12.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 86/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/430

tal-5 ta’ Marzu 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto dwar l-Avvanz tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità, al-Ġustizzja Kriminali u tal-Istat tad-Dritt: lejn il-ksib tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Erbatax-il Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali li ser isir mis-7 sat-12 ta’ Marzu 2021 fi Kjoto, fil-Ġappun

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1), 83(1) u 84, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-erbatax-il Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali ser isir fi Kjoto, fil-Ġappun, mis-7 sat-12 ta’ Marzu 2021 (il-“Kungress”). L-eżitu ewlieni tal-Kungress ta’ Kjoto ser tkun id-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto dwar l-Avvanz tal-Prevenzjoni tal-Kriminali, tal-Ġustizzja Kriminali u tal-Istat tad-Dritt: lejn il-ksib tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (id-“Dikjarazzjoni ta’ Kjoto”). Id-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto għandha tiġi adottata fil-Kungress.

(2)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto tistabbilixxi l-qafas tal-politika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali għall-ħames snin li ġejjin. Tirreferi għall-konnessjoni bejn l-iżvilupp min-naħa waħda u l-istat tad-dritt u l-ħtieġa għal sforzi kontra l-korruzzjoni min-naħa l-oħra, għall-importanza li tiġi avvanzata l-prevenzjoni tal-kriminalità, bl-inklużjoni tal-prevenzjoni tal-kriminalità bbażata fuq l-evidenza, li jiġu avvanzati s-sistemi tal-ġustizzja kriminali, u l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-assistenza teknika għall-prevenzjoni u l-indirizzar tas-suriet kollha ta’ kriminalità, fosthom it-terroriżmu u s-suriet emerġenti ta’ kriminalità bħal dawk li jkollhom impatt fuq l-ambjent.

(3)

L-Unjoni ilha wieħed mis-sħab ewlenin tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u qiegħda tiffinanzja diversi inizjattivi fil-prevenzjoni u l-ġlieda tal-kriminalità, bħat-tnedija riċenti tal-Pjattaforma ta’ Tagħlim Kontra t-Terroriżmu f’April 2020. Fuq skala akbar, is-sħubija operazzjonali bejn l-Unjoni u l-UNODC ssaħħet matul is-snin, fosthom permezz tal-finanzjament ta’ diversi proġetti.

(4)

L-Unjoni użat il-kompetenza tagħha abbażi tal-Artikoli 82(1) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), biex tilleġiżla f’dawk l-oqsma sabiex tikseb aħjar iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja permezz tal-adozzjoni tad-Direttivi 2011/36/UE (1), 2011/93/UE (2), 2013/40/UE (3), 2014/42/UE (4), (UE) 2017/541 (5), (UE) 2018/1673 (6) u (UE) 2019/713 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(5)

Għaldaqstant, l-Artikoli 82(1) u 83(1) TFUE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika għal aktar azzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha bħala azzjoni ta’ segwitu għall-Kungress, fir-rispett tal-impenn li sar fid-Dikjarazzjoni ta’ Doha u li għandu jittenna mill-ġdid mad-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto, b’konformità mar-Riżoluzzjoni 72/192 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(6)

L-Artikolu 218(9) TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto. Dan jipprevedi li, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali.

(7)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom l-għan li jsiru l-atturi ewlenin fil-ġlieda internazzjonali kontra l-kriminalità. Il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati r-reati transfruntiera saret aktar ċara matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija tal-COVID-19 ġiet sfruttata minn kriminali u gruppi tal-kriminalità organizzata madwar id-dinja, u dan wera kemm il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u fil-ġustizzja huma ta’ importanza kbira.

(8)

L-isfidi attwali fl-ambitu tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġustizzja kriminali joħolqu riskji għas-sigurtà interna tal-Unjoni, iżda l-ambitu tagħhom imur ferm lil hinn mill-Unjoni. Il-pożizzjoni adottata fi Kjoto u l-eżitu tagħha ser jikkostitwixxu opportunità unika għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha li jsaħħu l-politiki tagħhom, biex b’hekk jikkollaboraw aħjar fil-livell internazzjonali, u jmexxu l-avvanz tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

(9)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali tan-NU, fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC) u fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-rigward tad-Dikjarazzjoni ta’ Kyoto, minħabba li d-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto ser tinfluwenza l-Programm Globali UNODC u ser tkun tista’ tinfluwenza l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni b’mod deċiżiv, jiġifieri l-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

(10)

Id-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto ser issaħħaħ il-qafas ġuridiku internazzjonali eżistenti u tikkostitwixxi l-bażi biex tittieħed aktar azzjoni fuq diversi oqsma tal-kriminalità fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi approvata l-adozzjoni d-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto fil-Kungress.

(11)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(12)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(13)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa b’mod konġunt mill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Kungress. F’konformità mad-dmir ta’ kooperazzjoni sinċiera, l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jiddefendu dik il-pożizzjoni fi stadji sussegwenti tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Erbatax-il Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u tal-Ġustizzja Kriminali (il-“Kungress”) fi Kjoto, fil-Ġappun, mis-7 sat-12 ta’ Marzu 2021 għandha tkun li tapprova l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto dwar l-Avvanz tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità, tal-Ġustizzja Kriminali u tal-Istat tad-Dritt: lejn il-ksib tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (“id-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto”). L-abbozz tad-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa b’mod konġunt mill-Istati Membri tal-Unjoni li jieħdu sehem fil-Kungress.

Artikolu 3

Bidliet żgħar fid-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

(4)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 18).