21.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 20/1


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/44

tad-19 ta’ Jannar 2021

fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-Italja biex tkompli tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri sa tmiem l-2024

(notifikata bid-dokument C(2021) 71)

(it-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b’mod partikulari t-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar Riżorsi Proprji,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2), l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, kienu jeżentaw it-tranżazzjonijiet elenkati fil-Parti B tal-Anness X ta’ dik id-Direttiva, jistgħu jkomplu jeżentaw dawk l-attivitajiet, skont il-kundizzjonijiet li japplikaw fl-Istat Membru konċernat f’dik id-data. F’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89, dawk it-tranżazzjonijiet iridu jitqiesu għad-determinazzjoni tal-bażi tar-riżorsi proprji tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2190 (3) l-Italja kienet awtorizzata li tuża estimi approssimattivi fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri u tranżazzjonijiet oħra imsemmija fil-punt (10) tal-parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(3)

Fl-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2019, l-Italja talbet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tkompli tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT. B’mod partikolari, l-Italja m’hix f’pożizzjoni li tagħmel il-kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (10) tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri u tranżazzjonijiet imsemmija f’dak il-punt. Kalkolu bħal dan x’aktarx li jinvolvi piż amministrattiv mhux ġustifikat meta wieħed iqis l-effett ta’ dawk it-tranżazzjonijet fuq il-bażi totali tar-riżorsi proprji tal-VAT tal-Italja. L-Italja hi fil-pożizzjoni li tagħmel kalkolu billi tuża stimi approssimattivi għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet. Għalhekk jenħtieġ li l-Italja tkun awtorizzata tkompli tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT billi tuża stimi approssimattivi fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri u tranżazzjonijiet oħra msemmija fil-punt (10) tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE.

(4)

Għall-finijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, hu xieraq li jkun hemm limitu ta’ żmien għal-applikabilità tal-awtorizzazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Biex tiġi kkalkulata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Italja hija awtorizzata li tuża stimi approssimattivi fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri u tranżazzjonijiet oħra kif imsemmi fil-punt (10), il-Parti B, tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Johannes HAHN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/2190 tal-25 ta’ Novembru 2015 li tawtorizza lill-Italja biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (ĠU L 312, 27.11.2015, p. 24).