12.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/198


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/443

tat-18 ta’ Frar 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tas-Sħubija stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-data li fiha għandha tieqaf l-applikazzjoni proviżorja taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/2252 (1) dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (3) (il-“Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni”) (flimkien imsejħin il-“Ftehimiet”).

(2)

Il-Ftehim dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni huwa ftehim supplimentari għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, marbut intrinsikament ma’ dan tal-aħħar b’mod partikolari fir-rigward tad-dati tad-dħul fis-seħħ u tat-terminazzjoni.

(3)

Taħt l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/2252, u kif miftiehem mill-Partijiet fil-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Ftehimiet japplikaw fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2021, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(4)

Skont fil-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-applikazzjoni proviżorja għandha tieqaf f’waħda mid-dati li ġejjin, skont liema minnhom tiġi l-ewwel: it-28 ta’ Frar 2021 jew data oħra kif deċiż mill-Kunsill tas-Sħubija stabbilit mill-Artikolu INST.1 [Kunsill ta’ Sħubija] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (il-“Kunsill ta’ Sħubija”); jew l-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih iż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni rispettivi tagħhom għall-istabbiliment tal-kunsens tagħhom li jintrabtu.

(5)

Minħabba ż-żmien meħtieġ mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiskrutinizzaw b’mod adegwat it-testi tal-Ftehimiet f’kull waħda mill-24 lingwa awtentika, l-Unjoni mhijiex se tkun tista’ tikkonkludi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni sat-28 ta’ Frar 2021.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill tas-Sħubija jistabbilixxi data aktar tard meta tieqaf l-applikazzjoni proviżorja, b’kont meħud tad-data meta l-24 verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Ftehimiet ikunu ġew riveduti u stabbiliti bħala awtentiċi u definittivi. Fid-dawl tad-data prevista għad-disponibbiltà ta’ dawk il-verżjonijiet awtentiċi u definittivi tal-Ftehimiet, jenħtieġ li l-Kunsill tas-Sħubija jiffissa t-30 ta’ April 2021 bħala d-data meta tieqaf l-applikazzjoni proviżorja.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tas-Sħubija.

(8)

Sabiex il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkunu jistgħu jiġu applikati fil-pront, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tas-Sħubija stabbilit mill-Artikolu INST.1 [Kunsill ta’ Sħubija] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, fir-rigward ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed f’konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sħubija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kunsill tas-Sħubija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tat-29 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).

(2)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.

(3)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L 444, 31.12.2020, p. 1463.


ABBOZZ TA’

DEĊIŻJONI NRU 1/2021 TAL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA,

ta’ …

fir-rigward tad-data li fiha għandha tieqaf l-applikazzjoni proviżorja taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

IL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), il-Partijiet qablu li japplikaw b’mod proviżorju l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 dment li qabel dik id-data jkunu nnotifikaw lil xulxin li r-rekwiżiti interni rispettivi tagħhom u l-proċeduri meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja tlestew. L-applikazzjoni proviżorja għandha tieqaf f’waħda mid-dati li ġejjin, skont liema tiġi l-ewwel: 28 ta’ Frar 2021 jew data oħra kif deċiż mill-Kunsill tas-Sħubija; jew l-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih iż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni rispettivi tagħhom għall-istabbiliment tal-kunsens tagħhom li jintrabtu.

(2)

Minħabba li l-Unjoni Ewropea mhijiex se tkun tista’, minħabba rekwiżiti proċedurali interni, tikkonkludi l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni sat-28 ta’ Frar 2021, jenħtieġ li l-Kunsill tas-Sħubija jiffissa t-30 ta’ April 2021 bħala d-data li fiha għandha tieqaf l-applikazzjoni proviżorja skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data li fiha għandha tieqaf l-applikazzjoni proviżorja skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 tal-Artikolu FINPROV.11 [Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja] tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandha tkun it-30 ta’ April 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kunsill tas-Sħubija

Il-Kopresidenti


(1)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU UE L 444, 31.12.2020, p. 14.