30.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 442/410


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2236

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni u għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali rigward tali ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru1251/2008

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 213(2), 224(4), 238(3) u 239(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 90 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli dwar il-mard tal-annimali li huwa trażmissibbli lill-annimali jew lill-bniedem, inkluż regoli għaċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali meħtieġa biex jakkumpanjaw id-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni tal-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi. Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli għall-mudelli tal-formoli ta’ dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, kif ukoll regoli dwar l-informazzjoni li trid tiġi inkluża f’ċerti dokumenti u dikjarazzjonijiet meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni ta’ tali konsenji.

(2)

Barra minn hekk, dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli speċjali dwar il-mudelli tal-formoli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, tad-dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti oħra għall-annimali akkwatiċi li għalihom l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament tista’ ma tkunx adegwata, filwaqt li titqies, inter alia, id-destinazzjoni finali tal-konsenja. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi wkoll li dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jistgħu jinkludu informazzjoni oħra meħtieġa skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jiġi stabbilit f’dan ir-Regolament.

(3)

L-Artikolu 213(2) u l-Artikolu 224(4) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħtu wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għal ċerti movimenti ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin minnhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikati għall-movimenti ta’ tali konsenji fl-Unjoni jiġi stabbilit f’dan ir-Regolament.

(4)

L-Artikoli 238(3) u 239(3) tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, tad-dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti oħrajn għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi li għalihom l-Unjoni mhijiex id-destinazzjoni finali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jiġi stabbilit f’dan ir-Regolament.

(5)

Il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun fihom garanziji rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi li jidħlu fl-Unjoni u li jiċċaqilqu fl-Unjoni ma joħolqux riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika. Tali garanziji jiddependu, inter alia, fuq il-mard rilevanti elenkat fl-Artikolu 5 u fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/429 kif ukoll fuq il-kategorizzazzjoni tagħhom kif previst fl-Artikolu 9(1) ta’ dak ir-Regolament u fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3).

(6)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità mill-operaturi mar-regoli tal-Unjoni fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament, li jinkludu, inter alia, l-ikel u s-sikurezza tal-ikel kif ukoll is-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali. Iċ-ċertifikati uffiċjali huma definiti fir-Regolament (UE) 2017/625 bħala karta jew dokument elettroniku ffirmat mill-uffiċjal li jiċċertifika u li jipprovdi assigurazzjoni dwar il-konformità ma’ rekwiżit wieħed jew aktar stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tiegħu. Dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar il-mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u għall-ħruġ ta’ tali ċertifikati.

(7)

Il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 90 tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni regoli dwar il-proċeduri li jridu jiġu segwiti għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ sostituzzjoni. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni fir-rigward tas-sostituzzjoni taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali f’dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex jiġi evitat l-użu ħażin u l-abbuż, huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli dwar il-każijiet fejn jista’ jinħareġ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ta’ sostituzzjoni kif ukoll ir-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati biex jiġu sostitwiti ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali. Jenħtieġ li l-każijiet jiġu limitati għal żbalji amministrattivi, jew fil-każijiet fejn iċ-ċertifikat inizjali jkun saritlu ħsara jew intilef.

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 (4) jistabbilixxi regoli supplimentari fir-rigward tal-istabbilimenti tal-akkwakultura rreġistrati u approvati li jżommu annimali tal-akkwakultura u tat-trasportaturi tal-annimali akkwatiċi. B’mod partikolari, dak ir-Regolament jipprevedi regoli supplimentari fir-rigward tal-approvazzjoni tal-istabbilimenti tal-akkwakultura li jżommu annimali tal-akkwakultura li jippreżentaw riskju sinifikanti għat-trażmissjoni ta’ mard li jaffettwa lill-annimali akkwatiċi. Għalhekk, ċerti mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludu l-garanziji rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-istabbiliment ikun ġie approvat f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/691. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/691.

(10)

Barra minn hekk, ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (5) u 2020/990 (6) jistabbilixxu regoli li jissupplimentaw dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429. Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/692 jistabbilixxi, inter alia, ir-rekwiżiti rilevanti dwar is-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali akkwatiċi. Għalhekk, il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jqisu l-garanziji rilevanti stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/692.

