1.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 35/29


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/108

tat-28 ta’ Jannar 2021

dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa ċ-Ċentru Nazzjonali Ungeriż tas-Saħħa Pubblika li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 403)

(It-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2020, iċ-Ċentru Nazzjonali Ungeriż tas-Saħħa Pubblika (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex ikun permess it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-karburant u tas-sistemi tal-karburant tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”) sas-26 ta’ Diċembru 2020. L-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet u tas-sistemi tal-karburant tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magna ta’ inġenju tal-ajru u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tiegħu, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet li rriżultaw minnha wasslu biex bosta inġenji tal-ajru kellhom jibqgħu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hija fattur aggravanti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(3)

Il-Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 14697-50-8), li huma sustanzi attivi għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 bħala preservattivi tal-prodotti waqt il-ħżin, kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Billi dawk is-sustanzi attivi mhumiex elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), mhumiex inklużi fil-ħidma tal-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li jinsabu fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk, l-Artikolu 89 ta’ dak ir-Regolament ma japplikax għalihom u jridu jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkun fihom minnhom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati fil-livell nazzjonali wkoll.

(4)

Fil-5 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex tiġi estiża l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret minħabba tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tibqa’ pperikolata minħabba l-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet u tas-sistemi tal-karburant tal-inġenji tal-arju wara s-26 ta’ Diċembru 2020, u fuq l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali biex jikkontrolla din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(5)

Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv irrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika (il-Kathon™ FP 1.5) ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba tal-magni li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.

(6)

Kif indikat mill-awtorità kompetenti, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet u tas-sistemi tal-karburant tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli. Barra minn hekk, dan għandu jiġi evitat peress li jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi.

(7)

Skont it-tagħrif li tat l-awtorità kompetenti, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi biex il-prodott jiġi awtorizzat b’mod regolari, u fil-futur qarib mistennija titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jkunu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda jeħtieġ tul ta’ żmien sinifikanti biex dawk il-proċeduri jitlestew.

(8)

Peress li jekk ma jsirx kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet u tas-sistemi tal-karburant tal-inġenji tal-ajru tista’ tkun ipperikolata s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u billi dak il-periklu ma jistax jitrażżan sew bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra, jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni.

(9)

Meta wieħed iqis li l-azzjoni ilha li skadiet mis-26 ta’ Diċembru 2020, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-Ċentru Nazzjonali Ungeriż tas-Saħħa Pubblika jista’ jestendi l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet u tas-sistemi tal-karburant tal-inġenji tal-ajru sat-30 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata liċ-Ċentru Nazzjonali Ungeriż tas-Saħħa Pubblika.

Għandha tapplika mis-27 ta’ Diċembru 2020.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).