|
19.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 136/1 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ April 2021
dwar il-pjan għall-ġestjoni ta’ qabel ir-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mid-dekummissjonar u ż-żarmar tal-faċilità tal-ħżin tal-iskart radjuattiv ta’ Maišiagala li tinsab fil-Litwanja
(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)
(2021/C 136/01)
Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed issir skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal xi valutazzjoni addizzjonali li trid issir skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).
Fis-17 ta’ Settembru 2020, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet Data Ġenerali mingħand il-Gvern tal-Litwanja, dwar il-pjan għall-ġestjoni ta’ qabel ir-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li jirriżulta mid-dekummissjonar u ż-żarmar tal-faċilità tal-ħżin tal-iskart radjuattiv ta’ Maišiagala.
Abbażi ta’ din id-data u l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru 2020 u fid-29 ta’ Jannar 2021 u provduta mill-awtoritajiet Litwani fl-14 ta’ Jannar 2021 u fl-1 ta’ Frar 2021, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:
|
1. |
Bejn is-sit u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja, hemm 125 km. Ir-Repubblika tal-Latvja hija l-eqreb Stat Membru li jmiss, 130 km ’il bogħod. Il-fruntiera tar-Repubblika tal-Belarussja, bħala pajjiż ġar, tinsab 50 km ’l bogħod. |
|
2. |
Waqt operazzjonijiet normali ta’ dekummissjonar u żarmar, ir-rilaxxi ta’ effluwenti radjuattivi gassużi mhux qed jitqiesu li jistgħu jikkawżaw esponiment sinifikanti għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż ġar mil-lat tas-saħħa, rigward il-limiti tad-doża stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom) (3). |
|
3. |
L-operazzjonijiet normali taż-żarmar mhux se jwasslu għal rilaxxi ta’ effluwenti radjuattivi likwidi. |
|
4. |
L-iskart radjuattiv solidu, kemm l-iskart taż-żarmar u l-iskart operazzjonali, se jinħażen temporanjament fuq il-post qabel ma jinġarr lejn is-sit tal-impjant nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja għal aktar immaniġġar, trattament u ħżin. L-iskart solidu mhux radjuattiv jew l-materjali residwi li mhumiex soġġetti għall-kontroll regolatorju se jiġu rilaxxati għar-rimi bħala skart konvenzjonali jew għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, skont il-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom). |
|
5. |
Jekk ikun hemm xi rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi aċċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, id-dożi li aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz mhux se jkunu sinifikanti mil-lat tas-saħħa, rigward il-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom). |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-pjan għall-ġestjoni ta’ qabel ir-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li jirriżulta mid-dekummissjonar u miż-żarmar tal-faċilità tal-ħżin tal-iskart radjuattiv ta’ Maišiagala li tinsab fil-Litwanja, waqt operazzjoni normali u fil-każ ta’ aċċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, aktarx ma twassalx għal kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz, rigward id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom).
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2021.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ jibqgħu jiġu valutati. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; tad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent; tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa; u tad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
(2) Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).