(11)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/990 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, inkluż ir-rekwiżiti għas-saħħa tal-annimali u għaċ-ċertifikazzjoni f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, dak ir-Regolament jistabbilixxi ċerti regoli dwar il-kontenut taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-annimali akkwatiċi u għal ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi. Għalhekk, il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jqisu r-regoli supplimentari stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/990. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jqis ukoll id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/990.

(12)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882 jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “mard tal-kategorija D” li għalih huma meħtieġa miżuri biex jinżamm milli jinfirex. Barra minn hekk, dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistipula li r-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 għandhom japplikaw għall-kategoriji tal-mard elenkat għall-ispeċijiet u għall-gruppi ta’ speċijiet elenkati msemmija fit-tabella stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. Dik it-tabella telenka, inter alia, l-ispeċijiet vetturi għall-mard li jaffettwa l-annimali akkwatiċi. Għaldaqstant, dan jenħtieġ li jitqies fil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(13)

Il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni u għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi jenħtieġ li jkun fihom dettalji dwar il-konsenja u informazzjoni speċifika dwar is-saħħa tal-annimali ċċertifikata minn veterinarju uffiċjali. Fil-każ ta’ movimenti fl-Unjoni, il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jenħtieġ li jkun fihom ukoll parti ddedikata biex tirreġistra l-kontrolli uffiċjali mwettqa matul tali movimenti u fil-post tad-destinazzjoni, kif ukoll ir-riżultati ta’ dawk il-kontrolli uffiċjali.

(14)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (7) jistabbilixxi l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, il-mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għall-moviment fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali u ta’ prodotti. Dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-kompatibbiltà ta’ tali ċertifikati mas-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti Veterinarji (TRACES) u jiffaċilita s-sistema taċ-ċertifikazzjoni fl-Unjoni. Għalhekk, il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-moviment fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi jenħtieġ li jitfasslu abbażi tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ annimali u ta’ prodotti stabbiliti fil-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

(15)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u biex titjieb l-effiċjenza taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali, il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi stabbilit f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jitfassal abbażi tal-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti li ġejjin mill-annimali, prodotti komposti, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, ġelbin għall-konsum mill-bniedem u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni ta’ ġelbin għall-konsum mill-bniedem stabbilit fil-Kapitolu 3 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

(16)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li l-konsenji ta’ annimali u oġġetti jridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali maħruġ fuq karta jew f’forma elettronika. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa f’forma elettronika, inkluż dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li jakkumpanjaw il-konsenji li jidħlu fl-Unjoni, jistgħu jissostitwixxu ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa fuq karta. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għal konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi kemm fuq karta kif ukoll f’forma elettronika flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 217 tar-Regolament (UE) 2016/429 u fil-Kapitolu VII tat-Titolu II tar-Regolament (UE) 2017/625. Dawn ir-rekwiżiti komuni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(17)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li s-Sistema Integrata ta’ Ġestjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC) trid tippermetti l-produzzjoni, l-immaniġġjar u t-trażmissjoni taċ-ċertifikati uffiċjali, inkluż fil-forma elettronika. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (8), jipprevedi li s-sistema TRACES hija l-komponent ta’ IMSOC li jippermetti li l-proċess kollu tal-produzzjoni taċ-ċertifikati jitwettaq b’mod elettroniku, u b’hekk jiġu evitati prattiki frodulenti jew qarrieqa fir-rigward taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jew taċ-ċertifikati uffiċjali. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta’ sigurtà tal-mezzi elettroniċi taċ-ċertifikazzjoni elettronika u filwaqt li jitqies l-għan li jiġi armonizzat il-proċess ta’ ċertifikazzjoni, il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kompatibbli mas-sistema TRACES.

(18)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 (9) jistabbilixxi regoli speċifiċi għar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti minnhom. Madankollu, ir-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament diġà ġew sostitwiti bir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti Delegati (UE) 2020/990 u (UE) 2020/692, u l-mudelli taċ-ċertifikati stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 iridu jiġu sostitwiti bil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tar-regoli, ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 jenħtieġ li jitħassar.

