10.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li joriġina mis-sit tal-impjant tal-enerġija Sizewell C (żewġ reatturi UK EPR), li jinsab f’Suffolk, ir-Renju Unit

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2021/C 221/01)


Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed issir skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal xi valutazzjoni addizzjonali li trid issir skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fis-17 ta’ Awwissu 2020 il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tar-Renju Unit, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, id-Data Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li joriġina mill-impjant tal-enerġija Sizewell C.

Abbażi ta’ din id-data u l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Novembru 2020 u fid-9 ta’ Frar 2021 u pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-12 ta’ Jannar 2021 u fid-9 ta’ Frar 2021, u l-informazzjoni komplementari pprovduta mir-rappreżentanti tar-Renju Unit fl-10 ta’ Frar 2021 fil-laqgħa tal-Grupp ta’ esperti (permezz ta’ vidjokonferenza) u aktar informazzjoni mitluba fl-10 ta’ Frar 2021 (fi tmiem il-laqgħa) u fit-23 ta’ Frar 2021 u pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-15 ta’ Frar 2021 u fit-8 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

 

1.

Id-distanza mis-sit sal-eqreb Stat Membru, Franza, hija ta’ 138 km.

2.

F’kundizzjonijiet normali ta’ operat, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi gassużi u likwidi x’aktarx li mhux ser jirriżultaw f’esponiment tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru li huwa sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-limiti tad-doża stipulati fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom) (3).

3.

L-iskart solidu b’radjuattività baxxa ħafna jinħażen temporanjament fuq is-sit qabel ma jiġi ttrasferit għal faċilitajiet ta’ rimi awtorizzati mill-awtoritajiet regolatorji tar-Renju Unit.

L-elementi ta’ fjuwil użat u l-iskart solidu ta’ livell intermedjarju jinħażnu temporanjament fuq is-sit, jistennew id-disponibbiltà fil-futur ta’ ripożitorju ġeoloġiku. M’hemmx ħsieb għall-ipproċessar mill-ġdid ta’ fjuwil użat.

4.

F’każ li jkun hemm aċċidenti tat-tip u tad-daqsijiet assoċjati ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, kif ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jiġu riċevuti mill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa, fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stipulati fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom).

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina miż-żewġ reatturi EPR tas-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari Sizewell C li jinsab fil-Kosta Suffolk, ir-Renju Unit, kemm waqt l-operazzjoni normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċidenti tat-tip u tad-daqsijiet assoċjati ta’ rilaxx mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, kif ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, mhux bilfors tirriżulta f’kontaminazzjoni radjuattiva, li hija sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom).

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Kadri SIMSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jibqgħu jiġu vvalutati. Indikattivament, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; għad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, u għad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u għad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.

(2)  Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).