24.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/325

tat-22 ta’ Frar 2021

dwar il-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1024/2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(2)

L-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE jeħtieġ li jitwettqu b’mod sħiħ mill-Bord Superviżorju tiegħu, li hu magħmul mill-President, il-Viċi President u erba’ rappreżentanti tal-BĊE, kif ukoll rappreżentant wieħed tal-awtorità kompetenti nazzjonali f’kull Stat Membru parteċipanti.

(3)

Il-Bord Superviżorju huwa korp essenzjali fl-eżerċiżżju tal-kompiti superviżorji mwettqa mill-BĊE fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ta lill-Kunsill is-setgħa li jaħtar il-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju.

(4)

Fl-4 ta’ Ottubru 2019 il-Kunsill ħatar lis-Sur Yves MERSCH bħala Viċi President tal-Bord Superviżorju permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1671 (2). Il-mandat tal-Viċi-President tal-Bord Superviżorju ntemm fl-14 ta’ Diċembru 2020.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE, wara li jisma’ lill-Bord Superviżorju, jippreżenta lill-Parlament Ewropew proposta għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju, li jintgħażel minn fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Il-BĊE ppreżenta tali proposta fit-18 ta’ Diċembru 2020, u l-Parlament Ewropew approvaha fit-8 ta’ Frar 2021,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Frank ELDERSON huwa b’dan maħtur Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew għal perijodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ Frar 2021.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1671 tal-4 ta’ Ottubru 2019 dwar il-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 256, 7.10.2019, p. 8).