(19)

Huwa xieraq li jiġi introdott perjodu tranżizzjonali biex titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi li jridu jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u s-sitwazzjoni speċifika tal-vjeġġi tal-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi akkumpanjati minn ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Billi r-Regolament (UE) 2016/429 japplika b’effett mill-21 ta’ April 2021, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll minn dik id-data.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali previsti fir-Regolament (UE) 2016/429 u ċ-ċertifikazzjoni uffiċjali prevista fir-Regolament (UE) 2017/625 fir-rigward tal-ħruġ u s-sostituzzjoni taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni (10) u għall-movimenti fl-Unjoni ta’ ċerti konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi.

2.   Jistabbilixxi mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u mudell tad-dikjarazzjoni għal dawn li ġejjin:

(a)

il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali tal-akkwakultura (l-Anness I);

(b)

mudell ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għal ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura, għar-rilaxx fl-ambjent naturali, jew għal skopijiet oħrajn ħlief il-konsum mill-bniedem (l-Anness II);

(c)

mudell ta’ dikjarazzjoni mill-kaptan tal-bastiment: addendum għat-trasport tal-konsenji ta’ ċerti annimali akkwatiċi li jidħlu fl-Unjoni bil-baħar (l-Anness III).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kontenitur” tfisser kontenitur kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

(2)

“dgħajsa barrada” tfisser dgħajsa barrada kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

(3)

“lixka tas-sajd” tfisser lixka tas-sajd kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

(4)

“miżuri nazzjonali” tfisser miżuri nazzjonali kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

(5)

“ħabitat” tfisser ħabitat kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

(6)

“pajjiż terz, territorju jew żona tiegħu elenkati” tfisser pajjiż terz, territorju, żona jew kompartiment kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692;

(7)

“Stat Membru, żona jew kompartiment ħielsa mill-mard” tfisser Stat Membru, żona jew kompartiment kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990;

(8)

“programm ta’ eradikazzjoni” tfisser programm ta’ eradikazzjoni kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/990.

Artikolu 3

Mili taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi

1.   Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ konsenji ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, għandhom jimtlew u jiġu ffirmati kif meħtieġ minn veterinarju uffiċjali f’konformità man-noti ta’ spjegazzjoni previsti fil-Kapitolu 2 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

2.   Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ konsenji ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi, stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, għandhom jimtlew u jiġu ffirmati kif meħtieġ minn veterinarju uffiċjali f’konformità man-noti ta’ spjegazzjoni previsti fil-Kapitolu 4 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235.

3.   L-operaturi responsabbli għall-konsenji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti informazzjoni dwar id-deskrizzjoni ta’ tali konsenji kif deskritt fil-Parti I tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Anness I u II.

Artikolu 4

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi

1.   Il-veterinarju uffiċjali għandu jimla ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi f’konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid ikollu l-firma tal-veterinarju uffiċjali u t-timbru uffiċjali; il-kulur tal-firma u l-kulur tat-timbru, għajr it-timbri imbuzzati jew b’marka tal-ilma, iridu jkunu differenti mill-kulur tal-istampar;

(b)

meta ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jkun fih dikjarazzjonijiet multipli jew alternattivi, id-dikjarazzjonijiet li ma jkunux rilevanti jridu jiġu ingassati, inizjalati u ttimbrati mill-veterinarju uffiċjali, jew jitneħħew kompletament miċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali;

(c)

iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid jikkonsisti minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

folja waħda tal-karti;

(ii)

diversi folji tal-karti fejn il-folji kollha jkunu indiviżibbli u jikkostitwixxu parti sħiħa integrata;

(iii)

sekwenza ta’ paġni b’kull paġna nnumerata sabiex jiġi indikat li hija paġna partikolari f’sekwenza finita;

(d)

meta ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jkun magħmul minn sekwenza ta’ paġni kif imsemmi fil-punt (c)(iii), ta’ dan il-paragrafu, kull paġna trid tindika l-kodiċi uniku msemmi fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 u jkollha l-firma tal-veterinarju uffiċjali u t-timbru uffiċjali;

(e)

fil-każ taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ konsenji fl-Unjoni, iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid jakkumpanja l-konsenja sakemm din tasal fil-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni;

