodu mit-12 ta’ Mejju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 2
Membri tal-Kunsill Xjentifiku
1. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jkun magħmul mill-President tal-ERC (“il-President tal-ERC”) u 21 membru ieħor. Il-21 persuna elenkati fl-Anness I huma maħtura bħala membri oħra tal-Kunsill Xjentifiku għall-mandat stabbilit fih.
2. Il-membri għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull kunflitt ta’ interess li jista’ jikkomprometti l-oġġettività tagħhom.
3. Il-membri għandhom jinħatru għal mandat sa erba’ snin, li jiġġedded darba. Membru jista’ jinħatar għal perjodu inqas mill-massimu biex b’hekk ikun hemm rotazzjoni mqassma tal-membri.
4. F’każijiet ġustifikati kif jistħoqq, sabiex tinżamm l-integrità jew il-kontinwità tal-Kunsill Xjentifiku, il-Kummissjoni tista’ ttemm il-mandat ta’ membru b’inizjattiva tagħha stess.
5. Meta membru jirriżenja jew il-Kummissjoni ttemmlu l-mandat, għandu jinħatar membru ġdid. F’każ ta’ riżenja jew terminazzjoni tal-mandat tal-President tal-ERC, il-Kummissjoni tista’ taħtar lil membru ieħor tal-Kunsill Xjentifiku jew lil xi President tal-ERC preċedenti bħala President tal-ERC ad interim, għal perjodu ta’ żmien limitat sakemm jinħatar President tal-ERC ġdid.
Artikolu 3
Operat tal-Kunsill Xjentifiku
1. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu, kif ukoll kodiċi tal-kondotta dwar il-kunfidenzjalità, il-kunflitt ta’ interess u l-ipproċessar tad-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.
2. Il-Kunsill Xjentifiku għandu jiltaqa’ f’seduta plenarja kif meħtieġ minn ħidmietu. Is-sommarju tal-minuti tal-laqgħat plenarji għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ERC.
3. Il-President jista’ jiddeċiedi li jiltaqa’ f’sessjoni magħluqa f’konformità mar-regoli tal-proċedura tal-Kunsill Xjentifiku.
4. Minn fost il-membri tiegħu, il-Kunsill Xjentifiku jista’ jistabbilixxi kumitati permanenti, gruppi ta’ ħidma u strutturi oħra li jindirizzaw kompiti speċifiċi tal-Kunsill Xjentifiku.
5. Il-pożizzjonijiet preliminari tal-Kunsill Xjentifiku stabbilit bid-Deċiżjoni C(2013) 8915 dwar il-miżuri li jeħtieġ jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/764, għandhom jiġu approvati jew irrifjutati mill-Kunsill Xjentifiku stabbilit skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Kooperazzjoni fil-Kunsill Ewropew tar-Riċerka
Il-Kunsill Xjentifiku u l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għandhom jiżguraw il-koerenza bejn l-aspetti strateġiċi u operazzjonali kollha tal-attivitajiet tal-ERC. Il-President tal-ERC, il-Viċi Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku u d-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għandu jkollhom laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni biex jiżguraw koperazzjoni effettiva.
Artikolu 5
Forniment ta’ dokumenti u data
1. Il-Kummissjoni u l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għandhom jipprovdu lill-Kunsill Xjentifiku bid-dokumenti, id-data u l-assistenza meħtieġa għal ħidmitu li jippermettulu jopera f’kundizzjonijiet ta’ awtonomija u indipendenza, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.
2. F’każ li d-dokumenti u d-data jew l-aċċess għad-data personali ma jkunux jistgħu jingħataw minħabba raġunijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità, is-sigurtà jew l-interess pubbliku, il-Kummissjoni jew l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata għandhom jipprovdu dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kunsill Xjentifiku b’dawk ir-raġunijiet, kif ukoll bi kwalunkwe informazzjoni fuq is-suġġett ikkonċernat li jqisu li tista’ tingħata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti.
Artikolu 6
Kumpens tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għajr il-President tal-ERC
Ir-regoli dwar l-onorarji għall-kompiti mwettqa mill-membri tal-Kunsill Xjentifiku għajr il-President tal-ERC u r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tagħhom huma stabbiliti fl-Anness II.
Id-Deċiżjoni C(2013) 8915 hija mħassra.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
Mariya GABRIEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).
