23.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/51


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/285

tat-22 ta’ Frar 2021

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2071 (1) li taħtar lis-Sur Toivo KLAAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia.

(2)

Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 (2) li testendi l-mandat tar-RSUE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/254 (3). Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-28 ta’ Frar 2021.

(3)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta’ 12-il xahar u li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2021 sat-28 ta’ Frar 2022.

(4)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Toivo KLAAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia huwa estiż sat-28 ta’ Frar 2022. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm aktar kmieni, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jiżviluppa kuntatti mal-gvernijiet, il-parlamenti, atturi politiċi ewlenin oħra, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili fir-reġjun;

(b)

jinkoraġġixxi lill-pajjiżi fir-reġjun biex jikkooperaw u jiffaċilita tali kooperazzjoni dwar temi reġjonali ta’ interess komuni, bħal pereżempju theddid komuni għas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu u l-kriminalità organizzata; jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera u transkonfinali fejn ikun fattibbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali u jitkattru l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni;

(c)

jikkontribwixxi għas-soluzzjoni paċifika tal-konflitti f’konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali u jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ tali soluzzjoni f’koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u l-OSKE; u b’appoġġ għall-Grupp ta’ Minsk tal-OSKE u l-kopresidenti tiegħu;

(d)

fir-rigward tal-kriżi fil-Georgia:

(i)

jgħin fit-tħejjija għat-taħditiet internazzjonali li jsiru taħt il-punt 6 tal-pjan ta’ soluzzjoni tat-12 ta’ Awwissu 2008, id-Diskussjonijiet Internazzjonali ta’ Ġinevra, u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2008, inkluż dwar arranġamenti għas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun, il-kwistjoni tar-refuġjati u tal-persuni spostati f’pajjiżhom, abbażi tal-prinċipji rikonoxxuti fil-livell internazzjonali, u kwalunkwe suġġett ieħor, bi qbil komuni bejn il-partijiet;

(ii)

jgħin biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni u jirrappreżentaha, fil-livell tar-RSUE, fit-taħditiet imsemmija fil-punt (i); u

(iii)

jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ soluzzjoni tat-12 ta’ Awwissu 2008 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha tat-8 ta’ Settembru 2008;

(e)

jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ tisħiħ tal-fiduċja f’koordinazzjoni mal-konsulenti esperti tal-Istati Membri fejn disponibbli u adatt;

(f)

jiffaċilita u jikkontribwixxi għal sforzi inklużivi ta’ tisħiħ tal-paċi fi ħdan is-soċjetajiet bil-għan li jiġu newtralizzati l-konflitti u li tiġi kkonsolidata l-paċi;

(g)

jassisti fit-tħejjija, kif adatt, tal-kontributi tal-Unjoni għas-soluzzjoni possibbli tal-konflitt;

(h)

jintensifika d-djalogu tal-Unjoni mal-atturi ewlenin ikkonċernati fir-rigward tar-reġjun;

(i)

jassisti lill-Unjoni fl-iżvilupp ulterjuri ta’ politika komprensiva lejn il-Kawkasu tan-Nofsinhar;

(j)

fil-qafas tal-attivitajiet imsemmija f’dan l-Artikolu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f’żoni milquta minn konflitti, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ u billi jindirizza l-iżviluppi f’dan ir-rigward.”;

(3)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2021 sat-28 ta’ Frar 2022 għandu jkun ta’ EUR 2 940 000”;

(4)

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti regolari ta’ progress u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2021.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2071 tat-13 ta’ Novembru 2017 li taħtar lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 295, 14.11.2017, p. 55).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/907 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 27).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/254 tal-25 ta’ Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/907 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia (ĠU L 54I, 26.2.2020, p. 11).