(f)

fil-każ taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji, iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni fejn il-konsenja tiġi soġġetta għall-kontrolli uffiċjali;

(g)

iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid jinħareġ qabel il-konsenja, li huwa relatat magħha, tħalli l-kontroll tal-awtorità kompetenti li qed toħroġ iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali;

(h)

fil-każ taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji, iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jrid jitfassal fil-lingwa uffiċjali, jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali, tal-Istat Membru tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-dħul fl-Unjoni.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1(h), Stat Membru jista’ jaċċetta ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li jitfasslu f’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni, u li jkunu akkumpanjati, jekk ikun meħtieġ, minn traduzzjoni awtentikata.

3.   Il-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għaċ-ċertifikati elettroniċi maħruġa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715.

4.   Il-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għaċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa fuq karta u mimlija, u stampati mis-sistema TRACES.

Artikolu 5

Sostituzzjoni taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu ċertifikati tas-saħħa tal-annimali ta’ sostituzzjoni għall-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi fil-każ ta’ żbalji amministrattivi fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali jew meta ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali jkun saritlu ħsara jew intilef.

2.   Fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ta’ sostituzzjoni, l-awtorità kompetenti ma għandhiex timmodifika l-informazzjoni fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali dwar l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-konsenja u l-garanziji previsti fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali għall-konsenja.

3.   Fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ta’ sostituzzjoni, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tagħmel referenza ċara għall-kodiċi uniku msemmi fl-Artikolu 89(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 u d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali, u tiddikjara b’mod ċar li qed tissostitwixxi ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali;

(b)

tindika numru ġdid għaċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jkun differenti minn dak taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali;

(c)

tindika d-data ta’ meta nħareġ, li ma tkunx l-istess bħad-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali inizjali;

(d)

tipproduċi dokument oriġinali maħruġ fuq karta, ħlief fil-każ ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali ta’ sostituzzjoni elettroniċi sottomessi fis-sistema TRACES.

4.   Fil-każ tad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni tista’ żżomm lura milli titlob lill-operatur responsabbli għall-konsenja biex jipprovdi ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ta’ sostituzzjoni meta l-informazzjoni dwar id-destinatarju, l-importatur, il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni jew il-mezz tat-trasport jinbidlu wara li jkun inħareġ iċ-ċertifikat u tali informazzjoni ġdida tkun ġiet ipprovduta mill-operaturi responsabbli għall-konsenja.

Artikolu 6

Mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimaligħall-movimenti fl-Unjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi

Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) li jridu jintużaw għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi għandhom jikkorrispondu għal wieħed mill-mudelli li ġejjin, skont l-annimali akkwatiċi u l-kategoriji ta’ prodotti kkonċernati:

(a)

AQUA-INTRA-ESTAB imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 1 tal-Anness I, għall-annimali akkwatiċi maħsuba għall-istabbilimenti tal-akkwakultura;

(b)

AQUA-INTRA-RELEASE mfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 2 tal-Anness I, għall-annimali akkwatiċi maħsuba għar-rilaxx fl-ambjent naturali;

(c)

AQUA-INTRA-HC imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 3 tal-Anness I, għall-annimali akkwatiċi maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

(d)

AQUA-INTRA-RESTRICT imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 4 tal-Anness I, għall-annimali akkwatiċi soġġetti għal restrizzjonijiet tal-moviment jew miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-mard elenkat jew tal-mard emerġenti;

(e)

AQUA-INTRA-BAIT imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 5 tal-Anness I, għall-annimali akkwatiċi maħsuba għall-użu bħala lixka ħajja tas-sajd;

(f)

PAO-AQUA-INTRA-PROCESS imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 6 tal-Anness I, għall-prodotti li ġejjin mill-annimali tal-akkwakultura għajr l-annimali tal-akkwakultura ħajjin, maħsuba għal proċessar ulterjuri;

(g)

PAO-AQUA-INTRA-RESTRICT imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 7 tal-Anness I, għall-prodotti li ġejjin mill-annimali tal-akkwakultura għajr l-annimali tal-akkwakultura ħajjin soġġetti għal restrizzjonijiet tal-moviment jew miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-mard elenkat jew tal-mard emerġenti.

