18.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/463

tad-9 ta’ Marzu 2021

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR, fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-“Konvenzjoni TIR”) ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 (1) u daħlet fis-seħħ, fir-rigward tal-Komunità, fl-20 ta’ Ġunju 1983.

(2)

Verżjoni konsolidata tal-Konvenzjoni TIR ġiet ippubblikata bħala Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE (2). Dik id-Deċiżjoni tipprevedi li l-Kummissjoni trid tippubblika emendi futuri għall-Konvenzjoni TIR f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tindika d-data meta dawn jidħlu fis-seħħ.

(3)

Taħt il-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni TIR (il-“Kumitat Amministrattiv”) jista’ jadotta emendi għall-Konvenzjoni TIR u l-Annessi tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu preżenti u li jivvotaw.

(4)

Matul l-74 sessjoni tiegħu mid-9 sat-12 ta’ Frar 2021 jew f’sessjoni sussegwenti, il-Kumitat Amministrattiv irid jadotta diversi emendi għall-Annessi tal-Konvenzjoni TIR.

(5)

Sabiex jittieħed kont tal-emenda adottata preċedentement tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni TIR, li żiedet l-għadd totali ta’ uffiċċji doganali li jistgħu jkunu involuti f’operazzjoni TIR, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Anness 1 tal-Konvenzjoni TIR u jiġi aġġornat it-tfassil tal-Verżjoni1 u l-Verżjoni 2 tal-mudell tal-Carnet tat-TIR.

(6)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv fir-rigward tal-emendi għall-Konvenzjoni TIR, peress li dawk l-emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR, matul l-74 sessjoni tiegħu mid-9 sat-12 ta’ Frar 2021 jew f’sessjoni sussegwenti, fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Jista’ jintlaħaq qbil dwar modifiki żgħar fl-abbozz tal-emendi mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni meta jittieħed vot formali fil-Kumitat Amministrattiv, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE tat-28 ta’ Mejju 2009 li tippubblika f’forma konsolidata t-test tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti ta’ merkanzija li jaqgħu taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra kif emendata minn dik id-data ’l hawn (ĠU L 165, 26.6.2009, p. 1).


ANNESS

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 2 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR, Nru 5 tar-“règles relatives à l’utilisation du carnet TIR”

quatre tiġi sostitwita b’huit

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 3 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR Verżjoni 1, Nru 5 tar-regoli dwar l-użu tal-Carnet TIR

four tiġi sostitwita b’eight

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 5 (bajda) tal-mudell tal-Carnet TIR, Vawċer Nru 1

Il-Vawċer Nru 1 eżistenti jiġi sostitwit  (1) bi

L-Anness 1, VERŻJONI 1, Paġna 6 (ħadra) tal-mudell tal-Carnet TIR Verżjoni 1, Vawċer Nru 2

Il-Vawċer Nru 2 eżistenti jiġi sostitwit  (2) bi

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 2 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR, Nru 5 tar-“règles relatives à l’utilisation du carnet TIR”

quatre tiġi sostitwita b’huit

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 3 tal-qoxra: Mudell tal-Carnet TIR Verżjoni 1, Nru 5 tar-regoli dwar l-użu tal-Carnet TIR

four tiġi sostitwita b’eight

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 12 (bajda) tal-mudell tal-Carnet TIR, Vawċer Nru 1

Il-Vawċer Nru 1 eżistenti jiġi sostitwit  (3) bi

L-Anness 1, VERŻJONI 2, Paġna 13 (ħadra) tal-mudell tal-Carnet TIR, Vawċer Nru 2

Il-Vawċer Nru 2 eżistenti jiġi sostitwit  (4) bi

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4


(1)  Ara l-paġna 2 ta’ dan l-anness.

(2)  Ara l-paġna 3 ta’ dan l-anness.

(3)  Ara l-paġna 4 ta’ dan l-anness.

(4)  Ara l-paġna 5 ta’ dan l-anness.