26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/358

tat-22 ta’ Frar 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (8) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 16 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 (2), l-Estonja kienet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (8) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 40 000. L-Estonja kienet awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.

(3)

Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 (3) li temenda l-Artikolu 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u li tistabbilixxi regoli ġodda għall-impriżi ż-żgħar, inkluż l-iffissar tas-soll massimu tal-fatturat annwali tal-Istat Membru għal 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(4)

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Ottubru 2020, l-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(5)

Permezz tal-ittra bid-data tal-15 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet l-Estonja. B’ittra datata d-19 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa biex tqis it-talba.

(6)

Il-miżura ta’ deroga hija skont l-għanijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008 bit-titolu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

(7)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdiet l-Estonja, il-miżura ta’ deroga ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur mill-Estonja fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta ser ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(8)

Il-miżura ta’ deroga mhix ser taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li l-Estonja ser twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (4).

(9)

Minħabba l-impatt pożittiv potenzjali tal-miżura ta’ deroga fis-simplifikazzjoni tal-obbligi tal-VAT billi jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż għan-negozji ż-żgħar, l-Estonja għandha tkun awtorizzata li tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga għal perjodu ulterjuri.

(10)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2020/285 tirrikjedi li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u li japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Estonja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(11)

Sabiex jiġu evitati effetti ta’ tfixkil, l-Estonja għandha tkun tista tapplika l-miżura ta’ deroga mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti awtorizzati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563.

(12)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563, it-tieni paragrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta’ Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).