Artikolu 7

Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għall-istabbilimenti tal-akkwakultura, għar-rilaxx fl-ambjent naturali, jew għal skopijiet oħrajn ħlief il-konsum dirett mill-bniedem

Iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali msemmi fl-Artikolu 1(2)(b) li jrid jintuża għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għall-istabbilimenti tal-akkwakultura, għar-rilaxx fl-ambjent naturali, jew għal skopijiet oħrajn ħlief il-konsum dirett mill-bniedem għandu jikkorrispondi għall-mudell AQUA-ENTRY-ESTAB/RELEASE/OTHER imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 8

Mudell tad-dikjarazzjoni għat-trasport ta’ ċerti annimali akkwatiċi li jidħlu fl-Unjoni bil-baħar

Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(c) li trid tintuża għat-trasport ta’ ċerti annimali akkwatiċi li jidħlu fl-Unjoni bil-baħar għandha tikkorrispondi għall-mudell tal-addendum AT-AQUA-SEA mfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness III.

Dak l-addendum għandu jimtela mill-kaptan tal-bastiment u jinhemeż maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali rilevanti.

Artikolu 9

Tħassir tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1251/2008 jitħassar b’effett mill- 21 ta’ April 2021.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Il-konsenji ta’ annimali akkwatiċi u ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali akkwatiċi akkumpanjati miċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali xierqa maħruġa f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1251/2008, qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu aċċettati għad-dħul fl-Unjoni sal-20 ta’ Ottubru 2021 diment li ċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali jkun ġie ffirmat minn spettur uffiċjali qabel il-21 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għal stabbilimenti tal-akkwakultura u trasportaturi ta’ annimali akkwatiċi (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 345).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/990 tat-28 ta’ April 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi u prodotti li joriġinaw minn annimali akkwatiċi (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 42).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, il-mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni u għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti, taċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fir-rigward ta’ tali ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (ir-Regolament IMSOC) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta’ speċi li jgħaddu l-mard (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41).

(10)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ir-referenzi għall-“Unjoni” jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.


ANNESS I

L-Anness I fih il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li ġejjin:

MUDELL

AQUA-INTRA-ESTAB

Kapitolu 1: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għall-istabbilimenti tal-akkwakultura

AQUA-INTRA-RELEASE

Kapitolu 2: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għar-rilaxx fl-ambjent naturali

AQUA-INTRA-HC

Kapitolu 3: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għall-konsum mill-bniedem

AQUA-INTRA-RESTRICT

Kapitolu 4: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi soġġetti għal restrizzjonijiet tal-moviment jew miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-mard elenkat jew mard emerġenti

AQUA-INTRA-BAIT

Kapitolu 5: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għall-użu bħala lixka ħajja tas-sajd

PAO-AQUA-INTRA-PROCESS

Kapitolu 6: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ prodott li ġejjin mill-annimali tal-akkwakultura għajr l-annimali tal-akkwakultura ħajjin, maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment

PAO-AQUA-INTRA-RESTRICT

Kapitolu 7: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-moviment fl-Unjoni ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali tal-akkwakultura għajr l-annimali tal-akkwakultura ħajjin soġġetti għal restrizzjonijiet tal-moviment jew miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-mard elenkat jew mard emerġenti

KAPITOLU 1

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ ANNIMALI AKKWATIĊI MAĦSUBA GĦALL-ISTABBILIMENTI TAL-AKKWAKULTURA (MUDELL “AQUA-INTRA-ESTAB”)

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

Image 6

KAPITOLU 2

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ ANNIMALI AKKWATIĊI MAĦSUBA GĦAR-RILAXX FL-AMBJENT NATURALI (MUDELL “AQUA-INTRA-RELEASE”)

Image 7

Image 8

Image 9

Image 10

Image 11

Image 12

KAPITOLU 3

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ ANNIMALI AKKWATIĊI MAĦSUBA GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM (mudell “AQUA-INTRA-HC”)