(2) C(2013) 8915 (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 23).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS I
Membri tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC mit-12 ta’ Mejju 2021
|
Isem u Istitut |
Tmiem tal-mandat |
|
Geneviève ALMOUZNI, CNRS/iċ-Ċentru tar-Riċerka Institut Curie, Pariġi |
30 ta’ Ġunju 2023 |
|
Manuel ARELLANO, iċ-Ċentru għall-Istudji Monetarji u Finanzjarji, Madrid |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Paola BOVOLENTA, Universidad Autónoma de Madrid |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Margaret BUCKINGHAM, l-Istitut Pasteur, Pariġi |
31 ta’ Diċembru 2021 |
|
Eveline CRONE, l-Università ta’ Leiden |
31 ta’ Diċembru 2023 |
|
Ben FERINGA, l-Università ta’ Groningen |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Mercedes GARCÍA-ARENAL, Centro de Ciencias Humanas y Sociales, Madrid |
30 ta’ Ġunju 2023 |
|
Gerd GIGERENZER, Max-Planck-Institut für Bildungsforschung, Berlin |
31 ta’ Diċembru 2023 |
|
Liselotte HOJGAARD, l-Università ta’ Copenhagen |
31 ta’ Diċembru 2024 |
|
Dirk INZÉ, l-Università ta’ Ghent |
31 ta’ Diċembru 2024 |
|
Andrzej JAJSZCZYK, l-Università AGH tax-Xjenza u t-Teknoloġija, Krakovja |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Eystein JANSEN, l-Università ta’ Bergen |
30 ta’ Ġunju 2023 |
|
Michael KRAMER, l-Istitut Max Planck għar-Radjuastronomija, Bonn |
31 ta’ Diċembru 2021 |
|
Rodrigo MARTINS, l-Akkademja Ewropea tax-Xjenza |
31 ta’ Diċembru 2024 |
|
Kurt MEHLHORN, l-Istitut Max-Planck għall-Informatika, Saarbrücken |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Nicola SPALDIN, ETH Zurich |
31 ta’ Diċembru 2024 |
|
Jesper QUALMANN SVEJSTRUP, l-Istitut Francis Crick, Londra |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Barbara ROMANOWICZ, il-Laboratorju Sisomoloġiku ta’ Berkeley |
31 ta’ Diċembru 2021 |
|
Nektarios TAVERNARAKIS, l-Istitut tal-Bijoloġija Molekulari u l-Bijoteknoloġija, il-Fondazzjoni għar-Riċerka u t-Teknoloġija – Hellas |
31 ta’ Diċembru 2022 |
|
Milena ŽIC FUCHS, l-Università ta’ Zagreb |
31 ta’ Diċembru 2023 |
|
Alice VALKÁROVÁ, il-Fondazzjoni tax-Xjenza Ċeka |
31 ta’ Diċembru 2024 |
ANNESS II
Regoli dwar il-kumpens tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għajr il-President tal-ERC, kif imsemmi fl-Artikolu 6
1.
L-onorarji tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku għajr il-President tal-ERC kif ukoll l-ispejjeż tal-ivjaġġar u tal-alloġġ tagħhom fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom, għandhom jitħallsu minn struttura ta’ implimentazzjoni dedikata f’konformità ma’ kuntratt li jinkludi l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 2 sa 7.
2.
L-onorarji tal-Viċi Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku għandhom ikunu EUR 3 500 għall-attendenza sħiħa ta’ laqgħa plenarja u EUR 1 750 għall-attendenza parzjali.
3.
L-onorarji tal-membri l-oħra msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu EUR 2 000 għall-attendenza sħiħa ta’ laqgħa plenarja u EUR 1 000 għall-attendenza parzjali.
4.
L-onorarji addizzjonali tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku u tal-Viċi Presidenti, li jeżerċitaw pożizzjoni ta’ responsabbiltà, definita bħala Koordinatur tad-Dominju, President tal-Kumitat Permanenti, Membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija jew President tal-Grupp ta’ Ħidma, għandhom ikunu EUR 2 250 fis-sena (pro rata għal inqas minn sena) għal kull rwol. Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku u l-Viċi Presidenti jista’ jkollhom iktar minn rwol wieħed bħal dawn u għandhom ikunu kkumpensati skont dan.
5.
Il-pagamenti tal-onorarji għandhom jiġu awtorizzati mid-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata jew mill-viċi tiegħu/tagħha abbażi ta’ lista ta’ attendenza vvalidata mill-President tal-ERC u mid-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata jew mill-viċijiet tagħhom. Il-lista ta’ attendenza għandha tindika jekk kull membru attendiex il-laqgħa kollha (attendenza sħiħa) jew parti minnha biss (attendenza parzjali).
6.
Il-pagamenti tal-onorarji addizzjonali għandhom ikunu awtorizzati mid-Direttur tal-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata jew mill-viċi tiegħu/tagħha abbażi tal-ħatra tal-membru għal kull rwol kif ivvalidat mill-President tal-ERC.
7.
Għal laqgħat oħrajn għajr il-laqgħat plenarji, l-istruttura ta’ implimentazzjoni dedikata, meta xieraq, għandha tirrimborża lura l-ispejjeż tal-ivjaġġar u tal-alloġġ tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom, f’konformità mal-kuntratt u r-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens tal-esperti esterni (1).
8.
L-onorarji u l-ispejjeż tal-ivjaġġar u tal-alloġġ għandhom jitħallsu mill-baġit operazzjonali tal-Programm Speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2021/764.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021)3402.