15.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 211/29 |
DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-Kummissjoni taqbel li vaċċini u testijiet affordabbli u aċċessibbli għall-COVID-19 għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. B'kont meħud li mhux il-popolazzjoni kollha se tkun tlaqqmet meta r-Regolamenti (UE) 2021/953 u (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jidħlu fis-seħħ, l-aċċess għal possibbiltajiet ta' ttestjar affordabbli u disponibbli b'mod wiesa' huwa importanti biex jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u l-mobbiltà fl-Ewropa.
Biex tappoġġa l-kapaċitajiet tal-ittestjar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni diġà mmobilizzat fondi permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza biex tixtri testijiet rapidi tal-antiġeni u nediet akkwist bi sħab għal aktar minn nofs biljun test rapidu tal-antiġeni. Il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qed tappoġġa lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tal-ittestjar, b'finanzjament mill-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza.
Biex tkompli tappoġġa d-disponibbiltà ta' testijiet affordabbli, b'mod partikolari għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri ta' kuljum jew ta' spiss biex imorru għax-xogħol jew l-iskola, iżuru qraba stretti, ifittxu kura medika, jew jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom, il-Kummissjoni timpenja ruħha li timmobilizza fondi addizzjonali ta' EUR 100 miljun permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza għax-xiri ta' testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jikkwalifikaw għall-ħruġ ta' ċertifikat tat-test skont ir-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun meħtieġ, jista' jiġi mobilizzat finanzjament addizzjonali ta' aktar minn EUR 100 miljun, soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità baġitarja.