Image 13

Image 14

Image 15

Image 16

Image 17

Image 18

KAPITOLU 4

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ ANNIMALI AKKWATIĊI SOĠĠETTI GĦAL RESTRIZZJONIJIET TAL-MOVIMENT JEW MIŻURI TA’ EMERĠENZA FIR-RIGWARD TAL-MARD ELENKAT JEW MARD EMERĠENTI (MUDELL “AQUA-INTRA-RESTRICT”)

Image 19

Image 20

Image 21

Image 22

KAPITOLU 5

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ ANNIMALI AKKWATIĊI MAĦSUBA GĦALL-UŻU BĦALA LIXKA ĦAJJA TAS-SAJD (mudell “AQUA-INTRA-BAIT”)

Image 23

Image 24

Image 25

Image 26

Image 27

KAPITOLU 6

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ PRODOTT LI ĠEJJIN MILL-ANNIMALI TAL-AKKWAKULTURA GĦAJR L-ANNIMALI TAL-AKKWAKULTURA ĦAJJIN, MAĦSUBA BIEX JIĠU PPROĊESSATI ULTERJORMENT (MUDELL “PAO-AQUA-INTRA-PROCESS”)

Image 28

Image 29

Image 30

Image 31

KAPITOLU 7

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-MOVIMENT FL-UNJONI TA’ PRODOTTI LI ĠEJJIN MILL-ANNIMALI TAL-AKKWAKULTURA GĦAJR L-ANNIMALI TAL-AKKWAKULTURA ĦAJJIN SOĠĠETTI GĦAL RESTRIZZJONIJIET TAL-MOVIMENT JEW MIŻURI TA’ EMERĠENZA FIR-RIGWARD TAL-MARD ELENKAT JEW MARD EMERĠENTI (MUDELL “PAO-AQUA-INTRA-RESTRICT”)

Image 32

Image 33

Image 34

Image 35


ANNESS II

L-Anness II fih il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li ġej:

MUDELL

AQUA-ENTRY-ESTTAB/RELEASE/OTHER

Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ annimali akkwatiċi maħsuba għal ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura, għar-rilaxx fl-ambjent naturali, jew għal skopijiet oħrajn, ħlief il-konsum dirett mill-bniedem

MUDELL TA’ ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ ANNIMALI AKKWATIĊI MAĦSUBA GĦAL ĊERTI STABBILIMENTI TAL-AKKWAKULTURA, GĦAR-RILAXX FL-AMBJENT NATURALI, JEW GĦAL SKOPIJIET OĦRAJN, ĦLIEF IL-KONSUM DIRETT MILL-BNIEDEM (MUDELL “AQUA-ENTRY-ESTAB/RELEASE/OTHER”)

Image 36

Image 37

Image 38

Image 39

Image 40

Image 41

Image 42


ANNESS III

L-Anness III fih il-mudell tad-dikjarazzjoni li ġej:

MUDELL

AT-AQUA-SEA

 

Mudell tad-dikjarazzjoni mill-kaptan tal-bastiment: Addendum għat-trasport ta’ ċerti annimali akkwatiċi li jidħlu fl-Unjoni bil-baħar

MUDELL TAD-DIKJARAZZJONI MILL-KAPTAN TAL-BASTIMENT: ADDENDUM GĦAT-TRASPORT TA’ ĊERTI ANNIMALI AKKWATIĊI LI JIDĦLU FL-UNJONI BIL-BAĦAR

(MUDELL “AT-AQUA-SEA”)

Għandha timtela u tinhemeż maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali rilevanti għad-dħul fl-Unjoni meta t-trasport isir b’bastiment, anki għal parti mill-vjaġġ, għajr bastimenti tas-sajd li jħottu annimali akkwatiċi selvaġġi u prodotti li ġejjin minn annimali akkwatiċi selvaġġi għall-konsum dirett mill-bniedem imsemmijin fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, ir-referenzi għall-Unjoni Ewropea f’dan iċ-ċertifikat jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

Image 43


ANNESS IV

Tabella ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3 sa 17

Anness I

Anness II Parti A u Parti B

Anness I

Anness II Parti C

Anness III

Anness IV Partijiet A, B u C

Anness II

Anness IV Parti D

Anness III

Anness V

Artikolu 3