26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/184


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/351

tat-22 ta’ Frar 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (“il-Ftehim”), innegozjat taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), li tagħha l-Unjoni hija Membru, ġie approvat mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/443/UE (1). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Ġunju 2016.

(2)

Il-laqgħa tal-Partijiet hija l-korp deċiżjonali skont il-Ftehim u għandha l-awtorità li tadotta miżuri li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) li huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Hija tiltaqa’ kull sentejn jew aktar spiss jekk tiddeċiedi hekk.

(3)

L-Artikolu 24(2) tal-Ftehim jipprovdi wkoll li, erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-FAO għandha ssejjaħ laqgħa tal-Partijiet biex tiġi rieżaminata u vvalutata l-effikaċja tal-Ftehim biex jintlaħaq l-għan tiegħu (“l-ewwel laqgħa ta’ rieżami”). Imbagħad, il-Partijiet iridu jiddeċiedu dwar aktar laqgħat bħal dawn kif meħtieġ. Il-laqgħat speċjali tal-Partijiet jistgħu jsiru wkoll fi żminijiet oħra kif jistgħu jitqiesu meħtieġa mill-Partijiet, jew fuq talba bil-miktub ta’ kwalunkwe Parti.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għall-ewwel laqgħa ta’ rieżami, li ser issir fil-31 ta’ Mejju 2021 sal-4 ta’ Ġunju 2021, kif ukoll għat-tliet laqgħat biennali sussegwenti tal-Partijiet u kwalunkwe laqgħa intersessjonali relatata, billi l-miżuri taħt il-Ftehim ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jkunu kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (2) u (KE) Nru 1224/2009 (3), ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (5).

(5)

Fid-dawl tal-ħtieġa li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, abbażi tal-informazzjoni rilevanti ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-Partijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll proċeduri, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet.

(6)

L-objettiv ewlieni tal-Ftehim huwa li jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi tal-Istat tal-port. Il-Ftehim inaqqas l-inċentivi għall-bastimenti impenjati fis-sajd IUU milli jkomplu joperaw, filwaqt li jipprevjeni l-prodotti tas-sajd derivati minn tali sajd milli jaslu fis-swieq nazzjonali u internazzjonali.

(7)

Is-sajd IUU jikkostitwixxi waħda mill-aktar theddidiet serji għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u jipperikola l-pedament stess tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll l-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni ta’ governanza aħjar tal-oċeani.

(8)

Il-laqgħa tal-Partijiet hija responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri mfassla biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim u b’hekk il-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar. Jenħtieġ li l-Unjoni jkollha rwol attiv, effettiv u kostruttiv fil-laqgħa tal-Partijiet sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim u trawwem kooperazzjoni internazzjonali dwar is-sajd IUU,

ADOTTA DIN ID-D-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat għandha tkun f’konformità mal-prinċipji u l-linji gwida li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet (6).

2.   Il-pożizzjoni msemmija fil-pragrafu 1 hija stabbilita għall-ewwel laqgħa ta’ rieżami, kif ukoll għat-tliet laqgħat biennali sussegwenti tal-Partijiet u kwalunkwe laqgħa intersessjonali relatata.

Artikolu 2

1.   Qabel kull laqgħa tal-Partijiet, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni relevanti oħra mogħtija lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-linji gwida msemmija fl-Artikolu 1(1).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, u abbażi tal-informazzjoni msemmija fih, il-Kummissjoni għandha, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Partijiet, tippreżnta lill-Kunsill dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.

3.   Jekk, waqt laqgħa tal-Partijiet, ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-ħin tal-laqgħa tal-Partijiet wara t-tielet laqgħa biennali tal-Partijiet wara l-ewwel laqgħa ta’ rieżami.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/443/UE tal-20 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar miżuri tal-istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (ĠU L 191, 22.7.2011, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(6)  Ara d-dokument ST 5410/21 f’http://register.consilium.europa.eu.