28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/97


REGOLAMENT (UE) 2020/2226 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’Diċembru 2020

dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (3) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ ("il-perjodu ta' tranżizzjoni"), li matulu l-liġi tal-Unjoni tkompli tapplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit) f’konformità mal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

L-għan prinċipali tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa li jiġi stabbilit u jinżamm livell għoli u uniformi ta’ sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni. Għal dak l-iskop, ġiet stabbilita sistema ta' ċertifikati għal diversi attivitajiet tal-avjazzjoni, sabiex jinkiseb il-livell ta’ sikurezza meħtieġ u sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki meħtieġa u jiġu aċċettati b’mod reċiproku ċ-ċertifikati maħruġa.

(3)

Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, il-konsegwenzi ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni għaċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet mingħajr ftehim li jistabbilixxi r-relazzjoni l-ġdida tas-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jistgħu jiġu indirizzati minn ħafna partijiet ikkonċernati permezz ta’ diversi miżuri. Dawk il-miżuri jinkludu t-trasferiment lejn awtorità tal-avjazzjoni ċivili ta’ wieħed mill-Istati Membri u l-applikazzjoni, qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, għal ċertifikat maħruġ mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”), b'effett mill-jum wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(4)

Madankollu, għal xi ċertifikati, jeħtieġ jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta' tmiem il-perijodu ta' tranżizzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ għaċ-ċertifikati tad-disinn maħruġa qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni mill-Aġenzija lil organizzazzjonijiet tad-disinn bil-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit, jew minn dawk l-organizzazzjonijiet tad-disinn approvati mill-Aġenzija. Sa dik id-data, l-Aġenzija kienet qed twettaq il-funzjonijiet u l-kompiti tal-“Istat tad-disinn” skont il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Annessi tagħha f'isem ir-Renju Unit kif previst fl-Artikolu 77(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139. Wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-funzjonijiet u l-kompiti tal-“Istat tad-disinn” fir-rigward tar-Renju Unit ser jiġu assunti mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit. Sabiex jindirizza dik il-bidla, ir-Renju Unit ippromulga leġiżlazzjoni li tqis iċ-ċertifikati tad-disinn maħruġa qabel il-perjodu ta’ tranżizzjoni bħala maħruġa skont il-liġijiet tar-Renju Unit b’effett minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(5)

Miżuri speċifiċi min-naħa tal-Unjoni huma meħtieġa biex ikun żgurat li, sa fejn huma kkonċernati l-inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Unjoni, id-disinji li kienu koperti minn tali ċ-ċertifikati tad-disinn ikomplu jkunu koperti minn ċertifikati tad-disinn irregolati mir-Regolament (UE) 2018/1139 wara tmiem il-perjodu tranżitorju. Il-miżuri speċifiċi jenħtieġ jippermettu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru kkonċernati biex ikomplu jużaw il-prodotti inkwistjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi previst li l-Aġenzija jew, skont il-każ, l-organizzazzjonijiet tad-disinn approvati minnha, jitqiesu li jkunu ħarġu ċ-ċertifikati tad-disinn li jkopru dawk id-disinji b’effett mill-jum wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti rilevanti tal-Kummissjoni jipprevedu tali ċ-ċertifikati tad-disinn, maħruġa fuq il-bażi li l-inġenju tal-ajru inkwistjoni jkun irreġistrat fi Stat Membru, anki jekk pajjiż terz ikun l-Istat tad-disinn.

(6)

Huwa neċessarju li jiġi ċċarat li dawk iċ-ċertifikati tad-disinn huma soġġetti għar-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti ta’ implimentazzjoni u delegati rilevanti adottati bis-saħħa tiegħu jew tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), b’mod partikolari dawk applikabbli għaċ-ċertifikazzjoni tad-disinn u l-informazzjoni obbligatorja dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà.

(7)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jitqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(8)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri, iż-żamma ta’ livell għoli u uniformi ta' sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost , minħabba l-iskala u l-effeti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika mill-jum wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ jew japplika proviżorjament sa dik id-data ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li jirregola kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili relatati maċ-ċertifikati tad-disinn indirizzati f’dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tat-tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, għal ċerti ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew (UE) 2018/1139 għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċertifikati tad-disinn elenkati fl-Anness li jkunu validi fil-jum qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li jkunu nħarġu mill-Aġenzija lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit jew minn organizzazzjoni tad-disinn li jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fir-Renju Unit.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss fir-rigward tal-inġenji tal-ajru rreġistrati fl-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament u skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Artikolu 3

Validità taċ-ċertifikati

Iċ-ċertifikati tad-disinn imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jitqiesu li nħarġu b’effett mid-data msemmija fl-Artikolu 5(2):

(1)

mill-Aġenzija, fir-rigward taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2) li nħarġu mill-Aġenzija;

(2)

minn organizzazzjoni approvata mill-Aġenzija, fir-rigward taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2) li nħarġu minn organizzazzjoni tad-disinn approvata mill-Aġenzija.

Artikolu 4

Regoli u obbligi dwar iċ-ċertifikati rregolati mill-Artikolu 3

1.   Iċ-ċertifikati rregolati mill-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli applikabbli għalihom f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti ta’ implimentazzjoni u delegati rilevanti adottati bis-saħħa ta' dak ir-Regolament jew tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (6).

2.   L-Aġenzija għandu jkollha s-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti ta’ implimentazzjoni u delegati rilevanti adottati skont dak ir-Regolament u skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 fir-rigward ta’ entitajiet li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom f’pajjiż terz.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum wara dak li fih il-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit skont l-Artikoli 126 u 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili relatati maċ-ċertifikati tad-disinn imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ jew, skont il-każ, ikun japplika provviżorjament sad-data msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2020. (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2020.

(2)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).


ANNESS

LISTA TA’ ĊERTIFIKATI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

1.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (1) , l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti B (Ċertifikati tat-tip u ċ-ċertifikati tat-tip ristretti)

2.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti D (Bidliet fiċ-ċertifikati tat-tip u fiċ-ċertifikati tat-tip ristretti)

3.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti E (Ċertifikati tat-tip supplimentari)

4.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti M (Tiswijiet)

5.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti O (Awtorizzazzjonijiet tal-Ordni ta’ Standard Tekniku Ewropew)

6.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti J (Approvazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tad-disinn)

(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).