|
29.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 108/4 |
DEĊIŻJONI (UE) 2021/537 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Marzu 2021
li temenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/17/KE u 2005/834/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post u tal-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli mwettqa fir-Renju Unit
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (3) tipprevedi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq ċerti uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni għandhom jitqiesu ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u li, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċijiet prodotta f’dawk il-pajjiżi terzi għandha titqies ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/834/KE (4) tistabbilixxi regoli dwar l-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet imwettqa f’ċerti pajjiżi terzi. Hija tipprevedi li l-kontrolli uffiċjali fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet imwettqa f’dawk il-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni, għall-ispeċijiet koperti mid-Direttivi msemmija għal kull wieħed minn dawk il-pajjiżi terzi, għandhom jipprovdu l-istess garanziji bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri. |
|
(3) |
Ir-Renju Unit ittraspona u implimenta b’mod effettiv id-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (5), 66/402/KEE (6), 2002/53/KE (7), 2002/54/KE (8), 2002/55/KE (9) u 2002/57/KE (10), kif ukoll l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dawk id-Direttivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu r-regoli li fuq il-bażi tagħhom dawk id-Direttivi jirrikonoxxu l-ekwivalenza kkonċernata. |
|
(4) |
Il-liġi tal-Unjoni, inklużi d-Deċiżjonijiet 2003/17/KE u 2005/834/KE, kienet applikabbli għar-Renju Unit u fih, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (11) (il-‘Ftehim dwar il-Ħruġ’), u b’mod partikolari mal-Artikolu 126 u mal-Artikolu 127(1) tiegħu. |
|
(5) |
Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tal-ekwivalenza, mill-1 ta’ Jannar 2021, ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf, ta’ żerriegħa taċ-ċereali, ta’ żerriegħa tal-pitravi, ta’ żerriegħa tal-ħxejjex u ta’ żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fir-Renju Unit għal żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf, għal żerriegħa taċ-ċereali, għal żerriegħa tal-pitravi, għal żerriegħa tal-ħxejjex u għal żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fl-Unjoni u f’konformità mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE. |
|
(6) |
Ir-Renju Unit talab ukoll ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza fir-rigward tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet imwettqa fir-Renju Unit skont id-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, u wkoll skont id-Direttiva 2002/53/KE. |
|
(7) |
Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tiegħu, li tittrasponi d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE mhijiex se tinbidel u tkompli tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit u l-ekwivalenza tagħha mar-rekwiżiti tal-Unjoni, u kkonkludiet li l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa jitwettqu kif xieraq u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti xierqa tad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/54/KE u 2002/57/KE. |
|
(9) |
Għalhekk, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, huwa xieraq li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fir-rigward ta’ dawk iż-żrieragħ prodotti fir-Renju Unit u ċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tiegħu. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tar-Renju Unit u l-ekwivalenza tagħha mad-dispożizzjonijiet dwar il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet skont id-Direttivi 2002/53/KE u 2002/55/KE. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma ta’ dawk il-varjetajiet imwettqa fir-Renju Unit jagħtu l-istess garanziji bħal dawk imwettqa mill-Istati Membri. |
|
(11) |
Għalhekk, huwa xieraq li tiġi rikonoxxuta l-ekwivalenza tal-kontrolli fuq il-prattiki għaż-żamma tal-varjetajiet, kif previst fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE u 2002/57/KE, imwettqa fir-Renju Unit. |
|
(12) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Renju Unit jiġi inkluż fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE u fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/834/KE, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll. |
|
(13) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2003/17/KE u 2005/834/KE jiġu emendati kif xieraq. |
|
(14) |
Fid-dawl tal-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ intemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li tapplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi għad-Deċiżjonijiet 2003/17/KE u 2005/834/KE
1. L-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE huwa emendat f’konformità mal-punt 1 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-Anness tad-Deċiżjoni 2005/834/KE huwa emendat f’konformità mal-punt 2 tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) L-opinjoni tas-27 ta’ Jannar 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 2021.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tat-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuh tar-raba li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/834/KE tat-8 ta’ Novembru 2005 dwar l-ekwivalenza tal-kontrolli, rigward il-prattika għaż-żamma ta’ varjetajiet, imwettqa f’pajjiżi terzi u li temenda d-Deċiżjoni 2003/17/KE (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 51).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2298).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU L 125, 11.7.1966, p. 2309).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).
ANNESS
1.
Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE, it-tabella hija emendata kif ġej:|
(1) |
ir-ringiela li ġejja tiddaħħal bejn ir-ringieli “CL” u “IL”:
|
|
(2) |
fin-nota (*) f’qiegħ il-paġna, dak li ġej jiddaħħal bejn “CL— iċ-Ċilì,” u “IL — l-Iżrael,”: “GB — Ir-Renju Unit,”. |
2.
Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/834/KE, it-tabella hija emendata kif ġej:|
(1) |
ir-ringiela li ġejja tiddaħħal bejn ir-ringieli “CS” u “IL”:
|
|
(2) |
fin-nota (*) f’qiegħ il-paġna, dak li ġej jiddaħħal bejn “CS — Serbja u Montenegro,” u “IL — Iżrael,”. “GB — Ir-Renju Unit,”. |