6.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 2/6


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2

tas-17 ta' Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (1) fit-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Il-punt (d) tal--Artikolu 164(5) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ('il-Kumitat Konġunt') li jadotta deċiżjonijiet li jemendaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu żbalji, biex jindirizzaw l-ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħrajn, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li ma kinux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx l-elementi essenzjali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw dawk id-deċiżjonijiet, li jrid ikollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq ('il-Protokoll') jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(3)

Fl-10 ta' Ġunju 2020 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/769 (2), li stabbilixxiet il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward ta' ċerti emendi għall-Ftehim dwar il-Ħruġ. Għad hemm il-ħtieġa li seba' atti li huma essenzjali għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern għall-merkanzija għall-Irlanda ta’ Fuq jitniżżlu fl-Anness 2 għall-Protokoll. Huwa wkoll meħtieġ li jiddaħħlu tliet noti sabiex jiddefinixxu ulterjorment il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti atti speċifiċi elenkati fl-Anness 2 għall-Protokoll.

(4)

Żewġ atti legali dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ karozzi u vannijiet ġodda rreġistrati fl-Unjoni ġew elenkati bi żball fil-punt 9 tal-Anness 2 għall-Protokoll. Għall-kuntrarju ta’ leġiżlazzjoni oħra elenkata fl-Anness 2 għall-Protokoll u magħmula applikabbli permezz tal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll, dawk iż-żewġ atti mhumiex relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti fl-Unjoni. Għalhekk għandhom jitneħħew minn dak l-Anness.

(5)

Att legali wieħed dwar il-plastik li jintuża darba biss jirrigwarda t-tqegħid fis-suq ta’ tali oġġetti u l-moviment liberu tal-oġġetti, għalkemm parzjalment biss. Huma biss dawk id-dispożizzjonijiet li huma essenzjali għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq li għandhom jiġu inklużi fl-Anness 2 għall-Protokoll.

(6)

Jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjoni skont il-punt (d) tal-Artikolu 164(5)tal-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jindirizza dawk l-iżbalji.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-emendar tal-Protokoll għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/769 tal-10 ta’ Ġunju 2020 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-emendar tal-Ftehim (ĠU L 187, 12.6.2020, p. 12).


ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI NRU …/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ …

li temenda l-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-punt (d) tal-Artikolu 164(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt (d) tal-Artikolu 164(5) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (“il-Kumitat Konġunt”) li jadotta deċiżjonijiet li jemendaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu żbalji, biex jindirizzaw ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħrajn, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li ma kinux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx l-elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(2)

Skont l-Artikolu 182 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”) jifforma parti integrali minn dak il-Ftehim.

(3)

Żewġ atti legali dwar il-prestazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ karozzi u vannijiet ġodda rreġistrati fl-Unjoni li huma elenkati taħt l-intestatura 9 tal-Anness 2 għall-Protokoll u li saru applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq permezz tal-Artikolu 5(4) ta’ dak il-Protokoll, mhumiex relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ tali vetturi fl-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness 2 għall-Protokoll.

(4)

Tmien atti legali li huma essenzjali għall-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern għaloġġetti fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u li tħallew barra fiż-żmien tal-adozzjoni, jenħtieġ li jiżdiedu mal-Anness 2 għall-Protokoll.

(5)

Sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti atti diġà elenkati fl-Anness 2 għall-Protokoll, jenħtieġ li jiżdiedu tliet noti ma’ dak l-Anness;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness 2 għall-Protokoll għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

taħt l-intestatura “9. Vetturi bil-mutur, inklużi tratturi għall-agrikoltura u għall-forestrija”, l-entrati li ġejjin għandhom jitħassru:

“–

Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief”

2.

taħt l-intestatura “6. Regolamenti dwar salvagwardji bilaterali”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

Regolament (UE) 2019/287 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Frar 2019 li jimplimenta klawżoli ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi (1)”;

3.

taħt l-intestatura “23. Sustanzi kimiċi u relatati”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (2)*”;

4.

