18.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 58/1


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' rekwiżiti ta' rappurtar li jippermettu l-ħruġ ta' bonds li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali għal NextGenerationEU

(2021/C 58 I/01)

Il-Kummissjoni tfakkar fl-ambizzjoni politika kondiviża tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F'dan il-qafas, tissottolinja l-ambizzjoni tagħha li tiġbor mill-inqas 30 % tal-fondi li għandhom jiġu mislufa fis-swieq kapitali għall-ħtiġijiet ta' NextGenerationEU permezz tal-ħruġ ta' bonds li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali.

It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jesploraw serjament il-possibbiltà li jintroduċu regoli li jistabbilixxu obbligi ta' rappurtar għall-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' informazzjoni għall-fini ta' evalwazzjoni tal-kontribut għall-objettivi ambjentali tal-fondi mislufa fis-swieq kapitali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tfassal proposta leġiżlattiva f'dan ir-rigward matul l-ewwel trimestru tal-2021.