14.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/5 |
DEĊIŻJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU
tas-17 ta’ Awwissu 2020
dwar il-ħatra tal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
(BERS/2020/11)
(2020/C 303/04)
IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (2), u b’mod partikolari l- Artikolu 43 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2012/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-13 ta’ Lulju 2012 li timplimenta regoli dwar il-protezzjoni tad-data fi ħdan il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2020/655 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2020 li tadotta regoli implimentattivi dwar il-protezzjoni tad-data fil-Bank Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2007/1 (BĊE/2020/28) (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tagħha,
Billi:
(1) |
Fit-30 ta’ Lulju 2019, il-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) adotta d-Deċiżjoni BERS/2019/17 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5), li ħatar lis-Sinjura Evanthia Chatziliasi bħala Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data (DPO) tal-BERS sal-31 ta' Lulju 2024. |
(2) |
Fuq talba tas-Sinjura Chatziliasi, it-terminu tal-kariga tagħha ser jintemm fil-31 ta’ Awwissu 2020. Għaldaqstant jeħtieġ li jinħatar is-suċċessur tagħha bħala DPO tal-BERS mill-1 ta’ Settembru 2020. |
(3) |
B’mod konformi mal-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, id-DPO tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) attwalment jaġixxi wkoll bħala DPO tal-BERS. |
(4) |
Fil-21 ta’ Lulju 2020, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE ħatar lis-Sir Maarten Daman biex jissostitwixxi lis-Sinjura Evanthia Chatziliasi bħala DPO tal-BĊE b'effett mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2023. |
(5) |
L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/655 (BĊE/2020/28), li japplika mill-1 ta’ Novembru 2020, jipprovdi li, fuq talba tal-BERS, id-DPO tal-BĊE jistgħu jkun awtorizzat biex iwettaq ukoll fir-rigward tal-BERS il-kompiti stipulati fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, u b’mod konformi mal-prattika fil-passat, il-Bord Ġenerali tal- BERS iqis li dik it-talba għandha ssir, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ħatra tal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
Is-Sur Maarten Daman huwa maħtur bħala l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data (DPO) tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) b'effett mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2023, fil-kapaċità tiegħu bħala membru tal-persunal u DPO tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).
Artikolu 2
Talba għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/655 (BĊE/2020/28)
Skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/655 (BĊE/2020/28), il-BERS jitlob li kwalunkwe DPO maħtur mill-BĊE wara l-1 ta’ Novembru 2020 ikun awtorizzat li jwettaq ukoll b’rabta mal-BERS il-kompiti stipulati fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Awwissu 2020.
Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Awwissu 2020.
Kap tas-Segretarjat tal-BERS,
f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS
Francesco MAZZAFERRO
(1) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.
(2) ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
(3) ĠU C 286, 22.9.2012, p. 16.
(4) ĠU L 152, 15.5.2020, p. 13.
(5) Id-Deċiżjoni BERS/2019/17 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat- 30 ta’ Lulju 2019 dwar il-ħatra ta' Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU C 344, 11.10.2019, p. 3).