|
22.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 61/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/270
tal-25 ta’ Jannar 2021
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-punt (a) tattieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), l-Artikolu 218(7) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/104 (2), il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fl-24 ta’ Novembru 2017, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard. |
|
(2) |
Il-Ftehim huwa pass importanti lejn involviment politiku u ekonomiku ikbar tal-Unjoni Ewropea fil-Kawkasu tan-Nofsinhar. Billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma, dan ser jipprovdi l-bażi għal relazzjoni bilaterali iktar effettiva mar-Repubblika tal-Armenja. |
|
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jiddepożita l-istrument ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 385(1) tal-Ftehim (4).
Artikolu 3
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 240 tal-Ftehim, emendi għall-Ftehim permezz ta’ deċiżjonijiet tas-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni. Meta l-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara li tqajmu oġġezzjonijiet li jikkonċernaw indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 (5).
2. Għall-fini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 270(2), tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata tapprova l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi tal-Anness XI għall-Ftehim.
Għall-fini tat-tieni sentenza tal-Artikolu 270(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata li toġġezzjona għal modifika jew rettifika tal-Anness XI proposta mir-Repubblika tal-Armenja.
Artikolu 4
1. Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu V tal-Ftehim jista’ jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.
2. F’konformità mal-Artikolu 301 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 297 sa 300 tal-Ftehim, indipendentement minn jekk intalbux jagħmlu dan minn parti interessata.
Artikolu 5
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Jannar 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Kunsens tal-4 ta’ Lulju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 tal-20 ta’ Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, p. 1).
(3) Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).