25.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/55


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/332

tat-22 ta’ Frar 2021

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-proposti għal modifiki għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għar-Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, fir-rigward tal-proposta għal modifiki għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, fir-rigward tal-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, fir-rigward tal-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha, fir-rigward tal-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4, u fir-rigward tal-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (1), l-Unjoni aderixxiet mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (“in-NU/KEE”) li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawk il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”). Il-Ftehim Revedut tal-1958 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Marzu 1998.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE (2), l-Unjoni aderixxiet għall-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“il-Ftehim Parallel”). Il-Ftehim Parallel daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2000.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip u t-tqegħid fis-suq tal-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda kollha. Dak ir-Regolament jinkorpora r-regolamenti adottati skont il-Ftehim Rivedut tal-1958 (“ir-Regolamenti tan-NU”) fis-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim Rivedut tal-1958 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim Parallel, il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE (id-WP.29 tan-NU/KEE) jista’ jadotta proposti għal modifiki għar-Regolamenti tan-NU, għar-Regolamenti Tekniċi Globali tan-NU (“GTRs tan-NU”) u għar-Riżoluzzjonijiet tan-NU, kif ukoll proposti għal Regolamenti tan-NU, GTRs tan-NU u Riżoluzzjonijiet tan-NU ġodda li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi. Barra minn hekk, skont dawk id-dispożizzjonijiet, id-WP.29 tan-NU/KEE jista’ jadotta proposti għal awtorizzazzjonijiet biex jiġu żviluppati emendi għall-GTRs tan-NU jew biex jiġu żviluppati GTRs ġodda tan-NU u jista’ jadotta proposti għall-estensjoni tal-mandati għall-GTRs tan-NU.

(5)

Id-WP.29 tan-NU/KEE, matul il-183 sessjoni tiegħu li ser issir bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu 2021, jista’ jadotta l-proposti għal modifiki għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għar-Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-proposta għal modifiki għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, il-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, il-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha u l-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4. Barra minn hekk, id-WP.29 tan-NU/KEE għandu jadotta l-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fid-WP.29 tan-NU/KEE fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dawk il-proposti, minħabba li r-Regolamenti tan-NU ser jorbtu lill-Unjoni u, flimkien mal-GTRs tan-NU u mar-Riżoluzzjoni Reċiproka u r-Riżoluzzjoni Kkonsolidata, jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi.

(7)

Fid-dawl tal-esperjenza u tal-iżviluppi tekniċi, ir-rekwiżiti marbutin ma’ ċerti elementi jew karatteristiċi koperti mir-Regolamenti Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 tan-NU u mir-Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, kif ukoll mir-Riżoluzzjoni Reċiproka R.E.5., jeħtieġ li jiġu emendati jew issupplimentati.

(8)

Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet fil-GTR Nru 9 tan-NU jeħtieġ li jiġu emendati.

(9)

Sabiex ikun jista’ jsir progress tekniku u sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-vetturi, jeħtieġ li jiġu adottati erba’ Regolamenti ġodda tan-NU dwar ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni tal-vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni tal-immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema tal-allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-allarm tagħha. B’mod parallel, jeħtieġ li tiġi adottata Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4. dwar il-ħġieġ tas-sunroof panoramiku,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-183 sessjoni tal-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tan-NU/KEE li ser ssir bejn id-9 u l-11 ta’ Marzu 2021 fir-rigward tal-proposti għal modifiki għar-Regolamenti tan-NU Nri 13, 13-H, 18, 30, 41, 46, 48, 53, 54, 67, 74, 75, 79, 86, 97, 98, 106, 107, 113, 116, 117, 118, 123, 124, 125, 141, 142, 148, 149, 150, 152, 154, 157 u għar-Regolament tan-NU dwar reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, fir-rigward tal-proposta għal modifiki għar-Regolament Tekniku Globali Nru 9, fir-rigward tal-proposta għal emendi għar-Riżoluzzjoni Kkonsolidata R.E.5, fir-rigward tal-proposti għal erba’ Regolamenti ġodda tan-NU rigward ir-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment, il-protezzjoni ta’ vetturi bil-mutur kontra l-użu mhux awtorizzat u l-approvazzjoni tal-apparat kontra l-użu mhux awtorizzat, l-approvazzjoni ta’ immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha, u l-approvazzjoni tas-sistema ta’ allarm għall-vetturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tas-sistema ta’ allarm tagħha, fir-rigward tal-proposta għal Riżoluzzjoni Reċiproka ġdida M.R.4, u fir-rigward tal-proposti għal dokumenti ta’ interpretazzjoni għar-Regolamenti tan-NU Nri 155 u 156 (4) għandha tkun li tivvota favur.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjonigħandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f’vetturi bir-roti (“Ftehim Parallel”) (ĠU L 35, 10.2.2000, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

(4)  Ara d-dokument ST 5991/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.