15.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/29


DEĊIŻJONI (UE) 2021/174 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Frar 2021

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2021/6)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Wara li kkunsidra ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali assoċjati mal-firxa tal-marda tal-coronavirus (COVID-19), il-Kunsill Governattiv stabbilixxa programm temporanju ġdid ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP) taħt id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/17) (1). Il-PEPP jinkludi l-kategoriji kollha ta’ assi eliġibbli taħt il-programm estiż ta’ xiri ta’ assi (APP), li jħaddan il-programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji, it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds koperti, il-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti b’assi u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv.

(2)

Fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, b’mod konformi mal-mandat tiegħu li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet, li jirrevedi ċerti karatteristiċi tad-disinn tal-PEPP bil-għan li jiġu ppreservati kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perijodu tal-pandemija, biex b’hekk jintrifed l-irkupru ekonomiku u tingħata għajnuna għan-newtralizzazzjoni tal-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq il-mogħdija projettata tal-inflazzjoni. Speċifikament, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid l-envelopp separat ġenerali għall-PEPP b’EUR 500 biljun għal total ta’ EUR 1 850 biljun u li jestendi l-orizzont ta’ xirjiet netti taħt il-PEPP ta’ mill-inqas sa tmiem Marzu 2022. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv se jwettaq xirjiet netti sakemm jiġġudika li l-fażi ta’ kriżi tal-coronavirus intemmet.

(3)

Ix-xirjiet taħt il-PEPP se jkomplu jitmexxew b’mod flessibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq u bil-għan li jiġi evitat l-issikkar tal-kundizzjonijiet finanzjarji li huwa inkonsistenti mal-azzjonijiet kontra l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq it-trajettorja pprojettata tal-inflazzjoni. Barra minn hekk, il-flessibbiltà tax-xirjiet maż-żmien, bejn klassijiet ta’ assi u fost ġurisdizzjonijiet se tkompli tappoġġa t-tranżizzjoni bla xklel tal-politika monetarja. Jekk kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli jistgħu jinżammu bi flussi ta’ xiri ta’ assi li ma jeżawrixxux l-envelopp fuq l-orizzont ta’ xiri nett tal-PEPP, l-envelopp m’għandux jintuża bis-sħiħ. Ugwalment, l-envelopp jista’ jiġi kkalibrat mill-ġdid, jekk meħtieġ, biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli sabiex tingħata għajnuna kontra x-xokk negattiv tal-pandemija lejn it-trajettorja tal-inflazzjoni.

(4)

L-estensjoni tax-xirjiet PEPP fuq orizzont itwal tirrifletti l-konsegwenzi prolongati mill-pandemija għall-ekonomija u l-inflazzjoni. Din tippermetti preżenza kontinwa fis-suq u appoġġ aktar dejjiemi mill-istimulu monetarju tal-BĊE filwaqt li titqies ukoll l-iskeda ta’ żmien mistennija għall-għoti tal-vaċċini u l-projezzjonijiet makroekonomiċi aġġornati tal-persunal. L-ippreservar ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perijodu tal-pandemija se jgħin biex titnaqqas l-inċertezza u tissaħħaħ il-kunfidenza, biex b’hekk jiġu mħeġġa l-infiq mill-konsumaturi u l-investiment min-negozji, u finalment, biex jissejjes l-irkupru ekonimiku u tingħata għajnuna biex jiġi nnewtralizzat l-impatt ’l isfel tal-pandemija fuq it-trajettorja projettata tal-inflazzjoni.

(5)

Finalment, sabiex jiġi evitat ir-riskju tal-issikkar mhux iġġustifikat tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament fi żmien meta l-irkupru mix-xokk pandemiku aktarx li se jibqa’ mhux komplut, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP se jiġu investiti mill-ġdid bis-sħiħ ta’ mill-inqas sa tmiem l-2023 u, barra minn hekk, li fi kwalunkwe każ, ir-roll-off futur tal-portafoll PEPP se jiġi mmaniġġjat b’tali mod li tiġi evitata interferenza mal-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa.

(6)

Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra l-firxa sħiħa ta’ miżuri adottati fl-10 ta’ Diċembru 2020 bħala meħtieġa u proporzjonati bħala azzjoni kontra r-riskji serji għall-istabbiltà tal-prezzijiet, il-mekkaniżmu ta’ trasmissjoni tal-politika monetarja u l-prospettiva ekonomika fiż-żona tal-euro, li huma maħluqa mill-kundizzjonijiet severi kontinwi tal-pandemija. Il-Kunsill Governattiv jibqa’ tal-fehma li l-PEPP, flimkien mal-miżuri l-oħrajn kollha tal-politika monetarja, huwa għodda xierqa biex jiġu ppreservati kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perijodu tal-pandemija. Barra minn hekk, rikalibrazzjoni tal-PEPP, fuq il-bażi ta’ envelopp ta’ xiri addizzjonali li jibqa’ flessibbli fl-użu tiegħu, huwa aktar effiċjenti minn strumenti alternattivi tal-politika monetarja biex tinżamm l-akkomodazzjoni monetarja meħtieġa fl-ambjent attwali tal-pandemija li hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ inċertezza. Finalment, meta titqies il-valutazzjoni preċedenti li, meta jintiżen kollox, il-benefiċċji tax-xirjiet PEPP jisbqu l-kosti potenzjali, il-Kunsill Governattiv jiġġudika li l-impatt pożittiv ta’ xirjiet ta’ assi addizzjonali fil-kuntest tal-PEPP, flimkien mal-firxa sħiħa ta’ miżuri tal-politika monetarja adottati fl-10 ta’ Diċembru 2020, mal-kisba tal-mandat ta’ stabbiltà tal-prezzijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew, biċ-ċar jisboq kwalunkwe effetti negattivi potenzjali fuq oqsma oħra tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif xieraq, sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tersaq lejn l-għan tiegħu b’mod sostnut, b’mod konformi mal-impenn tiegħu lejn is-simmetrija.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/17) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/17) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Eurosistema bil-preżenti tistabbilixxi programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza f’każ ta’ pandemija (“PEPP”) bħala programm ta’ xiri separat. L-envelopp ġenerali tal-PEPP huwa ta’ EUR 1 850 biljun. Il-pagamenti prinċipali li jimmaturaw minn titoli mixtrija taħt il-PEPP għandhom jiġu investiti mill-ġdid fix-xiri ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli ta’ mill-inqas sat-tmiem tal-2023. Fi kwalunkwe każ, ir-roll-off futur tal-portafoll tal-PEPP għandu jiġi mmaniġġjat b’tali mod li tiġi evitata interferenza mal-pożizzjoni monetarja xierqa.”;

2.

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kunsill Governattiv jiddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jiffissa r-ritmu xieraq u l-kompożizzjoni tax-xirjiet mensili tal-PEPP fi ħdan l-envelopp ġenerali u totali ta’ EUR 1 850 biljun. B’mod partikolari, l-allokazzjoni tax-xiri tista’ tiġi aġġustata taħt il-PEPP biex tippermetti varjazzjonijiet fid-distribuzzjonijiet tal-flussi tax-xiri, maż-żmien, bejn klassijiet ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fir-raba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Frar 2021.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1).