taħt l-intestatura “25. Skart”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

L-Artikoli 2 sa 7, l-Artikoli 14 u 17 u l-Partijiet A, B, C, D u F tal-Anness għad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (3)*”;

5.

taħt l-intestatura “29. Ikel - ġenerali”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

Id-Direttiva 2011/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartjeni oġġett tal-ikel (4)”;

6.

taħt l-intestatura “42. Materjal riproduttiv tal-pjanti”, għandhom jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

“–

Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing ta' żerriegħa ta' pjanti għall-għalf (5)

Id-Direttivatal-Kunsill 98/56/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (6)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE tal-15 ta' Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta' ħxejjex ta' propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (7)”;

7.

taħt l-intestatura “47. Oħrajn”, għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“–

Ir-Regolament (UE) 2019/880 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni u l-importazzjoni ta’ beni kulturali”

8.

taħt l-intestatura “4. Aspetti ġenerali relatati mal-kummerċ”, wara l-entrata għar-“Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-preferenzi tariffarji għal pajjiżi eliġibbli skont is-Sistema Ġenerali ta’ Preferenzi tal-Unjoni għandhom ikunu applikabbli fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq:

ir-referenzi għal ‘Stat Membru’ fl-Artikolu 9(1)(c)(ii), u fil-Kapitolu VI [Dispożizzjonijiet ta’ Salvagwardja u Sorveljanza] tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 ma għandhomx jinqraw li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq;

ir-referenzi għas-‘suq tal-Unjoni’ fl-Artikolu 2(k) u l-Kapitolu VI [Dispożizzjonijiet ta’ Salvagwardja u Sorveljanza] fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 ma għandhomx jinqraw li jinkludu s-suq tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq; u

ir-referenzi għal ‘produtturi tal-Unjoni’ u għal ‘industrija tal-Unjoni’ fir-Regolament (UE) Nru 978/2012 ma għandhomx jinqraw li jinkludu l-produtturi jew l-industrija tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;

9.

taħt l-intestatura “5. Strumenti għad-difiża tan-negozju”, direttament taħt l-intestatura, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-miżuri għad-difiża tan-negozju tal-Unjoni għandhom ikunu applikabbli fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-referenzi għal ‘Stati Membri’ jew ‘Unjoni’ fir-Regolament (UE) 2016/1036, ir-Regolament (UE) 2016/1037, ir-Regolament (UE) 2015/478 u r-Regolament (UE) 2015/755 ma għandhomx jinqraw li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Barra minn hekk, l-importaturi li ħallsu dazji antidumping jew kumpensatorji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti li kienu rilaxxati mid-dwana fl-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jitolbu biss għal rifużjoni ta’ dazji bħal dawn skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament (UE) 2016/1036 jew l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/1037, rispettivament.”;

10.

taħt l-intestatura “6. Regolamenti dwar salvagwardji bilaterali ”, direttament taħt l-intestatura, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali tal-Unjoni japplikaw fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-referenzi għal “Stati Membri” jew “Unjoni” fir-regolamenti elenkati hawn taħt ma għandhomx jinqraw li jinkludu lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.”;

11.

taħt l-intestatura “25. Skart”, wara l-entrata għad-”Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent”, għandha tiddaħħal in-nota li ġejja:

“Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawk l-Artikoli u l-Partijiet għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, kwalunkwe referenza għat-“ 3 ta’ Lulju 2021 ” fl-Artikoli 4(1), 14 u 17(1) għandha tinqara bħala “ 1 ta’ Jannar 2022 ”. L-Artikoli 2, 3, 14 u 17, u l-Parti F tal-Anness, għandhom japplikaw biss sa fejn jirrigwardaw l-Artikoli 4 sa 7.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU L 53, 22.2.2019, p. 1.

(2)   ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1.

(3)   ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.

(4)   ĠU L 334, 16.12.2011, p. 1.

(5)   ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298.

(6)   ĠU L 226, 13.8.1998, p. 16.

(7)   ĠU L 205, 1.8.2008, p. 28.